20/09/2025: L-MSSP Oratory Youth żamm il-kamp annwali ta’ fidi ECHO bejn it-12 u l-14 ta’ Settembru, li ġab flimkien iktar minn mitt żagħżugħ u żagħżugħa, għall-weekend ta’ talb, riflessjoni, ġabra, u esperjenza ta’ missjoni. ECHO, esperjenza li tesprimi l-identità u l-missjoni tal-komunità, din is-sena kellu t-tema ta’ Ħajja fl-Unità.

Dan kien is-seba’ kamp ta’ fidi organizzat mill-MOY, li baqa’ leali għat-titlu oriġinali tal-kamp annwali, ECHO, li ġej mill-kanzunetta miktuba apposta minn membri tal-komunità. ECHO huwa stedina għal esperjenza aktar miftuħa tal-preżenza t’Alla u tal-Kelma, u li tippermetti li din l-esperjenza tiġi maqsuma mal-oħrajn. Messaġġ li jistedinna niftħu ruħna aktar għall-fidi, niskopru l-għajnuna u l-maħfra t’Alla, nirrikonoxxu l-identità tagħna, u niżviluppaw lilna nfusna f’persuni sħaħ. Dan kollu jwassal biex wieħed jaqsam mal-oħrajn permezz ta’ azzjonijiet, mġiba, u ħbiberija.
Din is-sena, ix-xewqa kienet li nħarsu lejn il-valur tal-komunità, u kif il-ħajja fl-unità mal-oħrajn, b’modi differenti ssebbaħna u bil-konsegwenza ssebbaħ il-ħajja ta’ dawk qrib tagħna. Il-kamp beda b’mument flimkien, valur ċentrali għall-komunità MOY. Il-membri ġodda ingħataw merħba filwaqt li l-membri tal-MOY ingħaqdu wara x-xhur tas-sajf. Aspett ewlieni ta’ dan il-weekend kien t-talb. Il-Ġimgħa filgħaxija tat l-opportunità liż-żgħażagħ biex jieqfu għal mument ta’ adorazzjoni, talb immaġinarju, u s-sagrament tar-rikonċiljazzjoni.
It-tema tal-komunità ġiet żviluppata fil-fond waqt il-laqgħa li tmexxiet minn Patri Giovann Tabone is-Sibt filgħodu. Il-messaġġ tiegħu ffoka fuq l-isfidi li jaffaċċjaw iż-żgħażagħ biex jibnu ħbiberiji awtentiċi f’dinja li spiss tħeġġeġ relazzjonijiet superfiċjali. Hu ppropona tliet kwalitajiet li jagħmlu ħbiberija sinċiera: pożittività, konsistenza, u vulnerabbiltà: pożittività biex infiequ u nħajjru lil xulxin; konsistenza billi nkunu preżenti fil-komunità; vulnerabbiltà billi nkunu onesti u miftuħin, anke meta nħossu li qed nieħdu riskju. Dan il-messaġġ ma baqgħax fil-livell ta’ ħsieb, peress li kien hemm ħin ta’ silenzju li ppermetta liż-żgħażagħ jirriflettu fuq l-esperjenzi personali ta’ ħbiberija, appoġġjata minn diskussjoni u qsim fi gruppi żgħar fejn fehmu u esprimew il-ħsibijiet u l-emozzjonijiet ta’ xulxin.
Is-Sibt wara nofsinhar kien iddedikat għal ħin ta’ mistrieħ fuq bajja u l-baħar. Dan il-ħin għen liż-żgħażagħ jagħtu l-ħajja lill-valuri li tkellmu fuqhom matul l-ewwel parti tal-weekend, b’mod differenti. Il-ħin li qattgħu flimkien kien mument sabiħ ta’ ħbiberija u ta’ ferħ reċiproku. Kif wieħed mill-parteċipanti qal: “Indunajt li l-komunità tinbena mhux biss fit-talb, imma anke meta sempliċiment ngawdu li nkunu flimkien.”
Il-ġurnata spiċċat biċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija flimkien mal-komunità kollha tal-Oratorju, fil-ġurnata li l-knisja ċċelebrat il-festa tal-Eżaltazzjoni tas-Salib. Il-liturġija enfasizzat li l-vera unità ma tiġix mill-isforzi tagħna imma minn Ġesù Kristu, li jibdel il-mewt u t-tbatija f’ħajja. Fis-Salib tiegħU, l-imħabba tirbaħ fuq id-diviżjoni. Il-ġurnata spiċċat b’BBQ li ġab iż-żgħażagħ kollha flimkien, mimlijin ħajja u ferħ. Matul il-weekend l-ikel ukoll ġie ppreparat mill-istess żgħażagħ bl-għajnuna ġeneruża ta’ membri oħra mill-komunità tal-Oratorju.
Il-kamp għalaq b’ħarsa lil hinn mill-ħitan tal-Oratorju. Iż-żgħażagħ ġew mistiedna li jħarsu lejn il-komunità mhux bħala għan iżda bħala sejħa għall-missjoni. Membri minn Sedqa u mill-Komunità Santa Marija, li bħalissa qegħdin jagħmlu programm ta’ riabilitazzjoni ġew mistiedna biex jiltaqgħu jitkellmu dwar l-esperjenzi tagħhom. Huma qasmu l-istejjer tagħhom b’ġenerożità mal-parteċipanti u ħadu sehem fl-attivitajiet tal-ġurnata. Dawn il-mumenti kienu mmarkati minn onestà, rispett u ħbiberija, li kissru l-barrieri u nħolqu ħbiberiji ġodda ta’ solidarjetà.
L-eżerċizzju Care-to-Care li segwa, stieden liż-żgħażagħ jirriflettu b’mod konkret kif jistgħu jkomplu jieħdu magħhom dak li rċevew, mhux biss għalihom iżda wkoll għall-ġid ta’ ħaddieħor. Kien tmiem xieraq għall-weekend ta’ merħba għal żgħażagħ ġodda, ħarsa ‘l ġewwa u nieħdu ħsieb tal-oħrajn permezz ta’ missjoni.
Mument finali ta’ talb u ringrazzjament ġab l-aħħar ġurnata fi tmiemha. Il-parteċipanti esprimew dak li rċevew u dak li kienu ser jieħdu magħhom: “Ma kontx naf li kelli bżonn dan is-silenzju sakemm dħalt fih.” … “Sibt il-kuraġġ biex ngħid affarijiet li normalment nżomm mistura.” … “Ħassejtni li qisni kont id-dar.” Dawn it-testimonjanzi juru li lil hinn mill-attivitajiet u l-ħarġiet, ECHO 2025 ħoloq esperjenza ħajja fi ħdan l-imħabba ta’ Alla. Bħalissa, il-MSSP Oratory Youth qed tħares ‘il quddiem għas-sena pastorali li ġejja, u l-kamp jibqa’ tragward importanti li jagħti direzzjoni spiritwali. ECHO 2025 ma kienx biss laqgħa, imma esperjenza ħajja ta’ unità: m’Alla fit-talb, ma’ xulxin fil-ħbiberija, u ma’ oħrajn fil-missjoni. Kienet tifkira mimlija ħajja li l-leħen t’Alla mhux biex jibqa’ moħbi imma biex jintefa’ fil-ħajjiet tal-poplu Tiegħu, kif il-kliem tal-kanzunetta bit-tema tal-komunità jgħid… ‘to make God’s glory resound, ECHO His praises far and wide; their voice goes out into the world, to ECHO His word, to the ends of the world.’
Sors: www.knisja.mt
Ritratt: www.knisja.mt/ritratti