Omelija għas-17-il Ħadd matul is-Sena Ċ


Minn Fr Michael A. Galea

Ftit tas-snin ilu, ġewwa bajja fi Fanza, instab katavru ta’ raġel anzjan. Mill-awtopsja saru jafu li dal-bniedem kien miet sempliċement b’attakk tal-qalb. Min kien dan ir-raġel? Ħadd ma kien jafu, pero’ wara xi ġimgħa ġie identifikat. Kien isqof Franċiż, ċertur Monsinjur Riobe’ li ħalla d-djoċesi tiegħu u mar waħdu f’dil-parti ta’ Franza biex jistrieħ mix-xogħol li kellu. Ħafna ġurnalisti tħassruh lil dan l-isqof. Qalu: “Miet waħdu..’il-bogħod mill-familjari tiegħu, mill-ħbieb tiegħu, mill-insara tiegħu…” Pero’ ġurnalista minnhom kiteb u qal: “Monsinjur Riobe’ ma mietx waħdu, għax ftit qabel ma miet bagħat ittra lil xi ħadd jiġi minnu, u fost l-oħrajn qallu hekk: ‘Ninsab kuntent ħafna, għax qiegħed nitlob ħafna…” Min jitlob qatt mhu waħdu. It-talb idaħħlek f’komunikazzjoni m’Alla u f’komunikazzjoni mal-oħrajn.

Bdejt b’dan il-fatt għax is-suġġett tal-vanġelu li għadni kemm ħabbartilkom huwa t-TALB. Araw kif jibda dal-vanġelu: “Darba Ġesu’ kien qiegħed xi mkien jitlob. Kif spiċċa mit-talb, wieħed mid-dixxipli tiegħu qallu: Mulej, għallimna nitolbu, bħalma Ġwanni wkoll għallem lid-dixxipli tiegħu.”
Wieħed kittieb Ingliż jibda l-ktieb tiegħu billi jgħid: “Jekk nemmnu f’Alla aħna lkoll nitolbu: pereżempju: l-istudenti jitolbu qabel xi eżami li jkunu se jagħmlu…il-morda jitolbu qabel ikunu se jagħmlu xi operazzjoni…nisa tqal jitolbu biex ikollhom ħlas tajjeb…dawk li jkunu se jsiefru jitolbu ħalli jkollhom vjaġġ tajjeb u l-lista ma tispiċċa qatt. Dal-kittieb ikompli jgħid li saħansitra anki dawk li ma jemmnux f’Alla tagħna huma wkoll iħossu l-bżonn li jitolbu: bħala eżempju jsemmi l-musulmani, il-buddisti u l-ħafna tribujiet tal-Afrika u ta’ kontinenti oħrajn.
Ġiet f’idejja l-esperjenza ta’ Mahatma Gandhi li ma kienx nisrani. Isimgħuha… “Jiena miniex bniedem tal-letteratura u lanqas tax-xjenza, imma umilment nippretendi li jiena bniedem tat-talb. Kien it-talb li salvali ħajti. Li ma kienx għat-talb kieku ilni li ġġennint u tlift il-paċi tal-qalb għax għaddejt minn ħafna provi…Ngħid li possibbli tgħix għal diversi ġranet mingħajr ma tiekol, iżda mhux possibbli tgħix jum wieħed mingħajr ma titlob…It-talb ta’ fil-għodu huwa l-muftieħ tal-ġurnata u t-talb ta’ fil-għaxija huwa l-katnazz ta’ tmiem il-jum. It-talb huwa rabta qaddisa bejn Alla u l-bniedem, rabta li tħarisna u teħlisna mid-dwiefer tal-prinċep tad-dlamijiet…” Pero’ ħa nerġa’ niġi għall-vanġelu tal-lum…
Ħa nagħmel tliet riflessjonijiet…L-ewwel riflessjoni: San Luqa jibda l-vanġelu tal-lum billi jgħidilna li Ġesu’ kien qiegħed x’imkien jitlob. Ġesu’ kien Alla u bniedem fl-istess ħin. Bħala Alla ma kellux bżonn jitlob, imma bħala bniedem kien importanti għalih li jitlob: dan biex kontinwament jara l-Missier x’irid minnu. X’imkien sibt li fil-vanġelu ta’ San Luqa lil Ġesu’ narawh jitlob xi ħdax il-darba. Biex nagħtikom xi eżempji…Lil Ġesu’ narawh jitlob qabel jagħżel it-tnax l-appostlu; lil Ġesu’ narawh jitlob fil-ġnien tal-Ġetsemani…idur lejn il-Alla Missieru u jgħidlu: “Missier, jekk jista’ jkun biegħed minni dan il-kalċi, imma tkun magħmula r-rieda tiegħek; imsammar fuq is-salib ġabar il-forzi tiegħu kollha, talab lil Missieru u qallu: “Missier, aħfrilhom għax ma jafux x’inhuma jagħmlu.”
It-tieni riflessjoni. Kif xtaq wieħed mid-dixxipli tiegħu, Ġesu’ jgħallem lill-appostli u hekk jgħallem lilna wkoll it-talba tal-Missierna. Nistgħu ngħidu li din it-talba xrobnieha mal-ħalib li sqietna ommna meta konna żgħar: nafuha bl-amment, ilna ngħiduha minn meta konna żgħar. Pero’ kull tant ma nkunux nafu x’aħna ngħidu…Inkunu qisna qegħdin inlabalbu bħal qabda papagalli. Kemm tkun ħaġa sabiħa kieku aħna u nitolbu (mhux biss it-talba tal-Missierna imma anki talb ieħor) max-xofftejn li jitħarrku jkun hemm magħqudin ukoll il-moħħ u l-qalb tagħna. It-talb tax-xofftejn isejħulu talb vokali u t-talb tal-moħħ u tal-qalb isejħulu talb mentali.
It-tielet riflessjoni. B’daqsxejn ta’ eżempju, għal nofs dan il-vanġelu, Ġesu’ jkellimna dwar il-perseveranza tat-talb. Xi tkun il-perseveranza tat-talb? Il-perseveranza tat-talb tfisser li m’għandniex naqtgħu qalbna għax tlabna darba, darbtejn, tlieta…Ma rridux naqtgħu qalbna għax jekk ikun ta’ ġid għalina, Alla se jagħtina dak li nitolbuh. Ħa nfakkarkom x’inhu dan l-eżempju. Wieħed raġel kellu ħabib li ġie għandu f’nofs ta’ lejl u ma kellux x’jagħtih jiekol. Mar iħabbat il-bieb ta’ ħabib ieħor biex jisilfu tliet ħobżiet. Imma dak kien diġa’ nġabar fis-sodda flimkien ma’ wliedu u riedx joħroġ minn friexu. Ġesu’ jgħid: “Jekk ma jqumx jagħtih għax ħabib tiegħu, iqum u jagħtih kulma jkollu bżonn minħabba l-wiċċ sqif tiegħu.”
Nispiċċa b’sentenza importanti u b’domanda importanti wkoll. It-talb huwa djalogu bejn Alla u bejn kull wieħed u waħda minna. Alla jkellimna: aħna lesti li nisimgħuh?

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading