L-ewwel Azzjoni Liturġika tal-Quddiesa. Kitba ta’ P. Juan De Bono ocd


San Ġorġ Preca kien jgħallem li ‘T-TAGĦLIM HU L-GĦAJN TA’ KULL ĠID’.

U tassew li it-tagħlim huwa għajn ta’ kull ġid, għax meta jkollok ċertu għarfien, speċjalment dak l-għarfien li tant hu essenzjali fil-ħajja (u mhux il-kurżitajiet fuq dak u fuq l-ieħor, jew x’għamel dak u x’għamel l-ieħor), int tista’ timxi aħjar u tkun aktar taf fejn qiegħed tagħti l-pass.

Spiss aħna naħsbu li l-Quddiesa tibda meta nroddu s-Salib, jew inkella meta s-saċerdot idoqq il-qampiena li tavża li tkun se toħroġ il-quddiesa, jew meta jibda’ l-ewwel innu.

Fil-fatt, l-ewwel azzjoni liturġika tal-Quddiesa HIJA META INT TĦOSS IS-SEJĦA ĠEWWA FIK LI TMUR GĦAL XI QUDDIESA PARTIKOLARI.

Per eżempju jekk int ġa ddeċidejt li għada se tisma l-quddiesa tad-8,45 fil-Knisja Santa Tereża, dak il-mument li int tkun ħassejt dan, IL-QUDDIESA ĠA TKUN BDIET GĦALIK, u għalhekk jibda minn dak il-mument preċiż, il-preparazjoni remota (jiġifieri aktar viċina) biex tieħu sehem fl-Ewkaristija.

Tħejjija remota għal Quddiesa

Kull tant tidħol fi Knisja, jew fi mkejjen oħra fejn se tkun sejra tiġi ċċelebrata Quddiesa, u timmaġinak wasalt is-suq tal-Birgu, jew f’xi ċirkostanzi oħra tistħajlek wasalt Pacevile fis-sagħtejn ta’ bil-lejl.

Imbagħad is-sabiħa hi li dawk li jieħdu sehem f’din l-Ewkaristija ġieli ssib min igħidlek li kultant iħossu li qegħdin imorru għal xejn, jew li ma l-inqas intopp tarhom qishom mhux huma ‘jaqbżu l-Quddiesa’, u s-sabiħa hi li x’aktarx il-Ħadd ta’ wara jitilgħu jitqarbnu bla ma jkunu qerrew.

Sagrifiċċju ta’ Kristu

L-AĦWA L-QUDDIESA HIJA PRIMARJAMENT U QABEL KOLLOX IS-SAGRIFIĊĊJU TA’ KRISTU.

MELA META JIENA MMUR NIEĦU SEHEM FIL-QUDDIESA, JIENA INKUN QIEGĦED IMMUR LURA ELFEJN SENA, U WAQT IĊ-ĊELEBRAZJONI TA’ KULL QUDDIESA, NSIB RUĦI FUQ IL-GOLGOTA FIL-MUMENT LI ĠESU’ ĠIE MSALLAB GĦALINA.

Flimkien ma’ Marija u Ġwanni l-Evanġelista, aħna nkunu qegħdin nassistu għal dak is-sagrifiċċju li permezz tiegħu ġiet (u għada tiġi) is-salvazjoni lil bnedmin kollha.

Ma Tereża tal-Bambin Ġesu’ aħna nibqgħu hemm taħt dak is-salib nixxuttaw kull qatra demm li tqattar minn idejn, riġlejn u mil-kustat ta’ Kristu.

Bħala tifel jiena niftakar rġiel twajba li kienu jieħdu sehem fil-Quddiesa għarkuptejhom wara purtiera mudlama, filwaqt li jikkontemplaw dak li jkun qiegħed isseħħ ftit passi ‘l boghod fuq l-artal.

Dawk huma erwieħ li fehmu tassew what it’s all about il-quddiesa u għalhekk riedu jieħdu sehem bl-aħjar mod għal-Quddiesa billi ma xtaqu l-ebda distrazjoni madwarhom.

Tgħiduli imma l-Quddiesa mhix qiegħdha tfakkar l-aħħar ikla ta’ Ġesu’ mal-Appostli, mhijiex ukoll qiegħdha tantiċipa l-ikla li se jkollna fis-Sema fl-aħħar taż-żminijiet?

Iva u le.

Huwa nhar Ħamis ix-Xirka li aħna primarjament inkun qeghdin infakkru l-aħħar ikla ta’ Ġesu’ mal-Appostli.

