ĊELEBRAZZJONI SOLENNI EWKARISTIKA AD UNUR
TAL-IMMAKULATA KONĊEZZJONI TAL-BEATA VERĠNI MARIJA
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Bażilika ta’ Santa Maria Maggiore – Is-Sibt, 8 ta’ Diċembru 1984
1. “Mimlija bil-grazzja . . .” (Lq 1, 28).
Meta dan il-kliem tal-arkanġlu kien imlissen, il-ġrajja mistennija mill-umanità laħqet il-quċċata tagħha.
U għalhekk, l-Immakulata Konċezzjoni tal-Beata Verġni Marija wkoll issib, kull sena, il-post liturġiku tagħha fil-perijodu tal-Avvent.
Infatti it-tislima “mimlija bil-grazzja” tixhed il-misteru tal-Immakulata Konċezzjoni.
Din it-tislima – fil-fomm tal-arkanġlu – tħejji r-rivelazzjoni tal-maternità divina ta’ Marija:
“Ara, inti tnissel fil-ġuf u jkollok iben u ssemmih Ġesù . . . L-Ispirtu Santu jinżel fuqek, u l-qawwa tal-Għoli tixħet id-dell tagħha fuqek, U għalhekk dak li jitwieled minnek ikun qaddis u jissejjah Bin Alla” (Lq 1, 31.35).
Marija! “Int sibt grazzja quddiem Alla” (Lq 1, 30).
Int: “mimlija bil-grazzja”. Il-milja tal-grazzja tfisser il-maternità divina.
Il-milja tal-grazzja tfisser ukoll l-Immakulata Konċezzjoni.
L-Immakulata Konċezzjoni hija minħabba l-maternità divina. Tali hija l-ordni tal-grazzja, jiġifieri tal-ekonomija feddejja ta’ Alla
2. Fis-sollennità tallum il-Knisja titlob b’dan il-kliem: “O Alla, li fl-Immakulata Konċezzjoni tal-Verġni int ħejjejt għamara xierqa għal Ibnek, u fl-antiċipazzjoni ta’ mewtu int ippriservajtha minn kull tebgħa tad-dnub, agħti lilna wkoll, bl-interċssjoni tagħha, li niltaqgħu miegħek bil-qdusija u l-purezza tal-ispirtu. B’Ġesù Kristu Sidna . . .”.
Din it-talba liturġika tiġbor fiha l-elementi kollha tal-fidi tal-Knisja ippriservata fit-tradizzjoni u mxandra bħala domma tal-qaddej ta’ Alla, ,il-Papa Piju IX, fis-sena 1854.
L-ewwel: il-preservazzjoni mid-dnub tan-nisel, jiġifieri L-Immakulata Konċezzjoni ta’ Marija, kellha tħejji “għamara xierqa” lill-Iben ta’ Alla fl-Inkarnazzjoni.
It-Tieni: dan il-ħelsien mid-dnub, jiġifieri l-Immakulata Konċezzjoni, huwa privileġġ li l-ġenetriċi ta’ Alla taf lir-redenzjoni mwettqa mis-salib ta’ Kristu.
Hekk mela l-misteru tal-Immakulata Konċezzjoni tal-Verġni Marija jeħodna Betlem u, fl-istess ħin fuq il-Kalvarju. Sa ċertu punt jiggwidana l-ewwel fuq il-Kalvarju u wara Betlem.
Marija kienet mifdija b’mod partikolari fl-ewwel waqt tal-konċepiment tagħha, in vista tas-sagrifiċċju ta’ Kristu redentur fuq il-Kalvarju biex tkun tistà ssir Omm ir-Redentur f’Nażżaret u f’Betlem.
3. F’dawn is-snin, li fihom qegħdin noqorbu lejn it-tmiem tat-tieni millennju, isir għalina partikolarment sinifikattiv il-perijodu tal-Avvent. Allura bħalma l-poplu magħżul, u flimkien miegħu l-umanità kollha, kien iħejji ruħu għall-miġja tas-Salvatur, hekk ukoll issa l-Knisja tħejji lilha nfisha flimkien mal-umanità għall-ġublew il-kbir tat-twelid ta’ Kristu.
Illum bosta fidili li jħobbu lil Marija jitolbu u jfittxu b’interess ħaj f’liema jum seħħ it-twelid tagħha. Infatti l-ewwel ġiet fid-dinja dik li kellha tkun l-Omm tal-Iben ta’ Alla, u mbagħad twieled l-Iben.
Il-Knisja tqim kull sena t-twelid ta’ Marija b’festa partikolari fil-jun tat-8 ta’Settembru. Madankollu din il-festa, fejn tidħol id-data, hija ta’ mportanza inqas mis-sollennità tal-Immakulata Konċezzjoni.
Fl-ewwel post hemm dan il-misteru. Infatti fih hemm ir-raġuni l-iktar essenzjali tal-Avvent: hawn, hija dik, li lilha, jum wieħed il-ġenituri kellhom ituha l-isem ta’ Myriam (Marija), fil-waqt tal-konċepiment tagħha fil-ġuf tal-omm hija ġġenerata, fil-milja kollha, minn Alla: hija il-“mimlija bil-grazzja”. Tali isem jakkompanjaha mill-ewwel waqt tal-konċepiment. Mimlija bil-grazzja.
U meta f’Lourdes Bernardetta tistaqsi lis-Sinjura s-Sabiħa isimha, semgħetha tgħidilha: “Jiena l-Immakulata Konċezzjoni”, jiġifieri l-Mimlija bil-grazzja.
4. Il-Knisja mela tara t-twelid terren ta’ Marija minn Ġwakkin u Anna permezz tal-misteru tat-twelid tagħha minn Alla.
Propju dan il-misteru, l-Immakulata Konċezzjoni, tiddi b’dawl partikolari fuq l-orizzont tal-Avvent. Sena wara sena, tali misteru jħejji l-Knisja għall-Milied tal-Mulej. Huwa hu wkoll id-dawl tal-Avvent li permezz tiegħu nħejju ruħna għall-ġublew il-kbir: it-tieni millennju tal-Inkarnazzjoni tal-Iben ta’ Alla. U fl-istess ħin it-tieni millennju tal-Maternità ta’ Marija.
L-Omm tal-Iben ta’ Alla hija b’mod sublimi mwielda minn Alla: fil-ġuf tat-Trinità Qaddisa.
Hija “mparentata” spiritwalment ma’ Alla stess.
Ejjew ngħidulha: bint il-Missier etern, tempju tal-Ispirtu Santu, Omm l-Iben! Imma ejjew ngħidulha wkoll għal iktar minn darba: “Filia tui beati Filii”: Bint il-Beatu Ibnek. Hekk hu infatti fl-ordni tal-grazzja, fl-ekonomija divina tar-redenzjoni ..
Dan kollu jispjega ruħu wkoll bil-misteru tal-Immakulata Konċejoni.
5. L-Immakulata Konċezzjoni hija l-ewwel sinjal u fl-istess ħin l-aħbar taż-żmien il-ġdid. Din hija l-bidu ta’ dik il-milja taż-żminijiet. Li dwarha jitkellem l-Appostlu. Hija tiddi mhux biss fuq l-orizzont tal-ewwel Avvent li diġa seħħ fil-lejl tat-twelid ta’ Alla, imma wkoll fuq l-orizzont tal-Avvent definittiv, li lejh l-umanità qegħda toqrob kontinwament “bla ma taf la l-jum u linqas is-siegħa” (Mt 25, 13).
Bi kliem tassew ispirat Sant’Anselmu jitkellem fil-liturġija tas-sigħat:
“Deus est Pater rerum creatarum, / et Maria mater rerum recreatarum. / Deus est Pater constitutionis omnium, / et Maria mater restitutionis omnium”.
“Alla huwa Missier r-realtajiet maħluqa, / u Marija hija omm tar-realtajiet maħluqa mill-ġdid. / Alla huwa Missiert al-kostituzzjoni tal-ħwejjeġ kollha, / u Marija hija omm ir-rikostruzzjoni tal-ħwejjeġ kollha”.
Mill-Konċezzjoni Immakulata ħadet il-bidu l-opra tar-rinnovament tal-bniedem mgħobbi bil-wirt tal-ewwel Adam.
Jalla s-sollennità tallum tillibera fina xewqa mħeġġa u inkontenibbli ta’ dan ir-rinnovament għall-jiem kollha tal-eżistenza terrena tagħna, u għaż-żmien stess fil-prospettiva definittiva.
Il-prospettiva tal-kostruzzjoni tal-ħwejjeġ kollha f’Alla, tat- twettiq tal-ħwejjeġ kollha f’Alla: “Alla jkun kollox f’kollox” (1 Kor 15, 28).
Jalla dik, li hija l-Immakulata Konċezzjoni – li ġiet fid-dinja bħala l-Mimlija bil grazzja – tmexxina dejjem lejn dak ir-rinnovament fi Kristu, skont il-kliem tal-Vanġelu: “Mill-milja tiegħu aħna lkoll ħadna” (Ġw 1, 16).
Hija tkun id-dawl tal-Avvent tagħna.
Ave, maris stella!
Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb