L-ANNIVERSARJU TAL-KONSAGRAZZJONI
TAL-BAŻILIKA TAL-LATERAN
Fil-Katekiżmu Tal-Knisja Kattolika, jgħidu li tħejja minn grupp ta’ kardinali, isqfijiet u teoloġi taħt it-tmexxija tal-Kardinal Joseph Ratzinger, li mbagħad ġie magħżul bħala Papa bl-isem ta’ Benedettu sittax. Mill-minjiera ta’ tagħlim nisrani li fih, hemm sentenza li lili dejjem laqtitni. Jgħid hekk il-Katekiżmu: “Kull bniedem huwa esseri reliġjuż”.
Dan ifisser li lkoll kemm aħna, konxji tagħha jew m’aħniex, qegħdin infittxu lil Alla. Għaliex? Għax aħna ħolqien tiegħu u wara għomor twil jew qasir f’din id-dinja id-destinazzjoni tagħna hija Alla li kien minn dejjem u se jibqa’ għal dejjem. Ħa ngħidilkom x’jgħid eżattament dan il-Katekiżmu li għadni kemm sejjaħtlu minjiera ta’ għerf. “Ix-xewqa ta’ Alla hija mnaqqxa fil-qalb tal-bniedem għax il-bniedem inħalaq minn Alla u għal Alla; Alla ma jieqaf qatt jiġbed lill-bniedem lejh, u f’Alla biss isib il-verita’ u l-hena li qatt ma jieqaf jixtieq…” (nru 27)
Hawnhekk għandi poeżija qasira ta’ Dun Karm Psaila, il-poeta nazzjonali tagħna, jisimha “Il-Qalb tal-bniedem” għax naraha tiġbor fil-qosor dak li għadni kemm għedt. Isimgħuha: “Xi tkun int, ja qalb, x’ikunu il-ġibdiet li tħoss ġo fik? Għal kull ħaġa dlonk titħajjar, iżda l-ebda ma thennik…Dejjem tħabbat, dejjem tfittex, inti stess ma tafx x’tixtieq; tħoss li l-hena l-ħajja tiegħek u għall-hena ma ssibx triq…Għaldaqstant jien fhimtek sewwa; din id-dinja hi ftit għalik, erfa’ ħarstek lejn is-sema, Alla biss jista’ jhennik.”
Sa minn eluf ta’ snin qabel ġie Ġesu’ Kristu fuq din l-art, ħafna nies ippruvaw ifittxu lil Alla b’diversi modi u b’diversi manjieri…Pereżempju jiġuni f’moħħi it-talb vokali (jiġifieri tax-xoftejn) u jekk jista’ jkun magħqud mat-talb mentali jew tal-qalb, il-meditazzjoni, il-liturġija jew il-kult, is-sagrifiċċji jew il-ħruq ta’ annimali lil Alla veru jew lill-allat foloz. Għalhekk il-bini ta’ tempji ħafna minnhom nafu li nbnew eluf u eluf ta’ snin qabel Kristu. Bħala eżempju nista’ nsemmielkom it-tempju tal-Ġigantija ġewwa Għawdex u dak ta’ Ħaġar Qim ġewwa Malta. Qed insemmi dawn iż-żewġ tempji pre-istoriċi għax iktar ‘il-quddiem se nirreferikom għat-Tempju ta’ Ġerusalem li jissemma’ fis-silta tal-vanġelu li qrajtikom. Iktar tard ħa nitkellmu fuqu.
Ma nistgħux ngħodduhom l-eluf, jew aħjar il-miljuni ta’ kappelli, knejjes, santwarji, katidrali, bażiliċi li nbnew mad-dinja kollha ħalli aħna l-insara nkunu nistgħu niffrekkwentawhom biex naduraw lil Alla u nqimu lill-qaddisin. Għal dak li se ngħid iktar ‘il quddiem dan hu importanti. Il-kotra tagħhom huma ikkonsagrati, imma oħrajn forsi le. Kif nagħrfu lok ta’ talb ikkonsagrat minn lok ta’ talb ieħor li mhux ikkonsagrat? Post ta’ talb ikkonsagrat nagħrfuh minn tnax il-salib mal-kolonni ta’ dan il-post li f’xi żmien kienu ikkonsagrati minn isqof biż-żejt tal-griżma. Ta’ kull sena, id-data ta’ meta dan il-post ikun ikkonsagrat tiġi ċċelebrata b’solennita’ kbira: tibda minn nofs inhar tal-ġurnata ta’ qabel u tkompli l-għada matul il-jum kollu. Minn nofs inhar tal-bieraħ u se nkomplu llum qegħdin niċċelebraw l-anniversarju tal-konsagrazzjoni tal-Bażilika tal-Lateran ġewwa Ruma. Għandkom tkunu tafu li l-Bażilika tal-Lateran ġewwa Ruma hija s-sede tal-Papa, jew aħjar l-isqof tal-belt ta’ Ruma. Issa ħa niġi għall-vanġelu…
Jgħidilna San Ġwann: “Kien qorob il-Għid tal-Lhud u Ġesu’ tela’ Ġerusalem. Fit-Tempju…” Nota żgħira dwar dan it-tempju. Fit-tieni Ktieb ta’ Samwel, nsibu li is-sultan David qal mhix ħaġa xierqa li jien ngħix f’palazz u l-arka tinsab taħt tinda. Ħa nibni tempju biex fih inpoġġi l-arka. Imma mnebbaħ minn Alla, il-Profeta Natan qallu xi ħaġa hekk: “Int xerridt ħafna demm fil-ġlied u l-gwerer li kien ikollok. It-tempju ma tibniehx int, imma jibnihuli ibnek li jkun isaltan flokok.” Kien qed jgħid għal Salamun magħruf għall-għerf tiegħu. Pero’ qabel miet, David ħa ħsieb li jiġbor dak kollu meħtieġ biex jinbena dan it-tempju: allura deheb, fidda, bronz u injam taċ-ċedru…u Salamun bena dan it-tempju. Kien tempju maestuż, il-glorja ta’ Ġerusalem. Inkomplu nispjegaw il-vanġelu: kif daħal fit-tempju sab għaddej negozju sħiħ: min qiegħed ibigħ barrin, ngħaġ, ħamiem u nies isarrfu l-flus. Ġesu’ saħan bl-ikrah u smajna x’għamel: ma rridx nirrepeti dak li qrajtilkom imma ntenni dak li qalilhom: b’dagħdija kbira fuqu qalilhom: “Dar Missieri tagħmluhiex suq.” Żewġ riflessjonijiet qosra tal-aħħar.
L-ewwel riflessjoni: bil-magħmudija li rċivejna meta konna għadna trabi, ġisimna sar tempju tal-Ispirtu s-Santu. Għalhekk waqt funeral, it-tebut jitbierek bl-ilma mbierek, sinjal tal-magħmudija u inċensat, għax dak mejjet jew dik mejta kienu tempji tal-Ispirtu s-Santu.
It-tieni riflessjoni iktar prattika: f’xi waħda mill-ittri tiegħu, San Pawl jgħidilna: “Tkeċċux minn qalbkom l-Ispirtu s-Santu li ġie jgħammar fikom dak inhar tal-magħmudija.” Jekk jien u int nagħmlu dak li mhux xieraq, jew li ma jaqbilx mal-kmandamenti t’Alla, lil Alla Trinita’ nkunu qegħdin inkeċċuh minn qalbna jew minn ruħna. Nistaqsu pereżempju… qegħdin nirrispettaw lil Alla u lill-qaddisin aħna u nużaw ilsienna? Qegħdin inqaddsu l-jum tal-Ħadd billi nistrieħu u nieħdu sehem fil-quddiesa? Alla ma ħalaqx il-bniedem biex ikun magna: taħdem bla ma tieqaf. Hu stess strieħ fis-seba’ jum. Qegħdin nirrispettaw il-ġenituri tagħna, forsi anzjani? Inżuruhom jekk jinsabu miġburin ġo xi home? Qegħdin noqogħdu attenti biex b’ ilsienna ma noffendu lil ħadd? Il-malafama, ħafna iktar il-kalunja jmorru kontra l-ħames kmandament: “La toqtolx”. Imbagħad hemm id-dnub taż-żina li jista’ jsir bħal kull dnub ieħor bil-ħsieb, bil-kliem u bil-għemil. Fuq l-adulterju nistgħu nitkellmu mill-adulterju tal-fatt u mill-adulterju tal-qalb. Jgħidilna Ġesu’: “Jekk raġel iħares lejn mara u jixtieqha f’qalbu jkun diġa’ għamel magħha adulterju f’qalbu u ma ninsewx insemmuh fil-qrar. Qegħdin inkunu attenti li ma niġġieldux bejnietna fuq dak l-imbierek wirt? Niftakru li fit-tebut m’aħna se nieħdu xejn magħna. L-aħħar ħaġa: nagħtu xogħol daqskemm naqilgħu, jekk qegħdin naħdmu mal-gvern niffirmaw u ndabbru rasna biex nagħmlu xogħol ieħor?
Ġesu’ huwa ħanin. Tant hu ħanin li ħallielna s-sagrament tal-qrar biex neħilsu mid-dnubietna. Pero’ importanti: ma nabbużawx minn din il-ħniena ta’ Ġesu’!