Festa tal-Eżaltazzjoni tas-Salib. Ħsieb ta’ D. Edward Vella

Ilkoll kemm aħna jiġu fuqna mumenti ta’ dwejjaq kultant, u hija xi ħaġa normali li meta nħossu d-dwejjaq nippruvaw insibu r-raġuni għaliex aħna mdejqin. Ħafna drabi nippruvaw nsibu r-raġuni l-barra minna billi nwaħħlu f’ħaddieħor tad-dwejjaq li jkollna, iżda meta nagħmlu hekk mhux bilfors ikollna raġun. Xi drabi r-raġuni tad-dwejjaq tista’ tkun ġo fina stess; jista’ jkun li nkunu ġibnija b’idejna, forsi għaliex ma jkollniex paċenzja nistennew, jew forsi għaliex ma nkunux aċċettajna l-fatt li mingħajr sagrifiċċju ma nistgħu naslu għal xejn importanti u sabiħ f’din il-ħajja. Hekk ġralu l-poplu t’Alla meta kien fid-deżert: Alla kien qiegħed imexxihom f’sitwazzjonijiet mhux faċli, iżda li fl-aħħar minn l-aħħar dan kien biex iwassalhom fl-art imwegħda, art li ‘tnixxi ħalib u għasel’. Huma ma kienux lesti għas-sagrifiċċju neċessarju biex jakkwistaw dak li tant kienu jeħtieġu jiġifieri art tagħhom.

It-tgerġir tal-poplu kontra Alla u Mosè wasslu biex iduq il-kastig ta’ Alla: meta ngħidu kastig ta’ Alla ma rridux nifhmu li Alla qiegħed jivvendika ruħu mill-poplu, ma jistax ikun li Alla li hu Mħabba jagħmel dan; il-kastig ta’ Alla rridu nifhmuh bħala duwa morra li l-iskop tagħha hu li tfejjaq. Il-poplu kellu bżonn jikber aktar fil-fiduċja tiegħu f’Alla, u għalhekk Alla jippermetti li jgħaddi minn esperjenza iebsa, iżda dan biex jimmatura fil-Fidi tiegħu. Is-sriep jaħarqu huma simbolu tad-dnub u l-effett negattiv tiegħu fuq il-bniedem; il-poplu jindem u jistqarr, ‘«Dnibna għax tkellimna kontra l-Mulej u kontra tiegħek. Itlob lill-Mulej ħa jwarrab is-sriep minn fostna.» U Mosè mar jitlob għall-poplu.’ Kemm hi sabiħa l-figura ta’ Mosè jitlob għall-poplu! Kemm nistgħu nitgħallmu minnu aħna wkoll billi nivvalorizzaw aktar it-talb ta’ interċessjoni għalina u għall-oħrajn!

Interessanti huwa dak li Alla jitlob minn Mosè: «Agħmel serp tal-bronż velenuż, u arbulah bħal stendard; u kull min jingidem u jħares lejh ifiq u jgħix.» X’qawwa għandu serp tal-pronż merfugħ fuq arblu li jfejjaq? ‘Kif Mosè rafa’ s-serp fid-deżert, hekk jeħtieġ li jkun merfugħ Bin il-bniedem, biex kull min jemmen fih ikollu l-ħajja ta’ dejjem.’ Ma huwiex is-serp tal-bronż li jfejjaq iżda dak li jirrappreżenta, jiġifieri Ġesù Msallab, hu biss jista’ jfejjaq, u mhux mill-ġidma ta’ serp velenuż iżda mill-qawwa tal-ħażen li hemm fid-dinja tagħna u fina. Aħna wkoll bħal poplu t’Alla ninsabu f’mixja fid-deżert ta’ din il-ħajja, aħna wkoll ħafna drabi nitilfu l-fiduċja tagħna f’Alla u nħallu s-serp tal-ħażen jirbaħna: ħaġa waħda biss hemm li tista’ tfejjaqna minn dan il-ħażen, jiġifieri l-Fidi tagħna f’Ġesù. Tħares lejn is-serp ifisser, temmen u tafda li Ġesù u Ġesù biss jista’ jfejqek mid-dnub. 

Illum qegħdin niċċelebraw il-Festa għażiża tal-Eżaltazzjoni tas-Salib: din il-Festa trid iġġedded il-Fidi tagħna fil-qawwa ta’ Ġesù Msallab: tajjeb li nistaqsu lilna nfusna; meta ningidem mis-serp velenuż jien x’nagħmel? Nagħmel ta’ bir-ruħi li ma ġara xejn u nħalli l-velenu tas-serp jikkontaminali mhux lil ġismi iżda lil ruħi, jew nersaq lejn Ġesù fis-sagrament tal-qrar b’fidi għaliex nemmen li Hu biss jista’ jfejjaqni?

Nitolbuk Mulej biex teħlisna dejjem mill-gidma tas-serp velenuż, iżda jekk xi darba ningidmu agħtina Fidi kbira fiK, int li biss tista’ teħlisna mill-agħar għadu tagħna li huwa d-dnub. Ammen.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading