Xi mħabba kbira għandek għalina, o Ġesù; biex bil-paċenzja, tgħammar magħna fis-Sagrament tal-Ewkaristija, anke, meta tant bnedmin, ma jagħrfux l-preżenza tiegħek.
Nadurak, o Ġesù, għal dawk li ma jadurawkx.
Inħobbok, o Ġesù, għal dawk li ma jħobbukx.
Nirringrazzjak, o Salvatur tagħna, għal dawk li qatt ma jirringrazzjawk; u noffrilek l-imħabba, l-gratitudni u l-adorazzjoni kollha tal-Qalb Addolorata ta’ Marija, biex tpatti għal dak li hu nieqes f’qalbi stess, li ħafna drabi hija bierda u ngrata. (10 sekondi)
Frott l-imħabba kbira li għandek għalina, O Ġesù, Int għażilt li tagħti ħajtek. Għal tliet sigħat sħaħ, kont imdendel mal-għuda iebsa tas-salib. U dan għamiltu, biex issalvana, u tagħtina l-Ħajja ta’ dejjem.
Taħt is-salib tiegħek, kien hemm wieqfa ommok Marija, li permezz tal-Appostlu Ġwanni, Inti tajtilna bħala l-Omm tagħna lkoll. Illum, (lejlet it-tifkira popolari, li aħna l-Maltin nagħmlu), nikkonsagraw lilna nfusna lilha, lill-Qalb Bla Tebgħa tagħha, u bħal Marija, ngħaqqdu it-tbatijiet kollha tagħna Miegħek, għas-salvazzjoni tal-erwieħ. “Iva”, Mulej, bħal l-omm tagħna Marija, rridu li nagħmlu r-rieda tiegħek, billi bħalha ngħixu l-Evanġelju tul ħajjitna kollha.
Silenzju/background music 3min
Innu: ____________
Qari mill-Evanġelju skond San Ġwann Ġw 19,25-27
Kien hemm wieqfa ħdejn is-salib ta’ Ġesù, ommu, oħt ommu, Marija ta’ Kleofa u Marija ta’ Magdala. Mela kif Ġesù lemaħ lil ommu u lid-dixxiplu li kien iħobb wieqaf ħdejha, qal lil ommu: “Mara, hemm hu ibnek”. Imbagħad qal lid-dixxiplu: “Hemm hi ommok.” U minn dak il-ħin id-dixxiplu ħadha għandu.
Il-Kelma tal-Mulej
It-tifħir lilek Kristu
Silenzju/ soft background music 1min
Ħsieb:
Kemm hi qawwija din ix-xena li għadna kemm smajna f’dan l-Evanġelju. Marija, dik li welldet lil Ġesù, li tant ħadet ħsiebu, issa qed tarah imsallab fuq is-salib. Min jaf kemm ħsibijiet għaddew minn moħħ l-Omm Imqaddsa, hija u tara lil Binha mifni, miġruħ fuq is-salib. Persważ li staqsiet lilha nnifisha: X’għamel ibni, biex stħaqqlu dan kollu? Mhux ġid għamel ma’ kulħadd! Għalfejn din il-mibgħeda kollha lejh? Imma ħarsitha baqgħet fuqhu, fuq binha msammar; u persważ li f’qalbha reġgħet nisslet il-kliem: “ħa jsir minni skont kelmtek”. (10 sekondi)
Aħna lkoll, fil-ħajja tagħna ngħaddu minn mumenti iebsin u tat-tbatija. Mhux l-ewwel darba li f’dawn il-mumenti nħossuna se naqtgħu qalbna; li mhux qed niġu mifhuma; u li forsi anke nazzardaw inlissnu, li Alla nsiena. Imma f’dawn il-mumenti diffiċli, ejjew inħossu dawk l-idejn li qed jaqbduna minn spallejna, dawk l-idejn li qed jgħinnuna nqumu, u hemm inħossu t-tgħanniqa tagħha, t-tgħanniqa ta’ Omm. Hemm mgħannqin magħha, nħossu l-imħabba tal-Omm, u nagħrfu li m’aħniex waħedna, imma li hi qegħdha magħna, u qed tgħinna, biex bħalha, nagħmlu r-rieda tal-Missier.
Silenzju biss 3 min
Marija, taħt is-salib ta’ binha, ġarrbet f’qalbha dak li Ġesù ġarrab fil-ġisem safi tiegħu. Quddiem dik it-tbatija, quddiem l-inġustizzji fuq Binha Ġesù, hija ma tlissen l-ebda kelma, imma l-Evanġelista Ġwanni jgħidilna, li hi baqgħet ‘wieqfa’, baqgħet persuna determinata, temmen li Alla ma kienx telaqha weħidha, mqar f’waqt daqshekk ta’ dieqa.
Ħa niftakru llum f’tant ommijiet li qed ibatu minħabba wliedhom, minħabba żwieġhom; fl-ommijiet li mhumiex stmati, li huma maħqura, li huma morda, li huma weħidhom. Għandna ħafna minn dawn l-ommijiet, u llejla ejjew nippreżentawhom lil Marija, sabiex tinterċedi hi għalihom. Fuq kollox nitolbuha l-għajnuna tagħha biex tgħin lilna wkoll fil-waqtiet iebsa, meta nħossu t-toqol tas-salib jagħfas fuqna.
Silenzju/ soft background music 4 min
Kant: ________________
Talbiet tal-Komunitá
Ejjew issa nressqu t-talbiet tagħna lil Alla, bl-interċessjoni ta’ Sidtna Marija Addolorata.
Kun Mulej mal-Knisja tiegħek, għinnha biex tkompli xxandar l-Evanġelju tiegħek lill-bnedmin kollha. Nitolbu.
Mulej Ġesù, Int ridt li ommok Marija ħdejn is-salib, iġġarrab weġġgħat kbar f’qalbha, tarak vittma tal-kefrija tal-bnedmin: eħles mill-kefrija, u minn kull xorta ta’ vjolenza, lil tant bnedmin li qed ibatu fid-dinja, għall-ġustizzja u l-verità. Nitolbu.
Nitolbu għall-ommijiet kollha li jibku lil uliedhom, biex il-Mulej, bl-interċessjoni ta’ ommu ikun il-faraġ tagħhom. Nitolbu.
Nitolbuk Mulej, biex aħna jkollna dejjem lil din l-Omm li takkumpanjana fil-ħajja tagħna, li Inti tajtilna bħala rigal meta kont fuq is-Salib. Nitolbu.
Nitolbuk għal paċi fid-dinja; nitolbu għal dawk li għandhom l-awtorità biex mas-setgħa jkollu l-għaqal. Nitolbu.
Nitolbuk Mulej, biex aħna dejjem ngħożżu l-ħajja f’kull waqt tagħha, mill-ewwel mument tat-tnissil sa tmiem naturali tagħha. Nitolbu.
Nitolbuk Mulej, biex aħna nitgħallmu minn Marija, inkunu viċin dawk kollha li qegħdin ibatu, biex bil-preżenza tagħna, nuru solidarjetà u mħabba lejhom. Nitolbu.
Ejjew issa nagħmlu t-talba personali tagħna.
Tingħata l-Barka Sagramentali:
Dal Misteru