Ħsieb dwar il-Ġublew tat-Tama – 3
Messaġġ lit-tfal li jgħodd għalina wkoll
Il-Ġublew li tant irsista biex iseħħ il-Papa Franġisku hu t-tweġiba li xtaq jagħti lid-dinja, u li bnieha fuq it-tama. Kienet tema għal qalbu, u ried iwassal il-ħsieb tiegħu lil kulħadd, anke lit-tfal iż-żgħar. Fil-fatt kiteb għalihom ktieb żgħir, bi stampi li jħobbu t-tfal, u bi kliem sempliċi. Semmieh: I Bambini sono Speranza, (It-Tfal huma Tama), li għandna wkoll bil-Malti.
Dawn huma xi siltiet mill-Ktieb:
“Huwa ferħ li nkunu mal-oħrajn.”
“Tħallix il-ġurnata tgħaddi mingħajr ma tkun għamilt paċi.”
‘Jekk torqod bir-rabja f’qalbek, filgħodu tqum b’qalb kiesħa u ma jkunx faċli ssaħħanha.”
“Meta tkun imdejjaq, tibżax tibki.”
“Ġesu’ jifhem il-problemi tiegħek. Itlob fis-silenzju u ħalli l-kliem joħroġ mad-dmugħ tiegħek.”
“Tbissem dejjem. Tbissem lil Alla u għidlu grazzi għall-ħwejjeġ kollha sbieħ li għamel.”
“Alla jħobb dejjem. Alla hu mħabba!”
“Alla jisma’. Alla jisma l-qalb tiegħek.”
“Tista’ titlob fejn trid. Tista’ titlob meta tkun miexi jew ukoll meta tmur għand it-tabib.”
“Tgħallem ikkultiva dejjem fik il-grazzja li tħobb. Hekk tkun tiltaqa’ ma’ Alla.”
Jidhru kliem sempliċi, imma li jmissu wkoll il-ħajja tal-kbar u mhux tat-tfal biss. Għax it-tama titwieled bi ħwejjeġ żgħar. Il-bniedem illum hu marid bid-disperazzjoni. Kemm disperazzjoni fil-qlub minħabba d-diffikultà tal-ħajja, li ħaddieħor ma jifhimniex, b’dak li naraw madwarna, l-inġustizzji li jsiru u li aħna nkunu vittmi tagħhom. Aħna xorta msejħin biex nibqgħu onesti anke meta naraw jittrijonfa l-ħażin; nibqgħu fidili għad-dmirijiet tal-familja anke meta naraw il-possibiltà li mhux se jirnexxielna. Tibqa’ l-fiduċja tagħna f’Alla, li Santu Wistin jgħid: “O Alla, inti ħlaqtna għalik, u l-qalb tagħna ma tistrieħx jekk mhux fik.”
Aħna Knisja ta’ tama, b’aħbar li ma nistgħux inżommu fina
It-tama li qed iġġib fina s-sena tal-Ġublew mhix biex inżommuha ġo fina. Infittxu li ngħadduha lill-oħrajn. Fil-fatt, fl-Eżortazzjoni Gaudium et Spes, ‘Il-Ferħ u t-Tama’, tal-Papa San Pawlu VI, hekk tibda: “Il-ferħ u t-tama, in-niket u l-ansjeta’ tan-nies ta’żmienna, huma l-ferħ u t-tama,in-niket u l-ansjeta’ ta’ dawk li jimxu wara Ġesù. It-tama hija fil-qalba tal-fidi tagħna
B’għafsa ta’ qalb naraw l-isforzi għall-paċi fost il-kbar tad-dinja jfallu. Kemm il-Papa Franġisku kif ukoll il-Papa Ljun XIV talbu li jintervjenu biex tintlaħaq il-paċi. Tant iddedikaw ħidma għall-paċi, f’kull okkażjoni jitolbu għall-paċi. Għax il-Knisja hi strument ta’ paċi, kif talab San Franġisk t’Assisi, “Mulej, agħmilni strument tal-paċi tiegħek”. U aħna rridu nkomplu dak li qed tagħmel il-Knisja għad-dinja. L-aħbar tal-Vanġelu ma nistgħux nagħlquh fina.
Hawn nistgħu nsemmu rakkont minn rumanz, kif għamilna fit-tieni parti ta’ din is-serje. Jikkwotah il-Kardinal Raniero Cantalamessa, li hu Kardinal Kapuċċin, kemmxejn differenti. Ingħażel bħala Kardinal mill-Papa Franġisku fl-2020. Meta jkun hemm il-Kardinali flimkien, kollha lebsin ilbies aħmar, hu jkun differenti, liebes biċ-ċoqqa ta’ Kapuċċin, imma bil-berettin aħmar. Hu professur tal-Istorja, kien il-predikatur tal-Vatikan, jagħmel il-prietki tal-eżerċizzi lill-Papa.
Fil-ktieb żgħir tiegħu, The Mystery of God’s Word, (Il-Misteru tal-Kelma t’Alla), il-Kardinal Raniero Cantalamessa jgħid li “min jaqra r-rumanz ċelebri ta’ Alessandro Manzoni, I Promessi Sposi, jiltaqa’ ma’ storja ta’ mara, Perpetua, li saret taf xi ħaġa ta’ kurżita’ li ġrat fil-lokalita’. Kollox deher li l-aħbar kellha tibqa’ moħbija, imma għalkemm Petpetua ppruvat, ma rnexxiliex taħbi dak li saret taf. Ħaġa kbira bħal dik!… fil-qalb tal-imsejkna mara, kienet qisha bħal inbid ġdid ġo kartell qadim, jiffermenta, jinstema’ jbaqbaq; mhux biss itajjar it-tapp tas-sufra, imma jdur ġol-kartell u jgħaddi minn bejn ix-xquq, u joħroġ fi kwantita’ biżżejjed biex itiegħmuh in-nies u jgħidu xi kwalita’ ta’ nbid hu.” Cantalamessa jgħid li l-Kelma t’Alla wkoll hi aħbar. Hi, l-ikbar aħbar għax hi l-aħbar it-tajba tas-salvazzjoni.
L-aħbar it-tajba tal-Vanġelu trid tkun fil-qalb ta’ kull kull wieħed u waħda minna, li nemmnu f’Alla u f’Ġesu’ Kristu, li ħadna l-Magħmudija u aħna parti mill-Knisja. Proprju bħall-inbid ġdid fil-kartell u bħas-sigriet fil-qalb tal-mara, aħbar hekk kbira u sabiħa li ma tistax tibqa’ moħbija, imma toħroġ minn kull naħa. “Dak li smajtu f’widnejkom,” jgħid Ġesu’, “xandruh minn fuq il-bjut. (Matt 11, 27)
