Kitba ta’ Joe Galea
Skont il-Papa Franġisku, Pier Giorgio Frassati, li miet fl-1925, “kien żagħżugħ ta’ ferħ li jkaxkar oħrajn warajh, ferħ li kien jegħleb ukoll tant diffikultajiet tal-ħajja tiegħu”. Dan kitbu fl-eżortazzjoni tiegħu ‘Christus Vivit’, ‘Kristu Jgħix’.
Pier Giorgio kien jgħid li ried ipatti għall-imħabba ta’ Ġesù, li rċieva fit-Tqarbin, billi jżur u jgħin lill-foqra. Ta’ karattru ferrieħi u ħabib tan-natura, irrinunzja għal pożizzjoni għolja fil-familja biex jiddedika ħajtu għall-fqar. Kien ta’ ispirazzjoni lil eluf ta’ żgħażagħ bil-mod ta’ ħajja tiegħu, umli imma fl-istess ħin b’personalita’ qawwija.

Kien minn familja tat-tajjeb. Missieru Alfredo, kien il-proprjetarju tal-famuża gazzetta Taljana ‘La Stampa’, kien fis-Senat Taljan u ambaxxatur għall-Ġermanja. Ommu, Adelaide, kienet pittriċi li x-xogħlijiet tagħha kienu mfittxija min-nies ta’ klassi għolja.
Wieħed jimmaġina li żagħżugħ bħal Pier Giorgio se jikber f’aristokrazija. Minflok, kien ġeneruż b’dak kollu li kellu. Saħansitra darba neża ż-żarbun għal bin mara li kienet qed tittallab u pperswada lil ommu biex tieħu ħsieb raġel fis-sakra li ġie fuq l-għatba tal-familja Frassati. Missieru xejn ma ħa gost b’dan. Tajjeb ngħidu li missieru kien ateju, ma kienx jemmen. Imma dan ma fixkilx lil Pier Giorgio.
Kien tant ċajtier fil-klassi tal-iskola u ġieli minħabba f’hekk falla f’xi eżamiiet. Mar fi skola privata tal-Ġiżwiti u jista’ jkun li l-influwenza Ġiżwita ffurmat dak li kellu jsir fiż-żogħżija tiegħu. Kien ispirat mill-Barkiet li jsemmi Ġesu’ fil-Vanġelu tant li l-Papa San Ġwanni Pawlu II sejjaħlu “r-raġel tat-Tmien Beatitudnijiet”. Min-naħa tiegħu, Pier Giorgio kien jgħid li hu biss “wieħed mill-oħrajn.”
L-għażliet tiegħu huma sejħa għalina lkoll. L-ewwel hi l-ħajja spiritwali tiegħu. Semmejna li missieru kien ateju. Imma bagħtu fi skola tal-Ġiżwiti sempliċiment biex ikollu riżultati tajbin fl-eżamijiet. Imma Pier Giorgio kien miftuħ għal dak li toffri l-Knisja Kattolika u ngħaqad mas-Solidarjeta’ Marjana u l-Appostolat tat-Talb. Imbagħad mal-Azzjoni Kattolika. Ta’ 17-il sena ngħaqad mas-Soċjeta’ ta’ San Vinċenz de Paul u fil-ħin liberu tiegħu kien jaqdi lill-morda u lil dawk fil-bżonn, jieħu ħsieb l-orfni u lis-suldati ġejjin lura mill-Ewwel Gwerra Dinjija.
Studja fl-Universita’ ta’ Turin biex isir inġinier tal-minjieri, li kien, u għadu, xogħol mill-aktar iebes. Bħala karriera ma mexiex fuq il-passi ta’ missieru u ta’ ommu, u stqarr ma’ ħabib, li ried “jaqdi lil Kristu aħjar fost in-nies tal-minjieri.” Ingħaqad mal-Fondazzzjoni ta’ Studenti Kattoliċi, imma l-iskop tiegħu kien li jieħu sehem fil-ħidma politika. Kien jgħid: “Il-karita’ mhix biżżejjed; għandna bżonn inbiddlu l-affarijiet.” U biex jasal għal dan, ingħaqad ma’ partit politiku li kien jaħdem favur it-taglim soċjali Kattoliku li u kien isegwi l-enċiklika tal-Papa Ljun XIII ‘Rerum Novarum’.
Pier Giorgio ta mill-ġid tiegħu, anzi ta lilu nnifsu. Il-familja kellha dar għall-vaganzi fil-kampanja viċin Turin. Pier Giorgio ma kienx imur hemm mal-familja; iddedika lilu nnifsu biex jieħu ħsieb l-emarġinati, il-foqra u l-morda. Dwar ix-xhur tas-sajf, meta ħafna jivvjaġġaw għall-vaganzi, Pier Giorgio jgħid: “Jekk kulħadd iħalli Turin, min se jieħu ħsieb il-foqra?
Kien jipprattika l-isport. Kien ta’ ħila biex jixxabbt mal-muntanji, għawwiem tajjeb u atleta. L-isport kien jgħinu fl-apostolat tiegħu. Fuq muntanji għoljin kien jistieden lill-ħbieb għal irtiri spiritwali. Kien iħobb it-teatru u films imma skont il-koriċi morali li kien isegwi.
Pier Giorgio Frassati hu mudell għal min hu fl-awtorità, kif ukoll għal kulmin qed jagħti jew tagħti sehem b’xi mod jew ieħor biex ikollna dinja li tirrispetta d-dinjità ta’ kull persuna.