Flash News

Kitba ta’ Edward P. Tagliaferro

Dal-lejl ħlomt li qed naqra l-gazzetta lokali tal-ħarġa tat-3 ta’ Diċembru (2025).  Fl-ewwel paġna b’ittri kbar kien hemm miktub:

Flash News

John B.  ta’ 47 sena kien qed ibati mill-marda terminali X.  Jumejn ilu hu talab l-għajnuna biex itemm ħajtu, skont it-termini tal-liġi reċenti dwar l-ewtanasja.

Il-bieraħ, xi xjenzjati li kienu ilhom jagħmlu riċerki dwar din il-marda terminali X, ħabbru li sabu kura definittiva għaliha.

Meta qomt, qadt naħseb ftit fuq dik il-virtu’ sabiħa tat-Tama.  Kemm kien għaqli il-mibki Papa Franġisku li għażilha bħala t-tema għal din is-sena tal-Ġublew.  Il-qaddis Papa Ġwanni Pawlu II darba qal: “Qatt taqta’ qalbek mit-tama, tiddubita qatt, tegħja qatt, u qatt m’għandu jonqsok il-kuraġġ.”

Fl-ittra ta’ San Pawl lir-Rumani (5. 5) dwar it-Tama Nisranija insibu:  “Din it-tama ma tqarraqx bina, għax l-imħabba t’Alla ssawbet fi qlubna permezz tal-Ispirtu s-Santu li kien mogħti lilna.”

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?