Katekeżi tal-Papa Ljun XIV fl-Udjenza Ġenerali. L-ispiritwalità tal-Għid twassal għall-fraternità.

LJUN XIV
UDJENZA ĠENERALI
Pjazza San Pietru
L-Erbgħa 12 ta’ Novembru 2025

Ċiklu ta’ Katekeżijiet – Ġublew 2025. Ġesù Kristu t-tama tagħna. IV. Il-Qawmien ta’ Kristu u l-isfidi tad-dinja tal-lum. 4. L-ispiritwalità tal-Għid twassal għall-fraternità. “Ħobbu lil xulxin kif ħabbejtkom jien” (ara Ġw 15:12)

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba u merħba!

Li nemmnu fil-mewt u l-qawmien ta’ Kristu u ngħixu l-ispiritwalità tal-Għid isawwab it-tama fil-ħajja u jinkuraġġina biex ninvestu fit-tajjeb. B’mod partikulari, jgħinna nħobbu u nseddqu l-fraternità, li hi bla dubju ta’ xejn waħda mill-akbar sfidi għall-umanità tal-lum, kif ra b’mod ċar il-Papa Franġisku.

Il-fraternità tinbet minn fatt profondament uman. Aħna kapaċi nirrelataw u, jekk irridu, nafu nibnu rabtiet awtentiċi bejnietna. Bla relazzjonijiet, li jweżnuna u li jagħnuna sa mill-bidu ta’ ħajjitna, ma nistgħux ngħixu, nikbru, nitgħallmu. Dawn huma ħafna, diversi fil-modi u l-profondità tagħhom. Imma żgur li l-umanità tagħna sseħħ fl-aħjar tagħha meta nkunu u ngħixu flimkien, meta jirnexxilna ngħixu rabtiet awtentiċi, mhux formali, mal-persuni li għandna qrib tagħna. Jekk ningħalqu fina nfusna, nirriskjaw li nimirdu bis-solitudni, u anki b’narċisiżmu li jinkwieta għall-oħrajn biss għax jinteressa lilu. Allura l-persuna l-oħra tirriduċi ruħha għal xi ħadd li minnu għandna nieħdu, bla ma qatt aħna lesti tassew li nagħtu, li ningħataw.

Nafu tajjeb li anki llum il-fraternità ma nistgħux neħduha bħala ħaġa ovvja, mhijiex immedjata. Anzi, ħafna kunflitti, tant gwerer imxerrda mad-dinja, tensjonijiet soċjali u sentimenti ta’ mibegħda donnhom juru l-kuntrarju. Madankollu, il-fraternità mhijiex xi ħolma sabiħa impossibbli, mhix xewqa ta’ ftit illużi. Imma biex negħlbu d-dellijiet li jhedduha, irridu mmorru għall-għeruq, u fuq kollox niksbu dawl u qawwa minn Dak li waħdu jeħlisna mill-velenu tal-mibegħda.

Il-kelma “aħwa” ġejja minn għeruq qodma ħafna, li jfissru nieħdu ħsieb, ikollna qalb, inwieżnu u nsostnu. Applikata għal kull persuna umana ssir appell, stedina. Spiss naħsbu li r-rwol ta’ ħuna, ta’ oħtna, jirriferi għall-parentela, għall-konsangwinità, għall-fatt li nagħmlu parti mill-istess familja. Fil-verità, nafu tajjeb kemm in-nuqqas ta’ ftehim, it-tifrik, xi drabi l-mibegħda jistgħu jħarbtu mqar ir-relazzjonijiet bejn qraba, mhux biss bejn barranin.

Dan juri l-ħtieġa, illum iżjed urġenti minn qatt qabel, li nimmeditaw mill-ġdid it-tislima li biha San Franġisk kien idur fuq kulħadd, indipendentement mill-provenjenzi ġeografiċi u kulturali, reliġjużi jew duttrinali: omnes fratres kien il-mod inklużiv li bih San Franġisk kien iqiegħed fuq l-istess livell lill-essri umani kollha, proprju għaliex kien iħares lejhom fid-destin komuni ta’ dinjità, ta’ djalogu, ta’ akkoljenza u ta’ salvazzjoni. Il-Papa Franġisku reġa’ ppropona din il-viżjoni tal-Fqajjar ta’ Assisi, u vvalorizza l-attwalità tagħha wara 800 sena, fl-Enċiklika Fratelli tutti.

Dik it-“tutti”, li għal San Franġisk kienet is-sinjal akkoljenti ta’ fraternità universali, tesprimi karatteristika essenzjali tal-Kristjaneżmu, li sa mill-bidu kienet it-tħabbira tal-Bxara t-Tajba ddestinata għas-salvazzjoni ta’ kulħadd, qatt f’forma esklussiva jew privata. Din il-fraternità tissejjes fuq il-kmandament ta’ Ġesù, li hu ġdid għax imwettaq minnu stess, it-twettiq kotran tar-rieda tal-Missier: grazzi għalih, li ħabbna u ta ħajtu għalina, aħna nistgħu min-naħa tagħna nħobbu lil xulxin u nagħtu ħajjitna għal xulxin, bħala aħwa tal-istess Missier u veri aħwa f’Ġesù Kristu.

Ġesù ħabbna sal-aħħar, jgħid il-Vanġelu ta’ Ġwanni (ara 13:1). Meta kienet qorbot il-Passjoni tiegħu, l-Imgħallem kien jaf tajjeb li ż-żmien storiku tiegħu kien wasal biex jagħlaq. Kien beżgħan għal dak li kellu jiġri, ġarrab l-aktar tbatija terribbli u l-abbandun. Il-Qawmien tiegħu, fit-tielet jum, huwa l-bidu ta’ storja ġdida. U d-dixxipli jsiru aħwa b’mod sħiħ, wara tant żmien ta’ ħajja flimkien, mhx biss meta jġarrbu n-niket tal-mewt ta’ Ġesù, imma, fuq kollox, meta jagħrfuh bħala l-Irxoxt, jilqgħu d-don tal-Ispirtu u jsiru xhieda tiegħu.

L-aħwa jwieżnu li xulxin fil-provi, ma jagħtux daharhom lil min ikun fil-bżonn: jibku u jifirħu flimkien fil-prospettiva ħabrieka tal-għaqda, tal-fiduċja, tal-affidament reċiproku. Id-dinamika hi dik li Ġesù nnifsu jagħtina: “Ħobbu lil xulxin kif ħabbejtkom jien” (ara Ġw 15:12). Il-fraternità li tana Kristu li miet u rxoxta teħlisna mil-loġika negattiva tal-egoiżmu, tal-firdiet, tal-prepotenza, u troddna għas-sejħa oriġinali tagħna, f’isem imħabba u tama li jiġġeddu ta’ kuljum. L-Irxoxt uriena t-triq li għandna nimxu flimkien miegħu, biex inħossuna u biex inkunu “lkoll aħwa”.

Miġub għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading