Kitba ta’ Joe Galea
Carlo Acutis kien konvint li “jekk in-nies jifhmu aħjar x’inhi verament l-Ewkaristija, kieku jersqu aktar lejn Alla”. B’hekk beda jevanġelizza fuq l-internet, billi jiddokumenta l-mirakli Ewkaristiċi minn madwar id-dinja. Kien jgħid li l-Ewkaristija hi “it-triq ewlenija tiegħu, l-awtostrada, għall-Ġenna”. Kien jgħid ukoll li l-Ewkaristija hi “mediċina tajba kontra l-egħluq fil-moħħ tal-bniedem”; u li l-Ewkaristija hi “laqgħa personali ma’ Kristu”. Iġib l-eżempju prattiku: “Jekk noqoqgħdu quddiem ix-xemx, insiru somor, imma meta aħna qudiem Ġesu’ fl-Ewkaristija, insiru qaddisin”.
Kien ċkejken meta Carlo talab li jirċievi l-Ewwel Tqarbina. L-Arċisqof tad-djoċesi ta parir lill-familja biex tiċċelebra dan is-Sagrament f’post kwiet biex ma jtellef xejn mill-ġabra spiritwali ta’ Carlo. Fl-eta’ ta’ 7 snin, Carlo rċieva l-Ewwel Tqarbina f’monasteru fuq il-quċċata ta’ muntanja, hekk li dan il-monasteru jafuh bħala wieħed mill-“postijiet tas-silenzju”, fejn kull kelma li wieħed jaqra u jisma’ takkwista tifsira partikulari.
L-imħabba ta’ Carlo għall-Ewkaristija nistgħu niġbruha f’waħda mis-sentenzi tiegħu: “Iktar ma nirċievu l-Ewkaristija, iktar insiru nixbhu lil Ġesu’, u diġa’ fuq din l-art aħna nkunu qed induqu l-Ġenna.”
Kien imur għall-Quddiesa kuljum għall-bqija ta’ ħajtu, bla ma tilef qatt l-okkażjoni li joqgħod hemm, mal-ikbar ħabib tiegħu. Il-familja u l-ħbieb tiegħu jirrakkuntaw li kien miġbur b’mod profond lejn l-Ewkaristija u ma kienx jgħaddi minn quddiem knisja mingħajr ma jieqaf biex isellem lil Ġesu’. Kien jemmen li “n-nies jersqu lejn Alla jekk ikunu jafu li Ġesu’ hu tassew fl-Ewkaristija”.
Omm Carlo, Antonia, tistqarr li binha sikwit “kien jistaqsi kemm persuni kienu jgħaddu ħin fi kuwijiet twal biex jattendu avvenimenti soċjali. bħal xi kunċet rock u forsi, minkejja li huma Kattoliċi, qatt ma sabu ħin biex jgħaddu ħames minuti fis-silenju quddiem it- tabernaklu, li fih hemm Alla l-ħaj li ħalaqna.
L-Ewkaristija hi, kif ngħidu: ‘radd il-ħajr’, ringrazzjament. Hekk ukoll kien iqisha Carlo l-Ewkaristija. Għalih kellha żewġ tifsiriet: dik tat-Tqarbin u dik ta’ l-Adorazzjoni. Permezz tal-adorazzjoni Carlo kien jgħix dimensjoni affettiva importanti: is-skiet, is-smigħ u l-ħbiberija, il-misteru silenzjuż u l-intimita’ tiegħu ma’ Alla. Carlo ma vvinta xejn iżda rnexxielu jiskopri l-qawwa tal-Ewkaristija billi kien imur il-knisja kuljum biex jagħmel adorazjoni. Jista’ jidher att ta devozzjoni barra minn żmienu. Lil sħabu kien jgħidilhom “agħmlu bħali”, u dawk li kienu jmorru ftit ħin quddiem l-Ewaristija, jew inkella jitqarbnu, kienu jinħassu.
L-adorazzjoni għenitu biex jesperjenza l-iktar għaqda profonda ma’ Alla. Għalhekk il-qawwa li Carlo jxerred, li tibda mit-tbissima tiegħu, ġejja mill-ħila li jgħix minn dak li jadura. B’Alla f’qalbu, hu hu fil-qalb ta’ Alla, jgħallimna li wieħed jista’ jkun ħaġa waħda ma’ Alla. Kellu konvinzjoni f’qalbu: “Tmur dritt il-Ġenna, jekk tersaq il-jiem kollha lejn l-Ewkaristija.”
Kien kapaċi fil-kompjuter, affaxxinat bil-potenzjal u t-tajjeb li seta’ jġib u “ra l-internet bħala mod li jevanġelizza. Fl-aħħar ħoloq wirja ta’ mirakli Ewkaristiċi li daru u għadhom iduru imad-dinja. Dan ir-riżors fuq l-internet jippermetti lin-nies biex ikunu jafu aktar dwar il-fidi u issa huma tradotti fi sbatax-il lingwa.”
Carlo Acutis iħeġġiġna nħobbu l-Ewkaristija, kif kien iħobbha hu, li nkunu devoti tal-Madonna, kif kien hu; u li nħobbu l-Knisja, kif għamel hu.
