Marija xxerred barka u sliem. Omelija tal-Isqof Anton Teuma

Il-Ħadd, 6 ta’ Lulju 2025: Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma fil-Festa titulari tal-Viżitazzjoni. Bażilika u Kolleġġjata tal-Viżitazzjoni, Għarb.

Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma

Għadna kif smajna dan il-Vanġelu sabiħ (Lq 1:39-46), fejn Eliżabetta lil Marija tgħidilha: “Imbierka inti fost in-nisa u mbierek il-frott tal-ġuf tiegħek”. Fi kliem ieħor qaltilha: ‘M’hawnx mara oħra bħalek fid-dinja!’. Il-Madonna la kienet tmexxi kumpaniji, la rebħet xi kompetizzjoni ta’ sbuħija, la kellha xi ħafna rġiel, la kienet maniġer tagħhom u tmexxihom, lanqas kellha xi ħafna kontijiet il-bank jew ishma investiti ՚l hawn u ՚l hemm. Filwaqt li dan kollu importanti, almenu sakemm iservina biex ngħixu, imma għaliex Eliżabetta lil Marija qaltilha: ‘M’hawnx oħra bħalek’? Hemm xi ħaġa li forsi qegħdin nitilfu aħna f’din il-‘M’hawnx oħra bħalek!’? Żgur li l-ebda cameraman u l-ebda ġurnalist ma kien jagħti kasha lill-Madonna. Għaliex m’hawnx oħra bħalha? X’qiegħed jaħarbilna minn Marija li m’aħniex naħkmu u naqbdu fid-dinja li qegħdin ngħixu fiha?

Il-Vanġelu jgħinna ħafna. Eliżabetta lil Marija tgħidilha xi ħaġa importanti: “Imbierka inti fost in-nisa”. Imma mhux biss, ma tiqafx hemm, imma tkompli: “…u mbierek il-frott tal-ġuf tiegħek”. Tgħaqqad flimkien żewġ affarijiet li llum qegħdin nifirduhom ħafna: id-dinjità tal-mara – il-mara hi importanti, fis-soċjetà hi essenzjali l-identità femminili; u l-funzjoni tal-maternità – il-kapaċità li tiġġenera l-ħajja. U forsi llum dawn fridniehom ħafna minn xulxin. Kważi kważi ngħidu li biex tkun mara ma tistax tkun omm, jew jekk tkun omm trid tinsa l-femminilità u d-dinjità tiegħek ta’ mara. Illum hemmhekk qegħdin. Imma l-Vanġelu, li huwa bbilanċjat immens, li huwa l-Kelma ta’ Alla għalina, jgħidilna li jistgħu joqogħdu flimkien – maternità u femminilità – u waħda ma teżawrix u ma tiblax lill-oħra.

Semgħet il-Kelma ta’ Alla

Għaliex Marija hija l-imbierka fost in-nisa? Għaliex hija l-aqwa waħda fost in-nisa? Il-Vanġelu li għadna kif smajna jibda bil-kelmiet: “F’dawk il-ġranet Marija qamet”. Liema kienu “dawk il-ġranet”? Dawk il-ġranet kienu ftit wara li semgħet il-Kelma ta’ Alla; ftit wara li daħal l-anġlu għandha, jgħidilna l-Vanġelu ta’ San Luqa. Semgħet il-kelma tal-anġlu u tqum: “qamet Marija”. Dak il-verb, bil-Grieg, huwa l-istess verb tal-Qawmien: anastasa; l-istess verb li bih il-Vanġeli jirrakkuntaw li Ġesù qam għal ħajja ġdida. Mhux sempliċiment verb li juri bidla fil-pożizzjoni: l-ewwel kienet bilqiegħda u mbagħad qamet. Huwa verb ħafna iktar profond. Meta l-Vanġelu jgħidilna li Marija qamet, San Luqa jrid ifisser li nbidlet xi ħaġa kbira ġo fiha, mhux barra minnha, mhux l-apparenza tagħha, mhux żdiedu l-kontijiet il-bank, mhux rebħet xi kompetizzjoni tal-aħjar amministratur. Xi nbidel ġo fiha? Semgħet il-Kelma ta’ Alla u ħallietha toqgħod ġo fiha.

Kemm għandna bżonn nisimgħu l-Kelma ta’ Alla biex inqumu! Kemm hawn nisa u rġiel mimdudin, mhux fil-pożizzjoni, imma għax mgħaffġin, għax mhux imqajmin. M’hemmx ġewwa fihom l-ispirtu ta’ ħajja ġdida. Kemm għandna bżonn nisimgħu l-Kelma ta’ Alla, bħal Marija, li tqajjimna u toħloq fina ħajja ġdida! Hekk jagħmel Ġesù bil-kelma tiegħu… ikellem lit-tifla ta’ Ġajru u jgħidilha: “Talitha, qum!” (Mk 5:41). U din it-tifla tqum. Iqajjem lill-mara li kienet ilh 12-il sena mgħawġa u nefqet ġidha kollu, u jgħidilha: “Qum!” (Mk 5:24). Jiddrittaha, mhux fiżikament imma psikoloġikament u spiritwalment. Jagħtiha dinjità u identità. U nistgħu nibqgħu sejrin… il-laqgħat ta’ Ġesù man-nisa fil-Vanġelu. Lis-Samaritana jagħtiha interpretazzjoni ġdida fuq l-istorja tagħha (Ġw 4:1-42). Għax Ġesù hekk jaf jagħmel: meta jiltaqa’ mal-bniedem, meta l-bniedem jiftaħlu qalbu, meta aħna niftħu qalbna biex nisimgħu l-Kelma, il-Kelma tagħtina ħajja ġdida ġo fina u tqajjimna kif ġralha Marija.

Qamet u marret tħaffef

Liema hu l-verb l-ieħor li jsemmi San Luqa? “Qamet Marija u marret tħaffef lejn l-għoljiet”. Interessanti dan il-verb li fil-Vanġelu ta’ San Luqa nsibuh tliet darbiet oħra biss. Huwa verb rari – li tqum u tħaffef. L-ewwel darba li nsibuh hu proprju hawn. Bħallikieku Alla, f’Marija, iħaffef. Alla lil Marija ma jħallihiex bi kwietha, joħloq fiha entużjażmu, qawwa, xi ħaġa ġdida, qawwa ġdida. U titlaq Marija, tħaffef lejn l-għoljiet – dan hu vanġelu mimli ħeffa – ħadd mhu mtaqqal bil-ħajja imma kulħadd mimli hena. Dan hu l-vanġelu li għadna kif smajna: Alla li jħaffef biex jiltaqa’ mal-bniedem. L-ewwel li jħaffef huwa Alla, huwa Ġesù f’Marija li jħaffef biex jiltaqa’ ma’ Eliżabetta. Alla li jħaffef, li għandu xewqa kbira biex jiltaqa’ magħna.

Imbagħad fil-Vanġelu dan il-verb insibuh tliet darbiet oħra: l-ewwel lir-ragħajja li jmorru jħaffu biex jaraw jekk il-kliem li qalilhom l-anġlu hux minnu jew le (Lq 2:16); imbagħad dan il-verb insibuh darbtejn oħra fl-istorja ta’ Żakkew (Lq 19:1-10): “Żakkew, ħaffef inżel minn hemm”, jgħidlu Ġesù. Hawnhekk terġa’ toħroġ qawwija ix-xewqa ta’ Alla li jiltaqa’ mal-bniedem: “Ħaffef, inżel minn hemm għax illum jeħtieġli noqgħod għandek”. Din hi x-xewqa ta’ Alla: li joqgħod għandna, li joqgħod magħna. Din hi x-xewqa ta’ Ġesù, Alla mnissel fil-qalb ta’ Marija: irid imur biex jiltaqa’, f’dinja fejn għandna ħafna mezzi biex niltaqgħu imma ftit qed niltaqgħu verament, fiżikament, wiċċ imb wiċċ.

Saħansitra kultant, anki l-istess Ewkaristija, li hija l-post per eċċellenza, il-Knisja, fejn aħna niltaqgħu wiċċ imb wiċċ, anki hawnhekk kultant qed insibu skuża biex nevitawha u ngħidu li nsegwu l-quddiesa minn fuq it-televiżjoni, ‘għax inkun iktar bi kwieti’. Fejn hi l-laqgħa wiċċ imb wiċċ? Fejn hi din ix-xewqa li għandu Alla biex jiltaqa’ magħna wiċċ imb wiċċ, u kif aħna qegħdin nilqgħuha jew ma nilqgħuhiex din ix-xewqa ta’ Alla? U Żakkew “jinżel malajr”, jgħidilna l-Vanġelu. Dan juri kif għandha tkun ir-risposta tagħna. Kif għamlet Eliżabetta: laqgħetha malajr lil Marija.

Daħlet

Niġu għat-tielet verb… l-ewwel “qamet”, it-tieni “marret tħaffef”, imbagħad “daħlet għand Żakkarija”. Diġà semmejnieh kemm-il darba dan il-verb “tidħol”. Alla jixtieq jidħol fil-ħajja tagħna u fid-dar tagħna. Ma ninsewx li ftit qabel l-anġlu kien “daħal għandha” (Lq 1:28), tnissel fiha Ġesù; u issa Ġesù jirrepeti dak li ġara f’Marija għand Eliżabetta u Żakkarija: “daħlet għand Żakkarija” (Lq 1:40). Żakkarija sieket għax ma laqax lill-anġlu li daħal għandu, imma Alla jagħtih ċans ieħor. Issa jidħol l-anġlu permezz ta’ Marija. Marija “daħlet għand Żakkarija”, u hekk jagħmel Alla magħna. Jekk ma nilqgħuhx mal-ewwel, mat-tieni u mat-tielet darba – min jaf kemm-il elf darba li qegħdin hawnhekk fil-knisja – jista’ jkun illum il-mument li jien niftaħlu qalbi biex jidħol permezz tal-Kelma tiegħu ħalli jbiddilni minn ġewwa. Għax ta’ barra, il-ġudizzji tal-oħrajn, dak li jgħidu l-oħrajn fuqi, jekk iniex aċċettat jew le, approvat jew le, jekk iċapċpulix jew le, dak huwa inqas importanti, jew mhux importanti. U l-iktar importanti hu kif nilqa’ l-Kelma ta’ Alla.

Sellmet lil Eliżabetta

Daħlet Marija għand Żakkarija “u sellmet lil Eliżabetta”, ir-raba’ verb. Dan huwa verb importanti ħafna fl-Iskrittura. Il-verb ‘issellem’ u l-kelma ‘sliem’ huma marbutin flimkien, anki fil-lingwa tagħna stess. Issellem tfisser li tixtieq is-sliem, ix-shalom tal-Lhud. Din hija l-barka kollha ta’ Alla. Mhux biss li jkollok il-paċi u li tkun kuntent, imma li ma jkun jonqsok xejn, li tkun realizzat, li jkollok il-ħajja fil-milja kollha tagħha. Ix-shalom u l-berakah (il-barka) – “imbierka inti fost in-nisa” – huma ħaġa waħda. Ma setgħetx toħroġ xi ħaġa oħra mill-fomm ta’ Marija ħlief din it-tislima. Jekk imbagħad Eliżabetta dritt wara tgħidilha “mbierka”, il-berakah, il-barka ta’ Alla hija marbuta ħafna mal-ħajja. Fil-fatt l-ewwel darba li nsibu din il-kelma ‘barka’, din ix-shalom per eċċellenza, hu meta Alla, wara li joħloq lil Adam u lil Eva, “berikhom” u jgħidilhom: “Nisslu u oktru u imlew l-art u aħkmu fuqha” (Ġen 9:7).

Is-sliem, il-berakah, hu marbut mal-ħajja, b’mod speċjali mal-għajn tal-ħajja. U min hu jew min hi l-ħarries tal-ħajja jekk mhux il-mara, li fiha titnissel il-ħajja, li tosserva fiha jiġru ħwejjeġ li m’għandha l-ebda kontroll fuqhom? Jiġru mirakli fiha! U allura kemm tidher stramba u artifiċjali meta tisma’ mara titkellem favur l-abort! Kemm tidher xi ħaġa li ma tinħassx, xi ħaġa ՚l barra minnha – din hi s-sensazzjoni ta’ ħafna –; kemm hi kerha, kemm hi artifiċjali, kemm hi superfiċjali meta mara li hi magħmula u maħluqa biex tnissel fiha l-ħajja, bl-għajnuna tar-raġel (anki r-raġel huwa msejjaħ għal dan, imma kemm hi iktar il-mara!), biex tħares din il-ħajja, biex tieħu ħsiebha, biex tikkuraha u tfejjaqha… kemm hi kerha meta tkun mara, forsi għax sfurzata b’xi mod, għax mhux verament libera, li tipprietka favur l-ewtanasja! Kemm hi xi ħaġa kerha li proprju mill-għajn tal-ħajja toħroġ l-għażla u l-possibbiltà tal-mewt! Kemm hi xi ħaġa li tixxukkjak meta tirrifletti sewwa fuqha!

