Kitba ta’ Joe Galea
Fit-Testment il-Qadim, leħen Alla kien jidwi fir-ragħad, fl-ilmijiet, fil-ħoss tal-baħar jew fir-riħ. Għal-Lhud u għall-Insara, Alla għadu jesprimi ruħu fl-Iskrittura Mqaddsa u wkoll jinqeda billi jsemma leħnu ġo fina.
Smigħ attent
Li tisma’ l-leħen t’Alla hu li timxi fuq dak li jkun jixtieq minna, l-ewwelnett kif hemm fil-Kmandamenti tiegħu. Għal dan li jistedinna s-Salm 94, kif ikoll kif insibu fl-ittra lil-Lhud: “Li kontu llum tisimgħu leħnu! La twebbsux qalbkom bħal f’Meribaħ, bħal dakinhar ta’ Massa fix-xagħri, fejn ġarrbuni missierijietkom, ippruvawni, għalkemm kienu raw għamili.” U wkoll: “Jekk illum tisimgħu leħnu, la twebbsux qalbkom bħal meta ħarraxtuha…” (Lhud 3, 15) San Benedittu, fil-prologu tar-regola monastika tiegħu jagħmel ukoll din l-eżortazzjoni: “Isimgħu b’widna attenta x’qed tgħidilkom il-kelma t’Alla u għal xiex qiegħda tistedinkom.” Niltaqgħu mal-istedina tal-Missier meta fit-Trasfigurazzjoni ta’ Ġesù jgħidilna: “Dan hu Ibni l-maħbub, li bih nitgħaxxaq; lilu isimgħu.” (Mt 17, 5)
Kemm Alla, kif ukoll l-anġli li jwasslu l-kelma tiegħu, ġeneralment jitkellmu b’leħen qawwi, sal-punt li jaħsad lil min jisma’. Ħafna raw fl-għajta ta’ Kristu qabel miet fuq is-salib is-sinjal li l-leħen t’Alla qed jidwi fl-għajta ta’ Ibnu. Dak il-ħin saħansitra ċ-ċenturjun pagan seta’ jagħraf lill-Iben t’Alla, li ltaqa’ miegħu fi bniedem imsallab.
Imma x’aktarx li l-leħen ta’ Ġesù nqisuh bħala wieħed ħelu u mimli mħabba, kif hemm fl-għanja tal-qaddej sofferenti li jirreferi għalih San Mattew. “Ma jiġġilidx, lanqas ma jgħajjat, ma jinstemax leħu fl-imsieraħ.” (Mt 12, 19) u: “ma jgħajjatx u ma jħambaqx u ma jsemmax leħnu fit-toroq.” (Is 42, 2). Il-Missirijiet tal-Knisja jqabblu l-leħen ta’ Kristu Rxoxt mal-leħen li jsaħħar ta’ min ikanta bil-ħlewwa. Kieku llum, kantant hekk insejħulu, tenore di grazia.
L-esperjenza t’Alla
Aħna nisilfu leħenna bħala mikrofonu għal dak ta’ Alla meta nħabbru l-kelma tiegħu fit-talb ta’ flimkien, meta nkantaw is-salmi, meta nieħdu sehem fil-liturġija bit-talb u bil-kant. Dun Karm Scerri, wieħed mill-aqwa kompożituri tal-mużika liturġika u organista li kien tassew di grazia, kien jgħid li: “Meta nkantaw, biżżejjed li jismagħna biss min ikun ħdejna.” B’hekk il-leħen ta’ flimkien ikun tant sabiħ. San Benedittu, ukoll fir-regola tiegħu, jistieden lill-patrijiet hekk: “Araw li meta tkantaw is-salmi, tkantaw b’mod li qalbkom u leħinkom ikunu f’armonija bejniethom.”
