Minn Fr Jimmy Bonnici
Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Immorru ferħana f’dar il-Mulej!
- Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Bħal fi żmien Noè, hekk tkun il-miġja ta’ Bin il-bniedem. Għax kif fiż-żmien ta’ qabel id-dilluvju kienu jieklu u jixorbu, jiżżewġu u jżewġu sa dakinhar li Noè daħal fl-arka, u b’xejn ma ntebħu sa ma wasal id-dilluvju u ġarr lil kulħadd, hekk tkun il-miġja ta’ Bin il-bniedem. Imbagħad tnejn ikunu fl-għalqa: wieħed jittieħed u l-ieħor jitħalla; żewġ nisa jkunu jitħnu flimkien: waħda tittieħed u l-oħra titħalla.
Ishru, mela, għax ma tafuhx il-jum li fih jiġi Sidkom. Kunu afu dan, li kieku sid id-dar kellu jkun jaf f’liema sahra tal-lejl se jiġi l-ħalliel, kien jishar u ma jħallix min jinfidlu l-ħitan ta’ daru. Mela kunu lesti intom ukoll, għax qatt ma tistgħu tobsru s-siegħa li fiha jiġi Bin il-bniedem”. Mt 24:37-44.
- Riflessjoni/talba:
i. Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Bħal fi żmien Noè, hekk tkun il-miġja ta’ Bin il-bniedem. Għax kif fiż-żmien ta’ qabel id-dilluvju kienu jieklu u jixorbu, jiżżewġu u jżewġu sa dakinhar li Noè daħal fl-arka, u b’xejn ma ntebħu …
Irrid nixtri l-laħam,
l-karozza nagħtiha l-petrol,
inwieġeb dawk l-emails,
immur niġbor it-tifla min-nursery,
inċempel il-bajjad,
nagħmel l-appuntament għal xahri
…
… imma propjament,
għalfejn qed nagħmel dan kollu?
Għalfejn qed ngħix?
Irrifletti:
• Fejn qed tinqabad tiġri minn ħaġa għal oħra?
ii. Ishru, mela, għax ma tafuhx il-jum li fih jiġi Sidkom.
“Ishru mela!”
Titteħidx iżżejjed mix-xewqat tal-mument –
ikel, xorb, aptiti,
Bħal Noè:
investa fil-futur li ħadd ma kien qed jarah
kien lest li joħlom … ma’ Alla
bena arka li ssalpa lil hinn mill-pjaċir tal-mument.
Il-ħajja għandha direzzjoni
parti minn storja akbar li qed tinkiteb;
kun attent għar-realtà
u tibżax tagħmel l-għażliet li hemm bżonn,
inkella “tittieħed” mill-kurrent..
Irrifletti
• Kif mistieden tara l-preżent bħala parti minn storja akbar?
iii. Kunu afu dan, li kieku sid id-dar kellu jkun jaf f’liema sahra tal-lejl se jiġi l-ħalliel, kien jishar u ma jħallix min jinfidlu l-ħitan ta’ daru. Mela kunu lesti intom ukoll, għax qatt ma tistgħu tobsru s-siegħa li fiha jiġi Bin il-bniedem.
Il-ħajja mhix lista ta’ possibilitajiet bla limitu
xewqat infiniti u fantasiji;
jiġi d-dilluvju
u jġorr!
Imma lanqas mexjin lejn il-qerda:
pjuttost lejn laqgħa
ma’ Dak li jiġi biex isalva.
Kun attent mela
għal dik il-laqgħa.
Hemm jintiseġ is-sens sħiħ
tal-ħajja waħda li għandek.
Irrifletti
• Xi tfisser tkun attent għal-laqgħa ma’ Alla?
- Missierna