Imma waqt il-Quddiesa, aħna nfakkru f’temp ta’ għoxrin minuta:

– L-aħħar Ikla ta’ Ġesu’ mal-Appostli (Ħamis ix-Xirka);

– Il-passjoni ħarxa u meta Ġesu’ ġie msammar mas-Salib (Ġimgħa l-Kbira);

– Il-mewt ta’ Ġesu’ fuq is-Salib (Ġimgħa l-Kbira);

– Il-Qawmien ta’ Ġesu’ nħar Ħadd il-Għid kmieni filgħodu (Ħadd il-Għid).

Il-ħames Preċetti tal-Knisja

L-aħwa, mhux ta’ b’xejn li wieħed mil-ħames preċetti tal-Knisja huma t-Tqaddis tal-Jum tal-Ħadd bis-sehem tagħna fil-Quddiesa. Il-Quddiesa terġa ġġedded quddiemna (din id-darba mingħar tixrid ta’ dmija) is-sagrifiċċju ta’ Kristu.

U preċett ieħor huwa t-Tqaddis tal-Festi Kmandati meta dawn jaħbtu matul il-ġimgħa (li kif rajna lbieraħ huma erbgħa fid-Djoċesijiet ta’ Malta u Għawdex, jiġifieri Santa Marija, in-Nawfraġju ta’ San Pawl, il-Milied u Marija Omm Alla).

It-tliet Preċetti l-oħra tal-Knisja huma Tqarbina u Qrara almenu darba fis-sena (u fi żmien il-Għid).

Sawn u Astinenza nhar l-Erbgħa tal-Irmiet u nhar il-Ġimgħa l-Kbira.

Tgħin finanzjarjament lil Knisja fit-twettiq tal-missjoni li afdatha lilha minn Kristu.

Xorti kbira li nieħdu sehem mil-merti li jfuru mis-Sagrifiċju ta’ Kristu

L-aħwa immaġinaw intom li jkun hemm persuna li KULLJUM imur l-ATM u jiġbed Eur 1,000, u jekk int tinzerta hemm ħdejh waqt li jkun qiegħed jiġbed il-flus huwa jagħtik Eur 950 minnhom, KULLJUM (Eur 28,500 fix-xahar, Eur 347,750 fis-sena).

Għiduli kieku int x’tagħmel kieku !!!

X’aktarx li tabbanduna x-xogħol u l-impenji kollha tiegħek biex kulljum tmur ħdejn l-ATM fil-mument li dik il-persuna tkun qiegħdha tiġbed il-flus, anki mgħawġa ganċ kont x’aktarx titkaxkar sa l-ATM.

U waqt iċ-ċelebrazjoni tal-Quddiesa, Alla jixtieq ifawwar fuqna mhux Eur 950 kulljum, imma ALLA QIEGĦED JAGĦTI LILU NNIFSU KOLLU KEMM HU GĦALINA.

Ċirkostanzi li juru li ma nkunux fhimna tassew il-valur veru tal-Quddiesa

Imbagħad issib min jgħidlek, imma jekk is-saċerdot jfettilu jinsa juża s-sanitizer, jiena lanqas nitqarben.

Jew issib bosta oħrajn li jghidulek jiena nismagħha fuq it-TV. Mhux xorta tgħodd?

Ohhhhhhhhhhhh l-aħwa x’faqar ta’ twemmin inħaddnu.

U mbagħad niskantaw b’xi aħbar li taħsad pajjiż sħiħ, meta għal bosta l-fidi tiġi espressa bi frażijiet bħal dawn !!!!!!!!!!!!!!!

L-‘obbligu’ tal-Quddiesa fil-Jum tal-Ħadd

Iva huwa minnu li, min tassew ikun impedut minn raġunijiet serji ta’ saħħa, per eżempju għax jinsab wiċċu l-fuq f’sodda, dawk iva ‘ma jgħoddx għalihom’ il-preċett tat-Tqaddis tal-Jum tal-Ħadd bis-smiegħ tal-Quddiesa. Imma dawn ma jkollhomx ‘obbligu’ li jmorru l-Knisja, għax ĦAJJITHOM KOLLHA KEMM HI TKUN PARTEĊIPAZJONI (SEHEM) FIS-SAGRIFIĊJU TA’ KRISTU.

L-aħwa ejjew inwieġbu b’qalb kbira għas-sejħa li qiegħed jagħmlilna Alla.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading