Kitba ta’ Joe Galea
Dubai, il-belt famuża għall-bini għoli tagħha u għall-moskej, fiha wkoll knisja Kattolika li hi interessanti għax qiegħda f’ambjent Iżlamiku. Hi l-knisja ta’ Santa Marija u tinsab fil-lokalità ta’ Oud Metha. Kull tmiem il-ġimgħa, għadd kbir ta’ Nsara jinġabru hemm għall-Quddiesa għal liturġiji sbieħ. Fil-kumpless tal-knisja hemm replika tal-grotta tal-Madonna ta’ Lourdes. Hu post kwiet ta’ talb moħbi mit-triq, simbolu ta’ fidi mgħixa b’fervur iżda wkoll b’mod diskret fil-belt.
Dubai hija parti mill-Emirati Għarab Magħquda (UAE), federazzjoni ta’ seba’ Emirati mmexxija minn monarkiji ereditarji. Minn port modest tal-Golf, din il-belt saret ċentru globali tal-kummerċ u t-turiżmu. Din il-bidla mgħaġġla ġabet kemm opportunitajiet kif ukoll restrizzjonijiet għall-komunitajiet Kristjani, li fil-biċċa l-kbira jibqgħu fi spazji limitati magħżula mill-istat. Skont kalkoli fl-2020 fl-Emirati kien hemm mat-850,000 Kattoliċi, li huma 9 fil-mija tal-popolazzjoni totali. In-numri żdiedu sew minn 5 snin ilu, speċjalment f’Dubai.
Il-knisja ta’ Santa Marija, li ġiet konsagrata fl-1989, hi waħda miż-żewġ parroċċi Kattoliċi ewlenin fil-belt ta’ Dubai, flimkien ma’ dik ta’ San Franġisk ta’ Assisi, f’Jebel Ali, inawgurata fl-2001. Iż-żewġ parroċċi huma frekwentati minn barranin li jiffurmaw il-biċċa l-kbira tar-residenti hekk li l-ħajja Kattolika f’Dubai tiġbor folol imdaqqsa, f’libertà meqjusa u devozzjoni personali. Fost il-ġimgħa, ikunu meħtieġa mal-200,000 Ostja f’Quddies b’diversi lingwi. Jiġu mgħammdin mijiet ta’ tfal kull xahar u jitmexxa żwieġ ta’ numru ta’ koppji flimkien. Il-knisja ta’ Santa Marija mhijiex mill-ogħla bini f’Dubai, imma hi meqjusa bħala waħda mill-ikbar knejjes.

Il-popolazzjoni Kattolika f’Dubai hija diversa u interessanti, u tirrifletti l-mużajk varju tal-belt, bil-Kattoliċi Indjani u Filippini jiffurmaw l-akbar gruppi, flimkien ma’ kontingenti Għarab, Afrikani u Ewropej. Din il-varjetà kulturali hija kemm sfida pastorali kif ukoll sinjal ċar tal-kattoliċità tal-Knisja.
Il-klima ta’ tolleranza f’Dubai hija reali, iżda mhux għal kollox. Il-Kattoliċi jistgħu jipprattikaw ir-reliġjon liberament fuq l-art tal-parroċċa, imexxu skejjel, jgħallmu l-katekiżmu u jorganizzaw irtiri, pellegrinaġġi u attivitajiet parrokkjali, imma l-qima reliġjuża pubblika mhix daqshekk libera. Il-ħtieġa ta’ permessi, is-sorveljanza u l-kontroll ta’ kuljum isawru l-ħajja pastorali tal-Knisja Kattolika f’Dubai. Is-Salib ma jistax jintwera fuq il-knejjes, u l-qniepen ma jistgħux jindaqqu. Xi drabi dan il-kontroll jinħass waqt iċ-ċelebrazzjoni. Għal dawk li jsegwu l-Quddiesa mill-bitħa tal-kumpless minħabba n-nuqqas ta’ spazju ġewwa, il-qari tal-Evanġelju jista’ jintefa’ għal kollox mill-Adhān (is-sejħa Islamika għat-talb) mill-moskea imponenti faċċata tat-triq.
