Mulej, jiena nemmen fik: kattar il-fidi tiegħi.
Nafda fik: saħħaħ it-tama tiegħi.
Inħobbok: ħallini nħobbok iktar u iktar.
Jiddispjaċini ta’ dnubieti: kabbar in-niket tiegħi.
Inqimek bħala l-bidu nett tiegħi,
nixtieqek bħala l-aħħar tmiem tiegħi.
Infaħħrek bħala l-għajnuna kostanti tiegħi, u nsejjaħlek bħala l-protettur ta’ mħabbti.
Mexxini bl-għerf tiegħek, ikkoreġini bil-ġustizzja tiegħek, farraġni bil-ħniena tiegħek,
ipproteġini bil-qawwa tiegħek. Noffrilek, Mulej, il-ħsibijiet tiegħi: biex ikunu ffissati fuqek;
kliemi: biex ikollu t-tama tiegħek; l-azzjonijiet tiegħi: biex jirriflettu l-imħabba tiegħi lejk;
it-tbatijiet tiegħi: biex jiġu mġarrba għall-ikbar glorja tiegħek.
Irrid nagħmel dak li titlob minni:
bil-mod kif nitlob, sakemm titlob, għax titlobha.
Mulej, dawwal il-moħħi tiegħi, saħħaħ ir-rieda tiegħi,
ippurifika qalbi, u agħmilni qaddis.
Għinni nindem minn dnubieti tal-imgħoddi u għinni nirreżisti t-tentazzjoni fil-ġejjieni.
Għinni nogħla ’l fuq mid-dgħufijiet umani tiegħi u nissaħħaħ bħala Nisrani.
Ħallini nħobbok, Mulej u Alla tiegħi,
u nara lili nnifsi kif jien tassew: pellegrin f’din id-dinja,
Nisrani msejjaħ biex nirrispetta u nħobb il-ħajjiet kollha li mmiss,
dawk b’awtorità fuqi jew dawk taħt l-awtorità tiegħi,
il-ħbieb tiegħi u l-għedewwa tiegħi.
Għinni nirbaħ ir-rabja bil-ħlewwa, ir-regħba bil-ġenerożità, l-apatija bil-ħerqa.
Għinni ninsa lili nnifsi u nilħaq lill-oħrajn.
Agħmilni prudenti fl-ippjanar, kuraġġuż fit-teħid ta’ riskji.
Agħmilni paċenzjuż fit-tbatija, umli fil-prosperità.
Żommni, Mulej, attent fit-talb, moderat fl-ikel u x-xorb, diliġenti f’xogħli, sod fl-intenzjonijiet tajba tiegħi.
Iċċara l-kuxjenza tiegħi, il-kondotta tiegħi mingħajr difett, kliemi bla tebgħa, ħajti kollha.
Żommni għassa kontra d-dgħufijiet umani tiegħi.
Ħallini ngħożż l-imħabba tiegħek għalija, inżomm il-liġi tiegħek, u fl-aħħar nasal għas-salvazzjoni tiegħek.
Għallimni nifhem li din id-dinja se tgħaddi,
li l-futur veru tiegħi hu l-hena tas-Sema,
li l-ħajja fuq l-art hija qasira, u l-ħajja li ġejja hija eterna.
Għinni nħejji ruħi għall-mewt. Ammen.
Miġjuba għall-Malti minn Dun Geoffrey George Attard