14/08/2025: Is-Sala Stampa tas-Santa Sede ħabbret li l-Papa Ljun XIV illum waranofsinhar irritorna bil-karozza lejn Castel Gandolfo.

Il-Papa diġà f’Lulju kien għadda diversi ġranet fir-residenza papali tas-sajf, fil-belt mibnija fuq għolja ’l barra minn Ruma.
Waqt li kien hemm, huwa ċċelebra l-quddiesa fil-parroċċa lokali ta’ San Tumas minn Villanova, żar l-Osservatorju tal-Vatikan, u ltaqa’ ma’ bosta residenti lokali.
Il-Papa Ljun mistenni jiċċelebra l-quddiesa mill-ġdid fl-istess parroċċa nhar il-15 ta’ Awwissu, Solennità tat-Tlugħ ta’ Marija fis-Sema, li timmarka l-qalba tal-istaġun tal-btajjel tas-sajf fl-Italja.
Il-Ħadd, il-Papa se jżur il-belt ġara ta’ Albano biex imexxi quddiesa fis-Santwarju ta’ Santa Maria della Rotonda.
Hu mistenni jirritorna l-Vatikan it-Tlieta 19 ta’ Awwissu.
Intant, dalgħodu l-Papa kompla bl-Udjenzi ġenerali tiegħu ta’ nhar ta’ Erbgħa, fejn tkellem dwar it-tradiment ta’ Ġuda u kif il-Mulej qatt ma jerġa’ lura mill-imħabba tiegħu, imqar meta jaf li l-ħbieb tiegħu se jiddeluduh.
Fi tmiem l-udjenza huwa sellem lil diversi koppji ta’ miżżewġin friski li kienu preżenti fost il-ġemgħa, miġbura fl-Awla Pawlu VI flok fi Pjazza San Pietru biex tistkenn mill-qilla tax-xemx.
Ljun XIV sab iċ-ċans jiltaqa’ wkoll ma’ grupp ta’ 14-il abbati Għawdxi, li flimkien ma’ xi saċerdoti f’dawn il-jiem jinsabu Ruma biex bħal sħabhom il-Maltin jagħtu servizz fil-Bażilika ta’ San Pietru, fi tradizzjoni li issa ilha għaddejja sa mis-sittinijiet.
Il-Papa ħeġġiġhom biex jitolbu għall-vokazzjonijiet sabiex mill-art Maltija jibqgħu joħorġu aktar missjunarji għad-dinja. Fost dawn, kien hu stess li semmielhom lill-Isqof Għawdxi Giovanni Cefai MSSP, li Prevost jafu personalment mis-snin li huwa għadda jaħdem bħala missjunarju fil-Perù.
Artiklu miktub minn Francesco Pio Attard
Sors: www.knisja.mt
Ritratt: www.knisja.mt/ritratti