Il-kleru Kattoliku f’Dubai jafu r-regoli tal-pajjiż u jridu jaċċettawhom; huwa pajjiż Musulman li diġà ħalla jinbnew żewġ knejjes Kattoliċi għalkemm l-ispazji kif inhuma mhumiex biżżejjed għall-popolazzjoni Kattolika li qed tikber. Il-kleru huwa kkontrollat sew; iI-viża għas-Saċerdoti diffiċli biex tinkiseb. Jippruvaw iġibu Qassisin regolarment, anke jekk għal perjodi qosra biss, u dan mhux dejjem faċli. Madwar 15-il qassis jagħtu servizz b’mod permanenti fil-knisja ta’ Santa Marija, u 10 Qassisin f’dik ta’ f’San Franġisk. Hu numru modest meta wieħed iqis il-popolazzjoni Kattolika hekk kbira li huma jaqdu.
Il-preżenza tal-Knisja fl-Emirati hija relattivament reċenti, madwar sittin sena f’Dubai u Abu Dhabi u inqas f’emirati oħra. L-ewwel prijorità tad-djoċesi dejjem kienet li takkomoda lin-nies sabiex kulħadd ikollu mill-inqas biżżejjed spazju biex jitlob u jikber fil-fidi. Ma ppruvawx jibnu knejjes fi stil tal-Punent, u lanqas ma marru għal arkitettura kif nifhmu aħna.
Filwaqt li l-Insara huma liberi bħala reliġjon, imma mhux fil-beraħ, huma projbiti milli jevanġelizzaw jew jitolbu fil-pubbliku. Il-konvertiti lokali mill-Islam jiffaċċjaw l-akbar pressjoni, ħafna drabi mill-familji u l-komunitajiet tagħhom stess, u jirriskjaw li jitilfu l-wirt, l-impjiegi jew saħansitra d-drittijiet ta’ kustodja jekk il-konverżjoni tagħhom issir magħrufa. Ħafna jżommu l-fidi tagħhom moħbija jew jitilqu barra l-pajjiż. Madankollu minkejja dawn ir-restrizzjonijiet, il-Kattoliċi f’Dubai igawdu sens ta’ sigurtà li hi rari f’dawn ir-reġjuni. Ħadd ma jħossu mhedded fil-ħajja, fir-relazzjonijiet jew fil-konvinzjonijiet. Kulħadd huwa liberu li jkun dak li hu, sakemm ma jkunx hemm proselitiżmu.
Iż-żjara tal-Papa Franġisku f’Abu Dhabi fl-2019, fejn iffirma d-“Dokument dwar il-Fraternità Umana” mal-Imam il-Kbir ta’ Al Azhar immarkat punt ta’ bidla għall-preżenza Kattolika u għar-relazzjonijiet interreliġjużi fil-Golf. Din kienet segwita mill-inawgurazzjoni tad-Dar tal-Familja Abrahamika fl-2023 u inizjattivi interreliġjużi oħra. F’dan l-isfond, il-ħajja Kattolika f’Dubai kompliet tespandi u t-taħditiet dwar il-bini ta’ knejjes ġodda għadhom għaddejjin.
Il-komunità Franċiża, pereżempju, kienet żgħira għall-ewwel, iżda kibret malajr ħafna, speċjalment mill-2019. Hu stmat żieda ta’ 25% fil-parroċċa ta’ lingwa Franċiża minn dakinhar, b’madwar 2,000 Kattoliċi regolari u aktar minn 550 tifel u tifla fi klassijiet tal-katekiżmu. Il-familji spiss ikollhom minn tlieta sa ħamest itfal, u l-fatt li jkunu ’l bogħod mid-dar jidher li japprofondixxi l-fidi tagħhom. Madankollu, ir-rikonċiljazzjoni ta’ kultura konsumista b’veloċità għolja mal-ħin għall-ħajja tal-familja u tal-parroċċa hija sfida kostanti li għaliha l-kleru lokali jrid jadatta. Id-distanzi madwar il-belt jikkomplikaw ukoll is-sehem ta’ dawk li jattendu.
Minkejja l-isfidi, il-kleru u l-lajċi jibqgħu jittamaw li l-ftuħ gradwali u l-inizjattivi ġodda jippermettu li l-ħajja Kattolika f’Dubai tkompli tiffjorixxi. Għal ħafna, Dubai kienet barka għax sabu serenità għall-ħajja tal-familja u għall-fidi li forsi ma kellhomx f’pajjiżhom. Hadd ma jidħak b’min imur il-knisja jew b’familji li tgħandhom it-tielet wild, kif jista’ jkun il-każ fil-Punent illum. Fost sfidi reali, din il-belt tista’ ssir kenn mhux mistenni ta’ fidi, ta’ familja u ta’ tama għall-futur.