L-Għażliet li nagħmlu

Minn Daniel Borg

Il-Vanġelu tal-lum jitkellem minn meta Marta laqgħet lil Ġesu għandha imma rrabjat għall-Marija għax din qagħdet tisma’ lil Ġesu’ u ma għenithiex fix-xogħol tad-dar (Lq 10, 38-42).

Fl-Angelus il-Papa jgħid li għandna bżonn l-umilta’ biex nistiednu u niġu mistiedna. F’dan kollu hemm bżonn id-delikatezza, l-attenzjoni, u l-ftuħ lejn l-oħrajn. Marta kienet qed tirriskja li ma tapprezzax dan kollu! Moħħha kien mehdi li tilqa’ lil Ġesu’ bl-aħjar mod. Marta kienet persuna ġeneruża ħafna. Imma Ġesu’ kien qed jistedinha għal xi ħaġa ikbar minn dik l-istess ġenerożita’. Kien qed jistedinha biex tiggosta l-Kelma ta’ Alla! Marija minn naħa l-oħra ħatfet l-okkażżjoni, waqt li Marta baqgħet barra minn dik ir-relazzjoni li kienet qed tnissel f’Marija ħafna trankwillita’ u ferħ.

Il-Papa jgħidilna li ż-żmien tas-Sajf jista’ jkun żmien li nieqfu ftit, u nsiru nixbhu iktar lil Marija milli lil Marta. Hu jikkummenta kif ħafna drabi l-industrija tal-vaganzi, tipprova tbegħlna esperjenzi fittizji, filwaqt li l-esperjenzi l-iktar importanti huma b’xejn, basta nkunu kapaċi u attenti li nagħrfu u nilqgħu lil ħaddieħor, u ma niddejqux aħna stess niġu milqugħa. Hemm ħafna sabiħ fl-oħrajn, f’Alla, u fl-ambjent ta’ madwarna basta nkunu kapaċi nagħrfuh!

Il-Papa lllum ma setax ma jiftakarx f’Gaza u fuq l-attakk tal-eżerċtu Iżraeljan fuq parroċċa kattolika f’Gaza city li ħalla tlett vittmi, dan minbarra l-eluf li nqatlu fix-xhur li għaddew. F’messaġġ qawwi lil kull min jiggverna l-Papa jgħid li għandu jiġi rispettat id-dritt umanitarju, r-rispett lejn l-obbligu li għandhom jitħarsu n-nies ċivili li xejn ma għandhom x’ jaqsmu ma’ dan il-kunflitt. Fuq kollox ma għandhomx jitħallew ikun hemm kastigi kollettivi, l-użu bla ebda sens tal-forza, u dak li qed jiġri bħalissa li popolazzjoni qed tkun mġegħla bil-fors li titlaq minn pajjiżha.

Tista’ tara wkoll dan il-ħsieb fuq din il-ħolqa ta’ facebook:  https://www.facebook.com/daniel.borg.75/posts/pfbid02Ao46bbTcJe54fRoRv5gndsimnj5jYGG9yEBRMXJN1GKH3gFhQAGRsV1Tr774rJbzl

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading