Ħadd ma jieħu ġost ikun l-aħħar: min-natura tagħna aħna nikkompetu biex nirbħu. B’xi mod anke fil-ħajja ta’ kuljum aħna faċli nidħlu f’kompetizzjoni ma xulxin; nibdew naħsbu li l-aħjar post huwa dak meta nkunu aħjar minn ħaddieħor. Fid-dinja tal-lum dan donnu qed jinħass aktar minn qatt qabel: minħabba li ħafna minna ninsabu komdi finanzjarjament, bdejna naħsbu li aħna ma għandna bżonn ħadd, u allura dan is-sens ta’ kompetizzjoni fejn inħossuna ’l fuq minn ħaddieħor qiegħed kulma jmur jiżdied. Iżda xi żball kbir huwa dan: il-bniedem li jħossu aħjar minn ħaddieħor huwa l-bniedem li jħossu waħdu, huwa l-bniedem li ma jafx iħobb u ma jistax iħobb, u hekk ikun tilef l-aktar ħaġa importanti tal-ħajja.
Il-qari tal-lum ikellemna fuq kwalità essenzjali ħafna fil-ħajja, u dan mhux għal min hu nisrani biss, iżda għal kull bniedem. Żgur li lkoll kemm aħna xi darba ltqajna ma’ xi ħadd kburi, xi ħadd li jħobb jiftaħar bih innifsu: żgur li ma nieħdux gost b’xi ħadd hekk, dan għaliex ikun qisu qiegħed jgħidlek ‘jien aħjar minnek’. Il-kburija hija tentazzjoni li nħossuha lkoll kemm aħna, min fuq ħaġa u min fuq oħra; min mingħalih li mhux ittentat ikun l-aktar fil-periklu. Il-Mulej illum ikellemna dwar dik il-kwalità li mingħajrha kull ħaġa li nagħmlu, tajba kemm hi tajba u qaddisa kemm hi qaddisa, titlef il-valur tagħha. L-umiltà hija dik il-virtù li tagħti valur lil kull virtù oħra, hija l-virtù li mingħajrha ma’ teżisti l-ebda virtù. Meta dak li nagħmlu nagħmluh biex nidhru jew biex niddandnu fuq l-oħrajn inkunu tlifna kollox.
‘Il-Mulej hu mħallef, u ma jħarisx lejn l-uċuħ. Ma joqgħodx iħares lejn wiċċ dak li jkun b’dannu tal-fqir, u jagħti widen għat-talba tal-magħkus. Ma jagħlaqx widnejh għat-talba bil-ħniena tal-iltim, jew tal-armla li tibki xortiha. Min jaqdi mill-qalb lil Alla jintlaqa’, u t-talba tiegħu titla’ m’ogħla s-sħab. It-talba tal-umli tinfed is-sħab…’. Dawn il-kelmiet mill-ktieb ta’ Bin Sirak ma għandhomx bżonn ta’ spjegazzjoni. Mingħajr umiltà il-bniedem ma jistax iħobb, mingħajr umiltà il-bniedem jitlef l-isbaħ affarijiet tal-ħajja. Il-bniedem li jħossu ’l fuq minn ħaddieħor huwa bniedem li ma jħossux maħbub u mhux kapaċi jħobb.
Interessanti ħafna kif tibda s-silta mill-Evanġelju tal-lum: ‘… kien hemm uħud li kienu jafdaw fihom infushom li huma ġusti u kienu jmaqdru lill-oħrajn.’ Mill-parabbola li jgħidilna Ġesù nifhmu dawn min huma: il-Fariżej kienu grupp ta’ rġiel fi żmien Ġesù li kienu jiddilettawha li jobdu l-liġijiet bl-irqaqat kollha tagħhom, u minħabba f’hekk kienu jippretendu li huma aħjar minn ħaddieħor. F’din il-parabbola qawwija jissema wkoll wieħed pubblikan: dawn kienu l-oppost tal-Fariżej, għaliex kienu rġiel Lhud li jiġbru t-taxxa lir-Rumani u fl-istess ħin jisirqu kemm jifilħu: il-Lhud kienu jobogħduhom ħafna. Ġesù b’din il-parabbola mhux qed jgħidilna li l-Pubblikani kienu qed jagħmlu sew, iżda jgħidilna li aħna lkoll midinbin, u huwa biss min jaċċetta d-dnub tiegħu b’umiltà li jista’ jintogħġob min Alla; min jagħmilha ta’ qaddis u hekk jaħseb li hu aħjar minn ħaddieħor fl-aħħar mill-aħħar huwa agħar minn ħaddieħor. ‘Għax kull min jitkabbar, jiċċekken; u min jiċċekken, jitkabbar”.
Nistaqsu lilna nfusna: jien fil-fond ta’ qalbi kif nirrelata mal-oħrajn bħala kompetituri tiegħi jew inħobbhom bħal ħuti? Kif inħossni komdu, li nkun bħall-oħrajn jew dejjem irrid inkun aħjar minn ħaddieħor?
Nitolbuk Mulej għinna ħalli nifhmu s-sbuħija tal-umilta, din il-virtù li tfakkarna fix-xejn tagħna u fl-istess ħin tiftħilna qalbna għall-imħabba tiegħek. Għenna biex f’fommna u f’qalbna ikonna dejjem it-talba tal-Pubblikan: ‘O Alla, ħenn għalija, għax jien midneb!’ Ammen.