Meta nkantaw, il-qalb u l-leħen tagħna jridu jkunu f‘armonija mal-leħen t’Alla li nkunu qed nisimgħu, ngħidu aħna, jinqara jew jitkanta fis-salmi. Dan ifisser li ma jkollniex bżonn nirriflettu wisq fuq il-kliem li qed insegwu, għax b’hekk noħolqu distanza bejn il-kliem u bejna, imma iktar għandna nfittxu li narmonizzaw il-qalb tagħna ma’ dik li qed twasslilna l-kelma t’Alla.
Meta aħna nkantaw fuq nota komuni, l-ilħna tagħna jimmoltiplikaw u fl-istess ħin jiffurmaw nota waħda. Meta nkunu qed nisimgħu l-leħen tal-oħrajn, u nħallu lilna nfusna niġu ggwidati minn ħoss komuni, ikollna esperjenza ta’ unità interjuri, li mhix uniformità imma hi unifikazzjoni ta’ persuni li forsi huma ferm differenti minn xulxin. Dan iwassal biex it-talb u l-kant ikun tassew flimkien, qishom ħaġa waħda, f’armonija li tinħoloq b’mod naturali u li titla’ ’l fuq lejn is-sema.
Leħen li joħroġ minn qiegħ il-qalb
Il-leħen hu xi ħaġa personali fil-profond tiegħu. Wieħed patri, li qabel kien kantant tal-opra, iħobb isemmi fil-konferenzi tiegħu: “Il-leħen, il-biljett li nqassam lill-oħrajn bid-dettalji tiegħi.” Il-leħen hu l-mod komuni li bih nesprimu l-iktar ħwejjeġ profondi tal-personalità tagħna. Leħen li joħroġ minn xewqa li nimpressjonaw lill-oħrajn ma jwassal għal imkien. Għax xi drabi jkun l-ego tagħna li irid jidher. Imma jekk aħna nintelqu għalkollox għal-leħen t’Alla, ikun hemm xi ħaġa ikbar li tidwi b’qawwa ġo fina.
Kien hemm kantanta li rrakkuntat kif għall-ewwel tal-karriera tagħha kienet tħoss qalbha tħabbat f’kull kunċert. Minflok ma rrikorriet għall-kalmanti, aċċettat il-biżà u ħalliet li dan jesprimi ruħu. Ħalliet li l-istess ansjetà tkisser l-ego minn ġo fiha biex b’hekk tqum fiha xi ħaġa li hi lil hemm minnha. Tant hu hekk li dawk li kienu jisimgħuha tkanta ġieli qalulha: “Mhux inti li qed tkanta, imma hemm xi ħaġa li qed tkanta minn ġo fik.” Għax in-nies jintlaqtu minn leħen li ma jipprova jagħmel xejn biex jimpressjona, imma li jħallihom jindunaw b’xi ħaġa li qed issebbaħ dan il-leħen. Mhux forsi dan hu l-leħen t’Alla?
Jgħaddu s-snin, jinbidlu l-ġenerazzjonijiet, u l-leħen ta’ min iħalli jgħaddi minnu l-leħen t’Alla jibqa’ jidwi. Ngħiduha bl-umiltà kollha, kemm niltaqgħu ma’ nies li jfakkruna f’dak il-ġid li, mingħajr mertu tagħna, wassalnielhom f’ħajjithom. Bilkemm nagħrfuhom, u ninsew isimhom. Lanqas ma niftakru dak li jsemmulna. Dan għax ma konniex għamilna tagħna dak li għednielhom, imma ħallejna li l-kelma t’Alla tikber, fil-moħbi, kif bl-Ingliż jgħidu: unseen and unsung. Vokazzjoni ta’ Saċerdot bdiet għax min kien jieħu ħsieb grupp ta’ adolexxenti ħadhom iżuru s-Seminarju, bl-ikbar ħsieb fejn se twassal din l-okkażjoni!
Ħafna drabi, Alla jitkellem bla ma jlissen l-ebda kelma, bl-eżempju tal-ħajja tajba ta’ dawk ta’ madwarna.
