It-23 Ħadd matul is-Sena Ċ. Ħsieb ta’ D. Edward Vella

Interessanti ħafna li f’xi pajjiżi Ewropej in-numru ta’ dawk li ma jemmnux fl-eżistenza ta’ Alla jew li huma xettiċi, huwa akbar minn dawk kollha li jemmnu f’Alla jekk tiġborhom flimkien mir-reliġjonijiet differenti. Jekk kull wieħed u waħda minna jistaqsi fil-fond ta’ qalbu ‘jien nemmen f’Alla?’, xi nwieġeb lili nnifsi bis-sinċerità fil-fond ta’ qalbi? Darba wieħed teologu kbir tas-seklu 20 qal li l-akbar domanda li għandu l-bniedem hija jekk hux Alla li għamel lill-bniedem jew inkelli l-bniedem li għamel lil Alla.

Waħda mill-akbar problemi biex wieħed jaċċetta l-eżistenza ta’ Alla hija l-pretensjoni li jista’ jkollu l-bniedem li jrid jifhem kollox, saħansitra lil Alla. Fl-ewwel qari smajna dawn il-kelmiet. ‘Min jista’ jagħraf ħsieb Alla? Min jista’ jifhem xi jrid il-Mulej? Kemm hu iblaħ il-bniedem li jirraġuna, ‘ma naċċettax dak li ma nifhimx’! ‘Bilkemm nistgħu nintebħu x’hemm fuq l-art, u bit-tbatija nsibu dak li hu taħt għajnejna; mela min jista’ jitkixxef fuq il-ħwejjeġ tas-sema?’, ikompli jgħidilna l-ktieb tal-Għerf. Huwa biss il-bniedem umli, li jaċċetta li minkejja l-intelliġenza tiegħu, huwa jibqa dejjem kreatura limitata li qatt ma tista’ tifhem għal kollox lill-Kreatur tagħha.

Jekk Alla huwa l-Għerf innifsu, u allura l-bniedem jista’ juża moħħu wkoll biex jipprova jifhem  minn hu Alla, iżda fuq kollox ‘Alla hu mħabba’ u l-imħabba m’hijiex lingwaġġ tal-moħħ iżda tal-qalb. Allura quddiem Alla huwa biss il-bniedem li jiftaħ qalbu biex jaċċetta din l-Imħabba nfinità li jasal imbagħad li jifhem xi ħaġa. Jekk bniedem jersaq lejn Alla bil-prinċipju ‘jien ma naċċettax dak li ma nifhimx’, u fl-istess ħin b’qalb magħluqa ma jista’ qatt jaċċetta l-eżistenza ta’ Alla. Alla, propriju għax huwa Alla, huwa infinitament ’il fuq minn dak kollu li nistgħu nifhmu aħna, u li kieku ma kienx hekk ma kienx ikun Alla. Is-Salm tal-lum ikompli jgħidilna: ‘Għalhekk għallimna ngħoddu jiem ħajjitna, sabiex aħna nimxu bil-għaqal.’ Huwa biss il-bniedem li jagħraf il-limiti tiegħu li jasal li jaċċetta lil Alla.

Naħseb li jaħsduna xi kelmiet fl-Evanġelju tal-lum: ‘Min jiġi għandi ma jistax ikun dixxiplu tiegħi jekk ma jobgħodx lil missieru u ’l ommu u lil martu u lil uliedu,…’. Xi jrid jgħid Ġesù b’dan? Jekk Alla ma jiġix l-ewwel post f’ħajti allura Alla l-veru mhux alla tiegħi, għax alla tiegħi ikun dak li jiġi fl-ewwel post f’ħajti. Jekk jien għall-imħabba ta’ xi ħadd għażiż għalija lest li mmur kontra dak li hi r-rieda ta’ Alla għalija, allura Alla ma jkollux l-ewwel post f’ħajti. U Ġesù ikompli jgħidilna: ‘Min ma jerfax salibu u jimxi warajja ma jistax ikun dixxiplu tiegħi.’ X’inhu s-salib tiegħi? Kif qed nġib ruħu quddiem is-salib tiegħi, naħarbu jew inħaddnu? Jekk inħaddan is-salib nintebaħ li fuqu hemm Ġesù, li jħaffef it-toqol tiegħu u jsalva lili u lil bosta oħra permezz tiegħi. San Pawl fit-tieni qari jurina dan b’dawn il-kelmiet: ‘Pawlu, raġel xwejjaħ, u issa priġunier ta’ Kristu Ġesù’

Mulej Ġesù għinna biex l-ewwel u qabel kollox nifhmu li Alla huwa Mħabba. Għinna ħalli niftħu qalbna quddiem din l-imħabba, anke meta taslilna permezz tas-salib, biex hekk fil-ħajja kollox jibda jagħmel sens u fuq kollox biex nixxenqu dejjem ħalli ġurnata waħda niġu ngawduk għal dejjem.  Ammen.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading