Siġġu b’ismek fuqu mħejji għalik fil-Ġenna.  Kitba ta’ P. Juan De Bono ocd

Kont taf li l-mument preċiż li int tnissilt, Alla l-Missier qabbad lil kumpanija li tibni siġġijiet li hemm il-Ġenna biex jibnu siġġu u fuqu jniżżlu ismek, kunjomok u l-id card number tiegħek?

Issa dak is-siġġu qiegħed hemm vojt jistenniek tasal il-Ġenna biex eventwalment toqgħod bilqiegħdha komndu fuqu għall-eternita’.

Issa jekk int (Alla ħares qatt) tintilef, għax sal-punt tal-mewt tiegħek bqajt ma kkonvertejtx, dak is-siġġu se jibqa’ għal dejjem vojt.

Oh x’waħda din !!!!!!!

L-infern m’hemmx siġġijiet b’ismek fuqhom.

Iva d-demonju qiegħed jagħmel minn kollox biex eventwalment tkun miegħu u ma’ oħrajn indannati bħalu għal dejjem, imma apparti t-tbatija li se tiġi mil-fatt li se nkunu tlifna l-qaleb u l-ġbejna, aħna se jkollna noqgħodu bilwieqfa bla ma nistgħu nserħu riġlejna mqar għal ħames minuti kulljum għal DEJJEM.

Ħajja ‘l bogħod mis-Sagramenti

Jiena ma nistax nifhem kif bosta jibqgħu għaddejjin qishom mhux huma f’ħajja ‘l bogħod mis-Sagramenti, jew ‘l boghod mill-għejjun veri tal-ħajja ta’ dejjem.

Għax ‘l-aqwa li ma tobgħod lil ħadd’ jgħidulek, intant bil-ħajja tiegħek ‘l bogħod mis-Sagramnenti żgur li qiegħdha tobgħod ‘l Alla.

Igħidulek: ‘u ħallini minnek, mela jiena niflaħ immur għal Quddiesa nhar ta’ Ħadd?, ‘u mhux hekk ingħidu mmur il-Knisja u nisma s-saċerdot li jġagħalni nifhem li dak li miegħu qiegħed ngħix mhux żewġi jew marti u allura ninsab fi stat kontinwu ta’ dnub mejjet’, jew nisma’ lis-saċerdot igħid li tixrob bott birra jekk se nkun se nsuq huwa ġest irresponsabbli. Le jekk m’għandix immur il-Knisja!!!!

Għal Festa mmur imma

Iva għal marċ ta’ filgħodu hemm se nkun u se nasal kmieni wkoll, u se nilbes il-jersey bil-kulur tal-Qaddis tagħna. Hemm se nkun ukoll kif toħroġ l-istatwa mil-Knisja, imma tiġix tgħidli tafx biex immur nipparteċipa f’Quddies kull nhar ta’ Ħadd, u li nqerr regoralment wara li nkun indimnt minn dnubieti.

Mhux se ġġib ‘likes’ Father

U le Father toqgħodx tikteb dawn l-affarijiet għax kull ma se ġġib b’post bħal din huma 30 like. Mhux aħjar iġġib xi ritratt ta’ xi rampa li saret. Ara f’post bħal dik il-likes jisplodu l-paġna u saħansitra ġġib aktar likes minn post fejn fiha tingħata l-aħbar li tfajla b’xogħol tajjeb tħalli d-dinja warajha biex tidħol Soru tal-Klawsura jew li reliġjuż li nafuh jagħlaq 25 sena saċerdot!!!!

It-Titanic qiegħed jidħollu l-ilma

Ok no problem ejjew nibqgħu ndoqqu u niżfnu u nitbaħartu, u l-ilma ffriżżat ħallieh dieħel fl-istiva tat-Titanic li fuqu int tinsab. L-aqwa li int għadek fuq il-pont tiżfen u tammira l-istilel, u l-ilma għadu ma wasalx sa ħdejk. U iva mbagħad jekk tispiċċa fil-baħar inġazzat, imbagħad fittex lifeboat (saċerdot biex tqerr), u jekk ma ssibx serraħ il-kuxjenza tiegħek li fl-aħħar mill-aħħar ma huwiex tort tiegħek jekk f’dak il-mument m’intiex se ssib sacerdot. Alla żgur li se jagħlaq għajnejH u jagħmilha tal-iblaħ u jurik Hu stess qisu kien xi usher fejn jinsab is-siġġu b’ismek fuqu.

Issa huwa ż-żmien tal-konverżjoni

Ahhhhhhh l-aħwa ISSA HUWA Ż-ŻMIEN TAL-KONVERŻJONI, ISSSSSSSA, ILLUM.

X’garanzija għandek li int se twassal sal-lejla? Forsi llejla l-familjari tiegħek se jkunu ġa rranġaw kollox mal-kummisjonant, u illum l-ħaddiema taċ-ċimiterju se jkunu qegħdin inaddfu l-qabar tal-familja biex għada wara nofsinhar iniżżluk hemm isfel.

Aħjar fuq dgħajsa ċkejkna imma li ma tagħmilx ilma, milli fuq vapur lussuż li qiegħed jeqred lilu nnifsu bil-ħajja tal-vizzji li s-soċjeta’ moderna bid-daqq tagħha ddeċidiet li ma huma vizzji xejn.

One thought on “Siġġu b’ismek fuqu mħejji għalik fil-Ġenna.  Kitba ta’ P. Juan De Bono ocd”

  1. It-taghlim huwa dejjem importanti biex wiehed ma jkollux skuza li jghid li ma kienx jaf li hemm INFERN.
    Miskin hu min jispicca hemm l’ghaliex it-tbatijja li hemm fih trid u ma tridx hija ghal dejjem ta’ dejjem.
    Alla jilliberana mill-INFERN.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading