Helda, xhieda ta’ qawwa spiritwali f’Ġaża. Kitba ta’ Joe Galea

HELDA JOSEPH AYYAD hi mara żagħżugħa f’Gaza, li minħabba l-attakki tal-armata Lhudija fuq id-djar tal-abitanti, sabet kenn fil-kumpless tal-Knisja tal-Familja Mqaddsa fil-belt ta’ Gaza. HELDA tikteb dwar kif, minkejja l-uġigħ u l-biża’ li l-komunità tal-familja tagħha għaddejja minnhom, il-fidi f’Alla tibqa’ għalihom l-uniku dawl fit-toroq mudlama ta’ ġrajja hekk traġika. Tgħid li: “Kull filgħodu, ix-xemx f’Gaza ma titlax biex iddawwal djarna, iżda biex tikxef kuljum aktar qerda u tagħti xhieda siekta tal-imrar tar-realtà tagħna”.

Din iż-żagħżugħa ilha sentejn tistkenn fil-knisja tal-Familja Mqaddsa. HELDA ma tqumx bl-għana tal-għasafar jew bis-sħana tar-raġġi tax-xemx, imma bil-ħoss li jtarrax tal-isparar li jriegħed l-art tal-kenn tagħhom; il-frak tal-ħadid tal-munizzjon jikser is-skiet tal-għodwa u jnissel it-terrur fil-qalb tan-nies imsejkna. Filgħaxija, HELDA u l-familja tagħha ma jorqdux għal ħolm li jwennes, iżda għar-riħa li tifga tal-porvli, li tfakkar li l-mewt tinsab moħbija f’kull rokna u li l-ħajja saret tbatija ta’ kuljum.

Il-knisja tal-Familja Mqaddsa, f’Gaza

HELDA tiftakar li ħuha ż-żgħir, li l-innoċenza tiegħu għadha ma ġietx korrotta mill-gwerra, jgħodd l-ikel fil-laned li sar tant għażiż għalihom. Tgħid: “Nirringrazzjaw lil Alla għal dan l-ikel li kemm-il darba tarrafna ħajjitna biex insibuh. Aħna familja ta’ ħames persuni, u naqsmu bejnietna bott fażola, li għalina hi bħal barka mis-sema. Ħafna drabi hi l-unika ikla tagħna tal-ġurnata, jekk ikollna, imma hija biżżejjed biss biex ma mmutux bil-ġugħ; bilkemm qed titma’ ‘l ġisimna dgħajjef, imma żżommna ħajjin bi tbatija kbira”.

Meta jidwi l-ħoss tal-isparar, jibqgħu bla nifs u jsibu ruħhom mixħutin mal-art, imwaħħlin ma’ tama falza li s-sitwazzjoni tikkalma għal ftit żmien. Jistennew, itennu f’qalbhom kliem mill-Bibbja, jittamaw għal ftit mumenti kwieti li matulhom jistgħu jfittxu xi ħaġa biex itaffu ftit il-ġugħ tagħhom, imqar b’biċċa ħobż. Wara li l-arja tikkalma, jibdew inaddfu l-kamra, li hija maqsuma bejn diversi familji u li kienet klassi fl-iskola mal-ġenb tal-knisja. Din il-kamra, li darba kienet  il-kamra tal-ħolm għat-tfal, illum tixhed ir-reżiljenza spiritwali tan-nies li joqogħdu fiha, id-dmugħ sieket tagħhom, u l-istejjer ma jaqtgħux ta’ qabel l-irqad irrakkuntati taħt il-ħsejjes tal-armi.

Imbagħad, jinżlu għall-attivitajiet tat-tfal u għat-talb, li huwa l-uniku konsolazzjoni tagħhom. “Hawnhekk,” tgħid HELDA, “ tara qlub jibku, tara kif jinbidel il-wiċċ innoċenti tat-tfal hekk kif jisimgħu l-ħoss tal-isparar. Jitwerwru, jgħattu widnejhom b’idejhom żgħar, jew jiġru biex jinħbew fit-tgħannieqa sħuna tal-ġenituri, bħallikieku kienet tarka kontra l-ħażen ta’ madwarhom. Tara biża’ u stagħġib f’għajnejhom, mistoqsijiet li ma jinstemgħux, imma li jgħajtu fis-skiet ta’ wġigħ: “Għaliex, Mulej? Għaliex aħna?”

HELDA rat xeni ta’ swied il-qalb. Memorji ta’ ħajjithom li għebu f’daqqa. Kull rokna ta’ dawk id-djar kellha storja, kull biċċa għamara kienet xhieda ta’ ferħ jew niket, u issa ma fadal xejn ħlief trab u rmied. Huma ħafna li marru lura f’saħħithom, u wħud mietu, mhux biss għax intlaqtu mill-balal, imma wkoll minħabba nuqqas gravi ta’ ikel, nuqqas fil-kura tas-saħħa, u  mediċina li ma tasalx. HELDA tgħid: “Mietu fis-skiet, bil- ġuħ, u ħallewlna weġgħa f’qalbna li ma tisparixxix, u għajta siekta kontra dinja li tibqa’ bierda waqt li tara l-mewt riesqa lejk bil-mod.

Dwar l-ikel tgħid: “Grazzi lil Alla u l-idejn tar-rieda tajba; il-Knisja xi kultant tipprovdilna l-ikel. Drabi oħra, ommi ssajjar ikel li ssib, li bilkemm ikun biżżejjed biex isostnina. Imma anke dan l-ikel fqir sar lussu fid-dawl tal-iskarsezza tar-riżorsi. M’hemmx biżżejjed ikel, anke d-dqiq, li hu l-ikel bażiku f’kull dar, spiss mhux nadif, u jekk jinstab, ikun bi prezzijiet għolja, qisna qed nixtru d-deheb u mhux id-dqiq. Kull gidma li nieklu saret miraklu fiha nnifisha.”

Helda Joseph Ayyad

“Minkejja dan l-uġigħ kollu li jifni lil ruħna”, tkompli ĦELDA, “u d-diqa kollha li ddawwarna, il-fidi tagħna f’Alla tibqa’ l-uniku dawl li jdawwal it-triqat mudlama tagħna, u jagħtina s-saħħa biex nissaportu ġurnata oħra. Inżommu sod mat-talb, ngħollu jdejna f’karba lejn is-sema, nemmnu li Alla mhux se jitlaqna u li wara t-tbatija jiġi l-ferħ”. Tikkwota l-Bibbja: “Jekk ninsiek, Ġerusalemm, ħa tinxef idi l-leminija”… vers li qatt ma jitlaq mit-talb tagħna, għax l-imħabba lejn beltna u lejn art twelidna hija mnaqqxa f’qalbna, minkejja l-ħerba kollha.”

Għalkemm bil-qtugħ tad-dawl u n-nuqqas ta’ riżorsi, jippruvaw isegwu l-aħbarijiet bil-ftit apparat żgħir li għandhom jew permezz tal-mowbajls meta jkun hemm netwerk li jaħdem. Isegwu b’qalbhom tirtogħod kull aħbar li tasal, li x’aktarx tkun ta’ traġedja, dwar qarib mitluf jew it-tifrik ta’ xi binja li ftit ilu kienu jilagħbu fiha. B’dawn il-ftit aħbarijiet, huma jibqgħumagħquda mal-bqija tad-dinja u jikkuntentaw b’dak li jkun fadal mit-tama tagħhom.

Mil-knisja tal-Familja Mqaddsa,HELDA tagħti xhieda tal-fidi tagħha u tal-familja tagħha. Jitolbu bil-qalb lil Alla u jistennew li ma jdumux ma jinħelsu mit-tbatija li jinsabu fiha.

One thought on “Helda, xhieda ta’ qawwa spiritwali f’Ġaża. Kitba ta’ Joe Galea”

  1. Tibqa bla kliem. Mulej int imhabba. Ghaliex il bniedem jasal biex joqtol bniedem iehor. Jasal biex joqtol bniedmin ohra bil guh. Ahfirli nistaqsik ghaliex tippermetti dan. Ghaliex ????? Kontradizjoni meta int imhabba u il bniedem jasal biex joqtol u ikun krudill u bla qalb.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading