Knisja 2000. Pubblikazzjoni Dumnikana tirrikonoxxi l-ħidma ta’ Oliver Friggieri

Michael Caruana

Il-Professur Oliver Friggieri ħallielna librerija ta’ kotba li tikkonsisti f’poeżiji, rumanzi, novelli, drammi, studji kritiċi, artikli f’gazzetti u perjodiċi kemm bil-Malti kif ukoll b’diversi lingwi. Il-kontribut tiegħu għal-letteratura u l-kultura Maltija hu vast għax hu ma kienx jgħaddi mument li ma kienx ikun iħarbex l-iswed fuq l-abjad u, fl-aħħar snin ta’ ħajtu, fit-tpinġija tad-disinji.

Hu tassew kien iħobb il-lingwa Maltija u dak kollu li hu Malti. Fil-fatt Friggieri jgħid: “Jien naħseb li l-letteratura, l-arti kollha, il-kultura, il-politika, ir-reliġjon, il-lingwa, dawn kollha, dal-cocktail kbir lilna l-Maltin jagħmilna bħala poplu”.

Hekk jgħid l-editorjal tal-aħħar ħarġa ta’ Knisja 2000 li hi ddedikata kollha kell hi lil Oliver Friggieri. Friggieri dan kien jemmnu u jtambar fuqu ma’ għexieren ta’ studenti li hu kien iħobb u li qasam l-għerf tiegħu magħhom. Hu jirrakkonta:“Fil-klassi noħorġu mis-suġġett sewwasew għax ikollna suġġett. U liema suġġett ma jaqax taħt il-ġwienaħ wesgħin tal-letteratura? Liema tema reliġjuża, politika, soċjali, filosofika hi barranija għal-letteratura? Kemm-il darba waqt il-lezzjoni tal-poeżija tennejt lill-istudenti: nittama li għad tiftakru f’dak li ngħidu fil-klassi sewwasew meta tkunu ’l bogħod mill-klassi! Ma jiswa xejn kulma nistudjaw fil-kotba u fil-klassi jekk dan kollu ma jgħaddix sew mill-eżami tal-esperjenza”!

Patri Ray Gatt OP, l-Editur, jgħid li quddiem dan il-ġgant tal-letteratura u l-kultura Maltija, il-patrijiet Dumnikani, il-pubbikaturi ta’ Knisja 2000, xtaqu permezz ta’ din il-ħarġa juru rikonoxximent u ħajr tal-ħidma kollha li wettaq il-Professur Friggieri għall-poplu tagħna. Hu rringrazzja lill-Professur Adrian Grima, il-Kap tad-Dipartiment tal-Malti fl-Università ta’ Malta, li għenu fit-tfassil ta’ din il-ħarġa u l-kontributuri kollha li l-artikli tagħhom huma rifless tal-kobor ta’ Oliver Friggieri. “Jalla l-wirt li ħallielna jibqa’ ħaj fostna”, itemm l-editorjal.

Dwar Oliver Friggieri, ħassieb u kittieb, jikkontribwixxu f’din il-ħarġa Joseph P. Borg, Wayne Farrugia, Romilda Pace, Nicole Borg, Dr David Aloisio, Professur Adrian Grima, Lorraine Farrugia, Andrè P. DeBattista, Dr Patrick J. Sammut, Fr Ray Gatt OP u Sara Brincat Friggieri, it-tifla ta’ Oliver, li fil-kitba tagħha ssemmi li “meta tħares lura lejn ħajjet il-papà tagħha tħoss li l-legat tiegħu hu msejjes fuq dak li emmen fih u fuq dak li kien iħobb fil-qiegħ ta’ qalbu. Bħala awtur, poeta, filosfu, kritiku u fuq kollox ħassieb, Sara tħoss li dak li jgħaqqad kollox flimkien fil-personalità ta’ missierha hi mhux biss il-profondità tal-ħsieb, imma fuq kollox is-sensittività. L-imħabba u s-sensittività ngħaqdu flimkien fil-ġieħ lejn l-ilsien Malti, lejn il-kultura Maltija u, fuq kollox, lejn l-għeruq tagħna. Fil-kitbiet tiegħu pprova jiżra’ iż-żerriegħa tar-riflessjoni u tal-imħabba lejn artna li mhix biss spazju ġeografiku, imma art ta’ ruħ kollettiva li fil-qofol tagħha tiġbor fiha l-istorja, l-ilsien, il-fidi u l-kommunità. Fil-kitbiet tiegħu, isostni bint Oliver, missierha wera li l-poplu Malti għandu identità li jixirqilha li tkun imħarsa.

“Ix-xejra umana f’kitbietu tinħass b’mod partikulari fil-bikja quddiem il-qerda tal-ambjent u l-wirt li ħallewlna missirijietna. Għalija l-qofol ta’ missieri jinġabar fil-‘kelma’. Il-kelma li meta wżata tajjeb tista’ tħabbat u tmiss il-qlub. Għalih il-kelma u l-kitba kienu bżonn u process ġenwieni”.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading