Kitba ta’ Patri Juan De Bono ocd
L-aħwa, l-Iskrittura tgħallimna u tirrakkomandalna “li l-għadu tagħna x-xitan qisu ljun jgħajjat idur ifittex lil min jibla’ IEQFULU SĦAĦ FIL-FIDI” (1 Ptr 5, 8).
Ibża mid-demonju mela minn Pantera !
Ftit tal-ġimgħa ilu qam għagħa u pandemonju fuq il-miedja għax Bormla kienu qalu li lemħu Pantera.
U jiena nidħaq, għax anki jekk din tassew intlemħet, imma jiena minn hawn ma għandix għalfejn nibża għax din il-pantera x’tista’ qatt tagħmilli ?
Bil-maqlub dak li tassew għandu jwerwirna huwa D-DNUB, huwa X-XITAN, huwa LUĊIFRU u l-allejati tiegħu li bħal x’aktarx ukreni (għax ix-xitan hekk jagħmel jattakka bla ma jammetti wara li kien hu) kienu għassa bla ma ħadd kien jaf bihom għal vapur Russu Artic Metagaz li kien għaddej minn nofs il-Mediterran.
Għax milqut, it-tanker Arctic Metagaz ħadd ma jridu wara biebu
Nafu kif spiċċa dan it-tanker tal-gas, u nafu li issa għax milqut ħadd ma jridu wara biebu.
Hekk jagħmillek ix-xitan, joqgħod wara l-ħajt jilgħab nogħli, imma malli tgħaddi arah jispara fuqek biex jipprova jgħerrqek.
Ix-xitan qisu dik in-nemusa rqieqa, li tħalliek se taqbad torqod u tiġi tvenven ma’ widnejk biex tqajmek u tħarbatlek l-irqad.
Mela tajjeb, meta t-tanker Arctic Metagaz kien mimli gas, kull port u kull power station kienet lesta li tirċevih, u issa għax sparaw fuqu, il-crew abbandunaw il-bastiment u ħallewh ifendi għal rasu f’nofs baħar. Biex tara kif timxi d-dinja meta int ma għandikx aktar x’toffrilha, tarmik u tarak biss bħala piz li ma tiflaħx terfgħu.
Inbaxxu rasna BISS quddiem Alla
Id-dinja tbaxxi rasha qisha belha quddiem mexxejja narċisisti li qegħdin imexxu d-dinja u jiffjuwiljaw dawn il-gwerer li mdawrin bihom, imma se tasal is-siegħa, u ma naħsibx li hija ‘l bogħod, meta dawn il-potenti tad-dinja għad jispiċċaw Bar-B-Q, u kbira se tkun l-umiljazjoni li se jieħdu.
Kemm se nidħaq meta mil bogħod nara lil Putin, lil Trump, lil Xi Jinping, lil Mojtaba Kamelei, lil Netanyahu u lil bosta oħrajn jiddawru fuq dik il-virga tal-ħadid bla ma jistgħu jiċċaqaqlu!!!! Ahhhh kemm sewwa jgħid il-Malti li ‘min jidħaq l-aħħar jidħaq l-aħjar’.
Ma jafux dawn li personalitajiet li bħalissa jaħsbu li ħadd ma jista’ għalihom, li min kien bħalhom fl-istorja, DEJJEM spiċċaw ħażin ? Basta niftakru f’Hitler u f’Mussolini, biex insemmu biss tnejn.
Il-folja malajr iddur u id-99.97 % ta’ voti li Lee Jae Myung ġab fl-elezjonijiet f’teptipa ta’ għajn isiru 0.03 %. Ahhhh kemm hu iblaħ il-bniedem li jimla rasu biċ-ċapċip tan-nies. Oh ‘frugħa tal-frugħat kemm tassew KOLLOX hu frugħa’. Kemm tassew ‘riħ ta’ siegħa jnaddaf qiegħa’. U kemm hu aħjar dak il-bniedem li jaqlagħha u jiekolha, imma li t-tama tiegħu hija biss Alla l-imbierek, u għal kull bżonn iħares ‘l fuq lejn Alla, li jisimgħu.
Alla HUWA DEJJEM maż-żgħir, DEJJEM ma min ma għandux minn jiddefendih.
Alla DEJJEM jilqagħna b’dirajH miftuħa beraħ
Imma Alla lilna jilqagħna, anki jekk feruti, anki jekk b’daqqa li tħalli marki fuqna. Il-vapur Arctic Metalgaz ħadd ma jridu (anki jekk issa jidher li l-Libja lesta tiġbdu lejn xtutha), imma d-dirgħajn kollhom ħniena ta’ Alla jilqgħuna fihom dejjem, u ġaladarba nkunu f’dirajH, u ġaladarba Marija tkun hemm ħdejna flimkien mal-Qaddisin u l-Anġli kollha tas-Sema, ħadd ma jkun jista għalina.
NINTELQU F’DIRGĦAJH BĦAL PRIŻA
Kemm tassew kienet għarfa Santa Eliżabetta tat-Trinita’ li f’Talba monumentali li splodiet minn qalbha wara jum ta’ rtir nhar il-21 ta’ Novembru tal-1904, hija tesprimi x-xewqa li “nintelaq f’idejk bħal priża”. L-aħwa, il-ħajja spiss inqattgħuha nippruvaw naħarbu minn Alla u mir-rieda tiegħU għalina (bħalma ġurdien fil-kampanja jipprova jaħrab minn ajkla), imma huwa BISS meta nintelqu f’idejH bħal priża li aħna nistgħu tassew nitilgħu ‘l fuq ‘l fuq.
IL-PROBLEMA TAGĦNA HIJA BISS META NITBIEGĦDU MINN ALLA. Dik tkun tassew dramma.
Imma l-mument li aħna nerġgħu nibdew inħallu lil Alla jippilota l-bastiment ta’ ħajjitna, jistgħu mhux jippruvaw jisparaw fuqna għax f’wiċċhom jibqa’.
PROTEZJONI INPENETRABBLI
Alla l-Imbierek huwa awqa minn kull Iron Dome, David’s sling u Arrow’s system, għax filwaqt li dawn ġieli jfallu IMMA L-PROTEZJONI TA’ ALLA, ma dawk ta’ Marija, l-Qaddisin u l-Anġli MA JFALLU QATT.
Kristu miet għalina biex tara kemm aħna prezzjużi għaliH.
Kristu ħallielna lil Ommu biex tkun magħna meta nkunu mgħattna bit-toqol tas-salib li l-ħajja toffrilna.
Il-Qaddisin jaddottawna u jaraw li aħna nikbru fl-ispirtu ta’ Ġesu’ Kristu, filwaqt li l-Anġlu Kustodju u sħabu jipproteġuna minn perikli anki żgħar li aħna lanqas biss nintebħu bihom.
Filwaqt li s-Sagrament igħinuna ngħixu sa minn din il-ħajja stess, il-hajja tas-Sema, billi jgħaqqduna mar-rebħa ta’ Kristu fuq il-mewt.
IKUN IMFAĦĦAR L-ISEM TA’ ALLA GĦAL DEJJEM.