Katekeżi mill-Papa Ljun XIV. L-Għid jagħti tama lill-ħajja ta’ kuljum

LJUN XIV
UDJENZA ĠENERALI
Pjazza San Pietru
L-Erbgħa 5 ta’ Novembru 2025

Ċiklu ta’ Katekeżijiet – Ġublew 2025. Ġesù Kristu t-tama tagħna.
IV. Il-Qawmien ta’ Kristu u l-isfidi tad-dinja tal-lum. 3. L-Għid jagħti tama lill-ħajja ta’ kuljum

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba! U merħba lkoll.

L-Għid ta’ Ġesù huwa ġrajja li mhix biss ħaġa tal-imgħoddi mbiegħed, li issa saret parti mit-tradizzjoni bħal tant episodji oħra tal-istorja umana. Il-Knisja tgħallimna nagħmlu memorja li tattwalizza l-Qawmien ta’ kull sena f’Ħadd il-Għid u ta’ kuljum fiċ-ċelebrazzjoni ta’ Kristu Rxoxt: “Ara, jiena magħkom dejjem, sal-aħħar taż-żmien” (Mt 28:20).

Għalhekk il-Misteru tal-Għid huwa l-punt kardinali tal-ħajja tan-Nisrani, li madwaru jduru l-ġrajjiet l-oħra kollha. Nistgħu ngħidu, mela, mingħajr ebda iriniżmu jew sentimentaliżmu, li kull ġurnata hija l-Għid. B’liema mod?

Dan inħossuh siegħa b’siegħa f’tant esperjenzi differenti: uġigħ, tbatija, niket, minsuġa ma’ ferħ, stagħġib, serenità. Imma f’kull sitwazzjoni l-qalb tal-bniedem tixxennaq għall-milja, ferħ profond. Filosfa kbira tas-seklu 20, Santa Tereża Beneditta tas-Salib, li isimha proprju kien Edith Stein, u li tant niżlet fil-fond tal-misteru tal-persuna umana, tfakkarna f’dan id-dinamiżmu ta’ tiftix kontinwu tal-milja. Hija tikteb hekk: “Il-bniedem hu dejjem imxennaq li jkollu mill-ġdid bħala don l-essri, biex jista’ jixrob minn dak li l-mument jagħtih u fl-istess waqt jeħodlu” (Essere finito ed Essere eterno. Per una elevazione al senso dell’essere, Roma 1998, 387). Aħna mgħaddsa fil-limitu, imma maħluqa wkoll biex negħlbuh.

It-tħabbira tal-Għid hija l-isbaħ aħbar, hienja u tal-għaġeb, li qatt dwiet tul l-istorja. Hija l-“Vanġelu” per eċċellenza, li tixhed għar-rebħa tal-imħabba fuq id-dnub u tal-ħajja fuq il-mewt, u għalhekk hija l-unika waħda li kapaċi taqta’ l-għatx għall-mistoqsija dwar is-sens li tħasseb il-moħħ u l-qalb tagħna. Il-bniedem hu mmexxi minn moviment interjuri, miftuħ għal xi ħaġa iktar lil hemm li kontinwament tiġbdu. Ebda realtà kontinġenti ma tissodisfah. Aħna miftuħin għall-infinit u għall-etern. Dan joħloq kuntrast mal-esperjenza tal-mewt, antiċipata mit-tbatijiet, mit-telfiet, mill-fallimenti. Mill-mewt “nullu homo vivente po skampare”, jgħanni San Franġisk (ara Għanja tal-ħlejjaq).

Kollox jinbidel grazzi għal dik l-għodwa li fiha n-nisa, li marru ħdejn il-qabar biex jidilku l-ġisem tal-Mulej, isibuh battal. Il-mistoqsija li għamlu l-Maġi li ġew mil-Lvant f’Ġerusalemm: “Fejn hu dak li twieled sultan tal-Lhud?” (Mt 2:1-2), issib it-tweġiba defenittiva tagħha fil-kliem taż-żagħżugħ misterjuż ta’ lbies abjad li jkellem lin-nisa nhar l-Għid filgħodu: “Qegħdin tfittxu lil Ġesù ta’ Nazaret li kien imsallab; qam mill-mewt, mhuwiex hawn” (Mk 16:6).

Minn dik il-għodwa sal-lum, ta’ kuljum, Ġesù jġorr ukoll dan it-titlu: il-Ħaj, kif hu stess jippreżenta ruħu fl-Apokalissi: “Jien hu l-Ewwel u l-Aħħar, jiena l-Ħaj; jien kont mejjet, u ara, jien issa ħaj għal dejjem ta’ dejjem” (Apok 1:17-18). U fih aħna għandna ċ-ċertezza li nistgħu nsibu dejjem dik il-kewkba li tmexxina u lejha għandna nindirizzaw ħajjitna li tidher mimlija kaos, immarkata minn fatti li spiss jidhrulna mħawdin, inaċċettabbli, ma jinftehmux: il-ħażen, fil-ħafna uċuħ tiegħu, it-tbatija, il-mewt, ġrajjiet li jmissu lil kulħadd u lil kull persuna. Meta nimmeditaw il-Misteru tal-Qawmien, insibu tweġiba għall-għatx tagħna għal sens fil-ħajja.

Quddiem l-umanità dgħajfa tagħna, it-tħabbira tal-Għid issir kura u fejqan, isseddaq it-tama quddiem l-isfidi tal-biża’ li l-ħajja tpoġġilna quddiemna ta’ kuljum fuq livell personali u bħala pjaneta. Fil-perspettiva tal-Għid, il-Via Crucis tinbidel f’Via Lucis. Għandna bżonn intiegħmu u nimmeditaw il-ferħ wara t-tbatija, li f’dan id-dawl ġdid nerġgħu nagħmlu t-tappi kollha li ġew qabel il-Qawmien.

L-Għid ma jeliminax is-salib, imma jirbħu fid-dwell tal-għaġeb li bidel l-istorja umana. Anki ż-żmien tagħna, immarkat minn tant slaleb, isejjaħ l-għodwa tat-tama tal-Għid. Il-Qawmien ta’ Kristu mhuwiex idea, teorija, imma l-Ġrajja li hi l-fundament tal-fidi. Hu, l-Irxoxt, permezz tal-Ispirtu s-Santu jkompli jfakkarna f’dan, biex nistgħu nkunu xhieda tiegħu anki hemm fejn l-istorja umana mhix tara dawl fuq ix-xefaq. It-tama tal-Għid ma tqarraqx. Li nemmnu tassew fl-Għid fil-mixja tagħna ta’ kuljum ifisser nirrivoluzzjonaw il-ħajja tagħna, niġu mibdula biex nibdlu d-dinja bil-qawwa ħelwa u qalbiena tat-tama Nisranija.

Miġjub għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading