Messaġġ tal-Papa Ljun XIV waqt l-Angelus fis-Solennità ta’ Kristu Sultan

SOLENNITÀ TA’ ĠESÙ KRISTU SULTAN TAL-UNIVERS
IL-PAPA LJUN XIV
ANGELUS
Pjazza San Pietru
Il-Ħadd 23 ta’ Novembru, 2025

Għeżież ħuti!

Qabel ma nerfgħu leħinna flimkien bit-talba tal-Angelus, nixtieq insellem lilkom ilkoll, intom li ħadtu sehem f’din iċ-ċelebrazzjoni ġjubilari, speċjalment lill-Korali u l-Korijiet li ġew minn kull rokna tad-dinja.  Grazzi tal-preżenza tagħkom!  U jalla l-Mulej ibierek is-servizz tagħkom!

Nestendi t-tislima tiegħi lill-pellegrini l-oħrajn kollha, partikolarment lill-ACLI mid-Djoċesi ta’ Teramo-Atri u lill-fidili minn xi Djoċesijiet fl-Ukrajna: ħudu lura lejn il-patrija tagħkom it-tħaddina u t-talb ta’ dil-pjazza!

B’niket kbir sirt naf bl-aħbar tal-ħtif ta’ saċerdoti, fidili u studenti, fin-Niġerja u fil-Kamerun.  Qed inħoss weġgħa kbira l-aktar minħabba dawk iż-żgħażagħ ġuvintur u tfajliet li sfaw maħtufin u għall-ansjetà tal-familji tagħhom.  Nagħmel appell minn qigħ qalbi biex dawk l-ostaġġi jinħelsu minnufih u nħeġġeġ lill-Awtoritajiet kompententi biex jieħdu deċiżjonijiet xierqa u malajr ħalli jaraw li dawn jinħelsu mill-aktar fis.  Nitolbu għal dawn ħutna u nitolbu swkoll biex dejjem u kullimkien il-knejjes u l-iskejjel jibqgħu jkunu mkejjen ta’ sigurtà u tama.

Illum, fid-Djoċesijiet tad-dinja kollha, qed issir iċ-ċelebrazzjoni tal-Jum Dinji taż-Żgħażagħ.  Inbierek u nħaddan spiritwalment lil kulmin qed jieħu sehem fid-diversi ċelebrazzjonijiet u inizjattivi.  Fil-festa ta’ Kristu Re, nitlob sabiex iż-żgħażagħ kollha jiskopru s-sbuħija u l-ferħ tas-sekwela tiegħu, tal-Mulej, u jiddedikaw ruħhom għas-Saltna ta’ mħabba, tal-ġustizzja u tal-paċi!

Issa qed joqrob il-Vjaġġ Appostoliku li se nagħmel fit-Turkija u fil-Libanu.  Fit-Turkija se ssir iċ-ċelebrazzjoni tal-1700 anniversarju tal-Konċilju ta’ Niċea.  Għal dan il-għan, illum qed tkun ippubblikata l-Ittra appostolika In unitate fidei, biex tfakkar dan l-avveniment storiku.

Issa nduru lejn il-Verġni Marija u nqiegħdu fl-interċessjoni materna tagħha dawn l-intenzjonijiet u t-talb tagħna għall-paċi.

Miġjub għall-Malti minn Joe Huber

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading