Il-Papa Ljun XIV fl-Angelus tas-16-il Ħadd matul is-sena.

IL-PAPA LJUN XIV
ANGELUS
Piazza della Libertà (Castel Gandolfo)
Il-Ħadd, 20 ta’ Lulju, 2025

Għeżież ħuti, il-Ħadd it-tajjeb!

Il-Liturġija tal-lum tiġbdilna l-attenzjoni dwar l-ospitalità ta’ Abraham u martu, imbagħad dik tal-aħwa Marta u Marija, ħbieb ta’ Ġesù (cfr Ġen 18,1-10; Lq 10,38-42).  Kull darba li nilqgħu l-istedina għall-Ikla tal-Mulej u nieħdu sehem fil-mejda tal-Ewkaristija, jkun Alla nnifsu li jgħaddi biex iservina (cfr Lq 12,37).  Madankollu Alla tagħna, l-ewwel ippreżenta ruħu bħala l-mistieden u llum ukoll jinsab wara l-biebna jħabbat (cfr Ap 3,20).  Interessanti li fil-lingwa Taljana l-kelma ‘ospite’ tfisser kemm dak li jistieden kif ukoll min hu   mistieden.  Hekk, f’dal-Ħadd sajfi nistgħu nirrifletu fuq l-akkoljenza reċiproka, li n-nuqqas tagħha jfaqqar ħajjitna.

Hemm bżonn l-umiltà kemm biex tistieden u wkoll biex tistieden lilek innifsek.  Hemm bżonn id-delikatezza, l-attenzjoni u l-ftuħ.  Marta tirriskja li ma tidħolx fil-fond biżżejjed f’dan l-iskambju.  Tant mhedija b’dak li għandha x’tagħmel biex tilqa’ lil Ġesù li tirriskja li tirvina waqt li ma jistax jintesa ta’ laqgħa.  Marta hi persuna ġeneruża imma Alla qed isejħilha għal xi ħaġa isbaħ mill-istess ġenerożità.  Qed jistedina biex toħroġ minnha nfisha.

Għeżież ħuti, b’dan biss ħajjitna twarrad: meta ninfetħu għal xi ħaġa li taljenana minna nfusa u li fl-istess ħin tkun ta’ milja għalina.  Filwaqt li Marta tipprotesta għax oħtha ħallietha waħedha (cfr v. 40), Marija qiesha tilfet is-sens tal-ħin hekk kif il-kelma ta’ Ġesù taħkimha.  La hi anqas konkreta minn oħtha u lanqas hi ġeneruża b’inqas.  Però ħatfet l-okkażjoni.  Għalhekk Ġesù jċanfar lil Marta: għax baqgħet maqtugħa minn intimità li lilha wkoll kienet ittiha ħafna ferħ (cfr vv. 41-42).

Żmien is-sajf jista’ jgħinna biex “innaqqsu r-ritmu” u nsiru nixbħu aktar lil Marija milli lil Marta.  Kultant l-isbaħ sehem jaħarbilna.  Hemm bżonn inqattgħu ftit tal-mistieħ bix-xewqa li nitgħallmu aħjar l-arti tal-ospitalità.  L-industrija tal-vaganzi trid tbigħhilna kull ġeneru ta’ esperjenzi, imma forsi mhux dik li nkunu qed infittxu.  Infatti, kull laqgħa vera hi b’xejn, m’għandhiex prezz: kemm il-laqgħa ma’ Alla, mal-oħrajn, kif ukoll man-natura.  Hemm bżonn biss li nsiru mistiedna: noħolqu l-post u nitolbuh ukoll; nilqgħu u nħallu li min jilqagħna.  Għandna ħafna x’nirċievu, mhux biss x’nagħtu.  Minkejja li anzjani, Abraham u Saraj jiskopru li huma fertili meta bil-kalma jilqgħu lill-Mulej innifsu permezz tat-tliet irġiel.  Aħna wkoll għad għandna ħafna ħajja x’nilqgħu.

Nitolbu lill-Marija Santissma, Omm li tilqa’, li fil-ġuf tagħha laqgħet lill-Mulej u li flimkien ma’ Ġużeppi tagħtu kenn.  Fiha tibbrilla l-vokazzjoni tagħna, il-vokazzjoni tal-Knisja li tibqa’ dejjem miftuħa għal kulħadd, biex tkompli tilqa’ lill-Mulej tagħha, li qed jitlob permess biex jidħol.