U Marija, meta tiltaqa’ ma’ Eliżabetta, hi li hi mimlija bil-barka ta’ Alla, mimlija bl-istess Ġesù li qiegħed fiha, hi tkun għajn ta’ entużjażmu, għajn ta’ ħajja, għajn ta’ kuraġġ, għajn ta’ qawwa għal Eliżabetta li fi xjuħitha (ma ninsewx dan id-dettall) tnissel u jkollha iben u jsemmuh Ġwanni. Il-Kmandamenti ta’ Alla jgħidulna, mhux biex nissaportu lix-xiħ, mhux biex neliminawh, mhux inġagħlih jiddeċiedi li jħossu waħdu u abbandunat u jiddispra. Mhux veru hu waħdu; huwa jien li nikkollabora għal dik id-deċiżjoni, is-soċjetà li tipparteċipa ma’ dik id-deċiżjoni, jien li b’mod dirett jew indirett ġegħeltu jgħid: ‘Posti m’għadux iktar hawn’, ‘jien ma niflaħx iktar, din it-tbatija lili fnietni u aħjar nitlaq minn hawn’. Responsabbli jien u aħna ta’ dik id-deċiżjoni. Ara ma mmorrux bl-idea li l-għażla tal-ewtanasja assistita hi xi deċiżjoni libera ta’ persuna waħda, ta’ min jagħmilha! Le, imma jien, Dun Anton, jien, l-Isqof, jien responsabbli u għalhekk għandi dmir u dritt li nitkellem bħal kulħadd, bħal kull wieħed u kull waħda minna. Għandna dmir u għandna dritt nieħdu ħsieb il-ħajja, għax il-ħajja, għalkemm hi ta’ dik il-persuna, ta’ dak u tal-oħra, imma hija wkoll tiegħi, u jien irrid nieħu sehem fl-iżvilupp u l-promozzjoni tagħha, jew fil-qerda tagħha.

Għalhekk il-Kmandamenti ta’ Alla jgħidulna: “Weġġaħ lil missierek u lil ommok”. Kemm hi qawwija! ‘Weġġaħ’, bil-Malti pur, tfisser: ‘Agħti ġieħ, agħti qima lill-anzjan’. Araw il-Kmandament ta’ Alla, u dan fit-Testment il-Qadim u mhux fil-Ġdid! Irrispettah, ħobbu, għinu jħossu sew u f’postu lill-anzjan. L-anzjan m’għandux il-kapaċità produttiva tiegħek. L-anzjan għandu l-esperjenza, għandu l-għerf, għandu l-kapaċità li lili jgħinni nikber, anki jekk hu bid-demensja, anki jekk bl-alzheimer. Għax dik il-persuna li jien qed nieħu ħsieb, dik il-ħajja li jien obbligat inħares sal-aħħar minuta, lili tiftaħli qalbi, toftoqni minn ġewwa, iċċarrattli qalbi biex toħroġ minni l-aħjar, l-isbaħ, tgħinni nikber fil-paċenzja, tgħinni nkabbar il-kwalitajiet umani tiegħi, tgħinni nikber fl-imħabba b’xejn. ‘Ma jagħrafnix’, ‘ma tagħrafnix’, ‘ma tgħidlix grazzi’, imma jien xorta nħobb – l-umanità fl-aqwa tagħha. Għalhekk Marija hija l-“imbierka fost in-nisa”.

Ejjew nitolbu lill-Mulej illum biex inħallu lil Marija tqum, titlaq tiġri u tidħol fid-dar tagħna, fid-dar ta’ kull wieħed u waħda minna, u tħallilna s-sliem tagħha, tagħtina t-tislima tagħha u timliena bil-barka. Din tista’ tiġi biss mill-Vanġelu, mill-Kelma ta’ Alla u mill-Ewkaristija. Il-bqija naqbdu t-triq li twassalna għall-mewt. Ħafna drabi twassalna għall-mewt waqt li mingħalina nixtiequ nsibu l-ħajja. Għiduli intom kif jien nista’ nkabbar il-kwalità tal-ħajja billi ndaħħal il-mewt! Marija u Eliżabetta jgħinuna f’dawn id-deċiżjonijiet u l-għażliet li mhumiex biss personali imma ta’ komunità u ta’ pajjiż sħiħ, u jgħinuna, bħalhom, inħossu l-ferħ, l-enerġija, il-ħajja l-ġdida tal-qawwa tal-preżenza ta’ Alla fina, f’nofsna u madwarna.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading