Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
O Alla, int ħejjejt dar għall-fqajjar.
- Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla
Darba, kien is-Sibt, Ġesù daħal għand wieħed mill-kapijiet tal-Fariżej biex jiekol għandu, u huma qagħdu għajnejhom fih. Billi ra b’għajnejh kif il-mistednin bdew jagħżlu l-postijiet ta’ quddiem fil-mejda, qalilhom din il-parabbola: “Meta wieħed jistiednek għal xi festa ta’ tieġ, tmurx toqgħod fil-post ta’ quddiem, li ma jkunx hemm xi mistieden aqwa minnek, u dak li jkun stieden lilek u lilu jiġi fuqek jgħidlek: ‘Agħti l-post lil dan’, u int imbagħad, b’regħxa ta’ mistħija fuqek, ikollok tieħu l-post tal-aħħar.
Għall-kuntrarju, meta tkun mistieden, mur inxteħet fil-post tal-aħħar, biex meta jiġi dak li stiednek jgħidlek: ‘Ħabib, itla’ f’post aktar ’il fuq’. U dan ikun ta’ ġieħ għalik quddiem dawk kollha li jkunu fil-mejda miegħek. Għax kull min jitkabbar, jiċċekken; u min jiċċekken, jitkabbar”.
Imbagħad qal ukoll lil dak li kien stiednu: “Meta tagħti ikla jew pranzu, tistedinx lil ħbiebek jew lil ħutek jew lil qrabatek, u anqas ġirien għonja, għax għandhom mnejn imbagħad jistiednu lilek huma, u hekk iroddulek il-pjaċir li tkun għamiltilhom. Għall-kuntrarju, meta tagħmel ikla, stieden il-foqra, il-magħtubin, iz-zopop u l-għomja, u hieni int, għax dawn ma għandhomx minn fejn iroddulek pjaċir bi pjaċir, imma jroddhulek Alla meta l-ġusti jqumu għall-ħajja”. Lq 14:1,7-14.
- Riflessjoni/talba:
i. Darba, kien is-Sibt, Ġesù daħal għand wieħed mill-kapijiet tal-Fariżej biex jiekol għandu, u huma qagħdu għajnejhom fih. Billi ra b’għajnejh kif il-mistednin bdew jagħżlu l-postijiet ta’ quddiem fil-mejda …
Huma qagħdu għajnejhom fih.
Tgħid ser jieħdilna postna?
Tgħid jippretendiha, jumiljana?
Huwa ra b’għajnejh kif il-bnedmin
faċli jiffissaw fuq l-unur personali
u jinsew li lkoll mistednin għal mejda waħda.
Ġesù ma jieħu post ħadd
imma jagħmel post għal kulħadd
ibda minn dawk li s-soltu jiġu mormija!
Irrifletti:
• X’tinnota li qed jiġri fis-soċjetà tagħna?
ii. Għall-kuntrarju, meta tkun mistieden, mur inxteħet fil-post tal-aħħar, biex meta jiġi dak li stiednek jgħidlek: ‘Ħabib, itla’ f’post aktar ’il fuq’. U dan ikun ta’ ġieħ għalik quddiem dawk kollha li jkunu fil-mejda miegħek. Għax kull min jitkabbar, jiċċekken; u min jiċċekken, jitkabbar”.
Ġesù jiġi bħala mistieden għall-ikla;
jinnota kemm faċli kulħadd tinżillu velenu:
ninsew li mistednin madwar mejda waħda
nimtlew b’ansjetà ta’ kif ser nidhru u nimpressjonaw
inbatu l-insigurtà, inħossuna vittmi,
nistennew li xi ħadd jippreferina forsi niksbu valur,
nagħmlu kollox b’għatx għal rikonoxximent immedjat:
nippruva naqtgħu l-għatx bil-perżut!
Ġesù jfakkarna li diġà mistednin għall-ikla, diġà stmati, diġà niswew:
fittex l-aħħar post – mhux biex taħrab, mhux għax tibża’ li ma tiswiex –
imma biex titgħallem tiggosta, sal-iċken rigal, kull farka tal-ħajja.
Irrifletti
• Fejn tħoss li Alla jixtieq jagħtik aktar libertà?
iii. Għall-kuntrarju, meta tagħmel ikla, stieden il-foqra, il-magħtubin, iz-zopop u l-għomja, u hieni int, għax dawn ma għandhomx minn fejn iroddulek pjaċir bi pjaċir, imma jroddhulek Alla meta l-ġusti jqumu għall-ħajja”.
Hemm xi ħaġa li tagħmel id-differenza kollha fl-ikel:
jew kollox immarkat minn x’ser nieħu lura mingħandek
jew kollox immarkat minn ġenerożità fis-sempliċità.
Tistedinx in-nies għall-ikel biex jitimgħuk huma;
tgħinx lil ħaddieħor minħabba l-bżonn tiegħek!
Meta tagħmel ikla, l-ewwel stieden u ilqa’ il-parti fqira fik innifsek,
dik l-anqas produttiva, li forsi tistħi minnha:
imbagħad iggosta l-imħabba vera u ħielsa.
Irrifletti
• Fejn iltqajt ma’ persuna li tħobb b’mod sabiħ, ħieles?
- Missierna