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

dalgħodu ċċelebrajt l-Ewkaristija fil-Katidral ta’ Albano.  Kien waqt ta’ tifsir kbir ta’ komunjoni ekkleżjali u laqgħa mal-komunità djoċesana. Irrodd ħajr lill-Eċċellenza Tiegħu Monsinjur Viva, li jinsab hawn preżenti, u lil dawk kollha li ħadmu biex jorganizzaw diċ-ċelebrazzjoni mill-isbaħ.  Awguri lill-komunità djoċesana!

Sa dal-ġranet, għadhom qed jaslu aħbarijiet drammatiċi mill-Lvant Nofsani, partikolarment minn Gaża.

Nesprimi n-niket kbir tiegħi għall-attakk tal-eżerċtu iżraeljan fuq il-parroċċa Kattolika tas-Sagra Famiglia f’Gaża City; kif tafu, nhar il-Ħamis li għadda dan l-attakk ħalla tlett insara mejtin u oħrajn feruti gravi.  Nitlob għall-vittmi Saad Issa Kostandi Salameh, Foumia Issa Latif Ayyad, Najwa Ibrahim Latif Abu Daoud u nħossni partikolarment qrib tal-familjari tagħhom u tal-parruċċani kollha.  Sfortunatament, dan l-attakk jiżdied mal-attakki militari ma jaqtgħu xejn fuq il-popolazzjoni ċivili u fuq l-imkejjen tal-kult f’Gaża.

Mill-ġdid nitlob li tieqaf dil-gwerra diżumana u li jintlaħaq ftehim paċifiku biex jintemm il-kunflitt.  Nagħmel appell lill-komunità internazzjonali biex tara li jkun hemm rispett sħiħ tad-dritt umanitarju u tal-ħarsien tan-nies ċivili, kif ukoll biex ikun projbit il-kastig kollettiv bl-użu bl-addoċċ tal-forza u t-turufnament sfurzat tal-popolazzjoni.

Lill-maħbubin insara tal-Lvant Nofsani ngħidilhom: jien inħoss magħkom is-sensazzjoni li ftit li xejn tistgħu tagħmlu f’dis-sitwazzjoni drammatika.  Intom tinsabu fil-qalb tal-Papa u tal-Knisja kollha.  Grazzi għax-xhieda tal-fidi tagħkom.  Il-Verġni Marija, Mara tal-Lvant, żerniq ix-Xemx ġdida li feġġet fl-istorja, tipproteġikom dejjem u takkumpanja lid-dinja lejn għodwa ta’ paċi.

Insellem lilkom ilkoll, fidili ta’ Castel Gandolfo u lill-pellegrini kollha li hawn preżenti.  Insellem liż-żgħażagħ li qed jieħdu sehem fil-pellegrinaġġ organizzat mill-Catholic Worldview Fellowship li jinsabu Ruma fi tmiem xi ġimgħat ta’ talb u formazzjoni.

Irrodd ħajr lill-Forum Internazzjonali tal-Azzjoni Kattolika li organizzaw “il-Maratona ta’ talb għall-Governanti”: mill-10 ta’ dalgħodu sal-10 tal-lejla hemm stedina miftuħa għalina lkoll, biex nieqfu mqar għal minuta u nitolbu lill-Mulej biex idawwal lill-governanti tagħna u jispira fihom proġetti ta’ paċi.

Matul dawn il-ġimgħat, xi familji mill-Moviment tal-Fokolarini jinsabu Loppiano għal “Skola internazzjonali tal-Familji ġodda”.  Nitlob biex din l-esperjenza ta’ spiritwalità u fraternità ssaħħaħkom fil-fidi u fil-ferħ biex takkupanjaw spiritwalment familji oħra.

Insellem lill-istudenti, lill-għalliema u lill-personnel tal-Catholic Institute of Technology li għandu s-sede propju hawn f’Castel Gandolfo; insellem lill-grupp ta’ Scouts Agesci Gela 3 li qed jagħmel pellegrinaġġ ġjubilari li se jintemm quddiem il-qabar tal-Beatu Carlo Acutis; insellem ukoll lill-adoloxxenti minn Castello di Godego li huma impenjati f’esperjenza ta’ servizz flimkien mal-Caritas ta’ Ruma; insellem lill-fidili minn Palermo u lil dawk minn Sarsina.

Hawn preżenti wkoll il-membri tal-grupp folkloristiku “ ‘O Stazzo”, kif ukoll il-banda mużikali minn Alba de Tormes.

Ftit jiem oħra se nerġa’ lura lejn il-Vatikan wara dal-ħmistax li għext f’Castel Gandolfo.  Nixtieq irrodd ħajr lilkom ilkoll tal-akkoljenza u nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb!

Miġjub għall-Malti minn Joe Huber

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading