Il-Papa Ljun XIV fil-Ġublew tal-Operaturi tal-Ġustizzja

DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV
LILL-PARTEĊIPANTI TAL-ĠUBLEW TAL-OPERATURI TAL-ĠUSTIZZJA
Pjazza San Pietru
Is-Sibt 20 ta’ Settembru 2025

Muy buenos días a todos, l-għodwa t-tajba u merħba!

Għeżież ħuti!

Bi pjaċir qed nilqagħkom f’din l-okkażjoni tal-Ġublew iddedikat lil dawk li, f’diversi uffiċċji, jaħdmu fil-qasam vast tal-ġustizzja. Insellem lill-Awtoritajiet distinti preżenti, li ġew minn bosta pajjiżi, jirrappreżentaw diversi Qrati, u lilkom kollha li ta’ kuljum tiżvolġu servizz meħtieġ għar-relazzjoni ordnata bejn il-persuni, il-komunitajiet u l-Istati. Insellem ukoll lill-pellegrini l-oħra li ngħaqdu magħna għal dan il-Ġublew! Il-Ġublew jagħmilna lkoll pellegrini li, aħna u niskopru mill-ġdid is-sinjali tat-tama li ma tqarraqx, irridu “nsibu mill-ġdid il-fiduċja meħtieġa, fil-Knisja kif ukoll fis-soċjetà, fir-relazzjonijiet bejn xulxin, fir-relazzjonijiet internazzjonali, fil-promozzjoni tad-dinjità ta’ kull persuna, u fir-rispett lejn il-ħolqien” (Bolla tal-indizzjoni tal-Ġublew, 25).

X’okkażjoni aħjar jista’ jkollna biex nirriflettu aktar mill-qrib fuq il-ġustizzja u fuq il-funzjoni tagħha, li nafu li hi indispensabbli kemm għall-iżvilupp ordnat tas-soċjetà u kemm bħala virtù kardinali li tnebbaħ u torjenta l-kuxjenza ta’ kull bniedem! Fil-fatt, il-ġustizzja hi msejħa tiżvolġi funzjoni superjuri fil-konvivenza umana, li ma tistax tiġi ridotta għas-sempliċi applikazzjoni tal-liġi jew għall-ħidma tal-ġudikanti, u lanqas tillimita ruħha għall-aspetti proċedurali.

“Int tħobb il-ġustizzja u tobgħod il-ħażen” (Salm 45:8), tfakkarna l-espressjoni biblika, waqt li ssejjaħ lil kull wieħed u waħda minna biex nagħmlu l-ġid u naħarbu l-ħażen. Jew mill-ġdid, kemm għerf fiha l-massima “agħti lil kulħadd dak li ħaqqu”! U safrattant dan kollu ma jeżawrix ix-xewqa profonda għal dak li hu ġust li hemm f’kull wieħed u waħda minna, dak l-għatx ta’ ġustizzja li hu l-istrument kardinali biex nibnu l-ġid komuni f’kull soċjetà umana. Fil-fatt, fil-ġustizzja jixxierku flimkien id-dinjità tal-persuna, ir-relazzjoni tagħha mal-oħrajn u d-dimensjoni tal-komunità magħmula minn konvivenza, strutturi u regoli komuni. Ċirkularità tar-relazzjoni soċjali li tqiegħed fiċ-ċentru l-valur ta’ kull bniedem, li għandu jiġi ppreservat permezz tal-ġustizzja quddiem id-diversi xejriet ta’ kunflitt li jistgħu jqumu fl-għemil tal-individwu, jew fit-telfien tas-sens komun li jista’ jmiss anki l-istrutturi.

It-tradizzjoni tgħallimna li l-ġustizzja hi, qabelxejn, virtù, jiġifieri, atteġġjament sod u stabbli li jordna l-imġiba tagħna skont ir-raġuni u l-fidi.[1] Il-virtù tal-ġustizzja, b’mod partikulari, tikkonsisti fir-“rieda soda u kostanti [li] nagħtu ’l Alla u lil għajrna dak li jistħoqqilhom”.[2] F’din il-perspettiva, għal min jemmen, il-ġustizzja tara li “nirrispettaw id-drittijiet ta’ kullħadd, u nżommu, fir-relazzjonijiet tagħna mal-bnedmin l-oħra, dik l-armonija li ġġib ’il quddiem l-ekwità fl-imġiba tagħna mal-bnedmin kollha għall-ġid ta’ kulħadd”,[3] għan li jiggarantixxi ordni għall-ħarsien tad-dgħajfa, ta’ min qed jitlob ġustizzja għax hu vittma ta’ oppressjoni, hu eskluż jew injorat.

Huma ħafna l-episodji evanġeliċi li fihom l-azzjoni umana hi vvalutata minn ġustizzja li kapaċi tegħleb il-ħażen tal-abbuż, kif tfakkarna l-insistenza tal-armla li twassal lill-imħallef biex jerġa’ jsib is-sens ta’ x’inhu ġust (ara Lq 18:1-8). Imma anki ġustizzja superjuri li tħallas lill-ħaddiem tal-aħħar siegħa bħal dak li jaħdem il-jum kollu (ara Mt 20:1-16); jew dik li tagħmel mill-ħniena l-muftieħ ta’ interpretazzjoni tar-relazzjoni u twassalna għall-maħfra li tilqa’ lill-iben li kien mitluf u nstab (ara Lq 15:11-32), jew, iktar minn hekk, li taħfer mhux għal seba’ darbiet, imma għal sebgħa u sebgħin darba (ara Mt 18:21-35). Hija l-qawwa tal-maħfra li ġejja mill-kmandament tal-imħabba li toħroġ bħala element kostituttiv ta’ ġustizzja li kapaċi tbewwes flimkien is-sopranaturali mal-uman.

Għalhekk, il-ġustizzja evanġelika ma tiddistraniex minn dik umana, imma tinterrogaha u ssawwarha mill-ġdid: tipprovokaha biex dejjem tmur lil hemm, għax timbuttaha biex tfittex ir-rikonċiljazzjoni. Fil-fatt, il-ħażen ma għandux jiġi biss sanzjonat, imma msewwi, u għal dan il-għan hi meħtieġa ħarsa profonda lejn il-ġid tal-persuni u l-ġid komuni. Ħidma iebsa, imma mhux impossibbli għal min, konxju li qed jiżvoloġi servizz iżjed esiġenti minn oħrajn, iħabrek biex iżomm imġiba ta’ ħajja bla tmaqdir.

Kif nafu, il-ġustizzja ssir konkreta meta tinfetaħ għall-oħrajn, meta kull persuna tingħatalha dak li hu dovut lilha, sa ma tilħaq l-ugwaljanza fid-dinjità u fl-opportunitajiet bejn il-bnedmin. Madankollu lkoll nafu li l-ugwaljanza effettiva mhix dik formali quddiem il-liġi. Din l-ugwaljanza, imqar jekk hi kundizzjoni indispensabbli għat-tħaddim korrett tal-ġustizzja, ma teliminax il-fatt li hemm diskriminazzjonijiet li qed jiżdiedu u li għandhom bħala l-ewwel effett tagħhom proprju n-nuqqas ta’ aċċess għall-ġustizzja. Imma l-ugwaljanza vera hija l-possibbiltà mogħtija lil kulħadd li jwettaq l-aspirazzjonijiet tiegħu u li jara d-drittijiet għad-dinjità tiegħu ggarantiti minn sistema ta’ valuri komuni u kondiviżi, li kapaċi tispira normi u liġijiet li fuqhom jista’ jissejjes it-tħaddim tal-istituzzjonijiet.

Illum, dak li jħeġġeġ lill-operaturi tal-ġustizzja hu sewwasew it-tiftix jew l-irkupru tal-valuri minsija fil-konvivenza, il-kura tagħhom u r-rispett tagħhom. Hu proċess siewi u doveruż, quddiem il-mod kif qed jaffermaw ruħhom imġibiet u strateġiji li jistkerrhu l-ħajja umana sa mill-ewwel dehra tagħha, li jiċħdu drittijiet bażiċi għall-ħajja personali u ma jirrispettawx il-kuxjenza li minnha joħorġu l-libertajiet. Proprju permezz tal-valuri li hemm fil-bażi tal-ħajja soċjali, il-ġustizzja tassumi r-rwol ċentrali tagħha għall-konvivenza tal-persuni u tal-komunitajiet umani. Kif kiteb Santu Wistin: “Il-ġustizzja mhijiex tali jekk fl-istess waqt ma hix prudenti, qawwija u meqjusa”.[4] Dan jitlob il-ħila li naħsbu dejjem fid-dawl tal-verità u tal-għerf, li ninterpretaw il-liġi billi ninżlu fil-fond, lil hemm mid-dimensjoni purament formali, biex nagħrfu s-sens qawwi tal-verità li għas-servizz tagħha qegħdin. Li nimxu lejn il-ġustizzja allura jitlob li nistgħu nħobbuha bħala realtà li għaliha nistgħu naslu biss jekk niġbru flimkien l-attenzjoni kostanti, id-diżinteress radikali u dixxerniment assidwu. Fil-fatt, meta nħaddmu l-ġustizzja, inkunu qed naqdu l-persuni, il-poplu u l-Istat, f’għotja sħiħa u kostanti. Il-kobor tal-ġustizzja ma jonqosx meta nħaddmuha fil-ħwejjeġ iż-żgħar, imma joħroġ dejjem meta hi applikata b’fedeltà għad-dritt u għar-rispett tal-persuna, tinsab fejn tinsab fid-dinja.[5]

“Henjin dawk li huma bil-ġuħ u l-għatx tal-ġustizzja, għax huma jkunu mxebbgħin” (Mt 5:6). B’din il-beatitudni l-Mulej Ġesù ried jesprimi t-tensjoni spiritwali li għaliha jeħtieġ inkunu miftuħa, mhux biss biex niksbu ġustizzja vera, imma fuq kollox biex ifittxuha dawk kollha li għandhom iwettquha fid-diversi sitwazzjonijiet storiċi. Il-“ġuħ u l-għatx” għall-ġustizzja jfisser li nagħrfu li hi tesiġi l-isforz personali biex ninterpretaw il-liġi bl-aktar mod uman possibbli, imma fuq kollox titlob li jkollna “għatx” li jista’ jinqata’ biss f’ġustizzja ikbar, li tittraxxendi s-sitwazzjonijiet partikulari.

Għeżież ħbieb, il-Ġublew jistedinna nirriflettu wkoll fuq aspett tal-ġustizzja li spiss mhux iffokalizzat biżżejjed: jiġifieri r-realtà ta’ tant pajjiżi u popli li huma “bil-ġuħ u l-għatx tal-ġustizzja”, għax il-kundizzjonijiet tal-ħajja tagħhom tant huma inġusti u diżumani li ma humiex aċċettabbli. Għalhekk, mal-panorama internazzjonali attwali għandhom jiġu applikati dawn is-sentenzi li jibqgħu dejjem validi: “Mingħajr il-ġustizzja ma nistgħux namministraw l-Istat; impossibbli li wieħed ikollu liġijiet fi Stat fejn ma hemmx ġustizzja vera. L-att li jitwettaq skont il-liġi ċertament jitwettaq skont il-ġustizzja, u impossibbli li jitwettaq skont il-liġi l-att li jitwettaq kontra l-ġustizzja […] L-Istat, fejn ma hemmx ġustizzja, mhuwiex Stat. Fil-fatt il-ġustizzja hija l-virtù li tqassam lil kulħadd skont ma ħaqqu. Allura mhijiex ġustizzja tal-bniedem dik li twarrab lill-bniedem innifsu minn Alla l-veru”.[6] Il-kliem impenjattiv ta’ Santu Wistin inebbaħ lil kull wieħed u waħda minna biex nesprimu dejjem bl-aħjar mod li nistgħu t-tħaddim tal-ġustizzja għall-qadi tal-poplu, bil-ħarsa tagħna fuq Alla, biex hekk nirrispettaw b’mod sħiħ il-ġustizzja, il-liġi u d-dinjità tal-persuni.

B’dan l-awgurju nroddilkom ħajr u nbierek minn qalbi lil kull wieħed u waħda minnkom, il-familji tagħkom u x-xogħol tagħkom.

Miġjub għall-Malti minn Francesco Pio Attard


[1] Ara Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, n. 1804.

[2] Ibid., n. 1807.

[3] Ibid.

[4] Santu Wistin, Ittri 167, 2, 5.

[5] Ara ibid., De doctrina christiana IV, 18, 35.

[6] Ibid., De civitate Dei, XIX, 21, 1.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading