Il-Papa Ljun XIV dwar il-ġerarkija fil-Knisja

LJUN XIV
UDJENZA ĠENERALI
Pjazza San Pietru
L-Erbgħa 25 ta’ Marzu 2026

Katekeżi. Id-Dokumenti tal-Konċilju Vatikan II. Kostituzzjoni dommatika Lumen gentium. 5. Fuq il-fundament tal-Appostli. Il-Knisja fid-dimensjoni ġerarkika tagħha

Għeżież ħuti, -għodwa t-tajba u merħba!

Inkomplu bil-katekeżijiet fuq id-Dokumenti tal-Konċilju Vatikan II, u qed nikkummentaw i9l-Kostituzzjoni dommatika Lumen gentium fuq il-Knisja (LG). Wara li ppreżentajnieha bħala poplu ta’ Alla, illum ħa nqisu l-għamla ġerarkika tagħha.

Il-Knisja Kattolika ssib il-fundament tagħha fl-Appostli, li Kristu riedhom ikunu l-kolonni ħajjin tal-Ġisem mistiku tiegħu, u għandha dimensjoni ġerarkika li taħdem għas-servizz tal-għaqda, tal-missjoni u tat-tqaddis tal-membri kollha tagħha. Dan l-Ordni mqaddes hu mwaqqaf b’mod dejjiemi fuq l-Appostli (ara Efes 2:20; Apok 21:14), bħala xhieda awtorevoli tal-qawmien ta’ Ġesù (ara Atti 1:22; 1 Kor 15:7) u mibgħutin mill-Mulej innifsu f’missjoni fid-dinja (ara Mk 16:15; Mt 28:19). Billi l-Appostli huma msejħin iħarsu fedelment it-tagħlim salvifiku tal-Imgħallem (ara 2 Tim 1:13-14), huma jittrasmettu l-ministeru tagħhom lil bnedmin li, sa ma jerġa’ jiġi Kristu, ikomplu jqaddsu, imexxu u jgħallmu lill-Knisja “permezz tas-suċċessuri tagħhom fil-ħidma pastorali” (KKK, n. 857).

Din is-suċċessjoni appostolika, li għandha l-bażi tagħha fil-Vanġelu u fit-Tradizzjoni, il-Lumen gentium tinżel aktar fil-fond tagħha fil-kapitlu III, li jismu “Il-kostituzzjoni ġerarkika tal-Knisja u, b’mod partikulari, l-episkopat”. Il-Konċilju jgħallem li l-istruttura ġerarkika mhijiex xi ħaġa li sawwarha l-bniedem, funzjonali għall-organizzazzjoni interna tal-Knisja bħala korp soċjali (ara LG, 8), imma istituzzjoni divina bl-għan li tissokta l-missjoni mogħtija minn Kristu lill-Appostli sal-aħħar taż-żminijiet.

Il-fatt li din it-tema tiġi affrontata f’kapitlu III, wara li fl-ewwel tnejn hija kkontemplata l-essenza vera u proprja tal-Knisja (ara Acta Synodalia III/1, 209-210), ma jimplikax li l-kostituzzjoni ġerarkika hija element li jsegwi wara l-poplu ta’ Alla: kif jinnota d-Digriet Ad gentes, “l-Appostli kienu ż-żerriegħa ta’ Iżrael il-ġdid, u fl-istess ħin l-oriġni tal-ġerarkija mqaddsa” (n. 5), bħala komunità tal-mifdija mill-Qawmien ta’ Kristu, imwaqqfa bħala mezz ta’ salvazzjoni għad-dinja.

Biex nifhmu l-intenzjoni tal-Konċilju, tajjeb naqraw sew it-titlu tat-tielet kapitlu ta’ Lumen gentium, li jespliċita l-istruttura fundamentali tal-Knisja, li hi rċiviet minn Alla l-Missier permezz tal-Iben u mwassla għat-temma tagħha bit-tiswib tal-Ispirtu s-Santu. Il-Padri Konċiljari ma ridux jippreżentaw l-elementi istituzzjonali tal-Knisja, kif forsi jagħtik x’tifhem is-sostantiv “kostituzzjoni” jekk wieħed jifhmu f’sens modern. Imma d-Dokument aktar jikkonċentra fuq is-“saċerdozju ministerjali jew ġerarkiku”, li hu differenti “fl-essenza u mhux biss fil-grad” mis-saċerdozju komuni tal-fidili, u jfakkar li dawn huma “maħsuba għal xulxin għaliex it-tnejn, kull wieħed bil-mod tiegħu, jipparteċipaw mis-saċerdozju wieħed ta’ Kristu” (LG, 10). Il-Konċilju allura jittratta l-ministeru li jiġi trasmess lil irġiel mogħnija bis-sacra potestas (ara LG, 18) għas-servizz fil-Knisja: jieqaf b’mod partikulari fuq l-episkopat (LG, 18-27), u allura wkoll fuq il-presbiterat (LG, 28) u fuq id-djakonat (LG, 29) bħala gradi tas-sagrament waħdieni tal-Ordni.

Bl-aġġettiv “ġerarkika”, allura, il-Konċilju jrid jindika l-oriġni mqaddsa tal-ministeru appostoliku fl-azzjoni ta’ Ġesù, ir-Ragħaj it-tajjeb, kif ukoll tar-relazzjonijiet interni tiegħu. L-Isqfijiet, qabelxejn, u permezz tal-presbiteri u d-djakni tagħhom, irċivew ħidmiet (bil-Latin munera), li jwassluhom għas-servizz ta’ “dawk kollha li jagħmlu sehem mill-poplu ta’ Alla”, biex “jaħdmu flimkien bil-libertà u b’mod ordinat għall-istess skop u jaslu għas-salvazzjoni” (LG, 18).

Il-Lumen gentium tfakkar iktar minn darba u b’mod effikaċi l-karattru kolleġġjali u komunjonali ta’ din il-missjoni appostolika, u ttenni li “dan id-dmir li l-Mulej ta lir-ragħajja tal-poplu tiegħu hu servizz veru li l-Iskrittura Mqaddsa ssejjaħ b’isem li fih tifsira, ‘djakonija’ jew ministeru” (LG, 24). Allura nifhmu għaliex San Pawlu VI ppreżenta l-ġerarkija bħala realtà li “twieldet fl-imħabba ta’ Kristu, biex twettaq, ixxerred u tiggarantixxi t-trasmissjoni bla mimsusa u għammiela tat-teżor tal-fidi, ta’ eżempji, ta’ preċetti, ta’ kariżmi, imħolli minn Kristu lill-Knisja tiegħu” (Allokuzzjoni, 14 ta’ Settembru 1964, f’Acta Synodalia III/1, 147).

Għeżież ħuti, nitolbu lill-Mulej, biex jibgħat lill-Knisja tiegħu ministri li jkunu mħeġġa bil-karità evanġelika, mogħtija għall-ġid tal-imgħammdin kollha u missjunarji qalbiena f’kull rokna tad-dinja.

Miġjub għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading