Omelija tal-Papa Ljun XIV fl-1 Ħadd tal-Avvent f’Istanbul

VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV
FIT-TURKIJA U L-LIBANU
B’PELLEGRINAĠĠ F’İZNIK (IT-TURKIJA)
FL-OKKAŻJONI TAL-1,700 ANNIVERSARJU MILL-EWWEL KONĊILJU TA’ NICEA
(27 ta’ Novembru – 2 ta’ Diċembru 2025)

QUDDIESA
L-I ĦADD TAL-AVVENT
OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA
“Volkswagen Arena” (Istanbul)
Is-Sibt 29 ta’ Novembru 2025

Għeżież ħuti,

Qed niċċelebraw il-Quddiesa fil-vġili tal-jum li fih il-Knisja tfakkar lil Sant’Andrija, Appostlu u Patrun ta’ din l-art. U fl-istess waqt qed nibdew l-Avvent, biex nitħejjew ħalli nerġgħu ngħixu, fil-Milied, il-misteru ta’ Ġesù, Bin Alla, “imnissel, mhux maħluq, natura waħda mal-Missier” (Kredu Niċen-Kostantinopolitan), kif 1,700 sena ilu ddikjaraw solennement il-Padri miġbura fil-Konċilju ta’ Nicea.

F’dan il-kuntest, il-Liturġija tipproponilna, fl-Ewwel Qari (ara Iż 2:1-5), waħda mill-isbaħ paġni tal-ktieb tal-profeta Iżaija, fejn tidwi l-istedina li ssir lill-popli kollha biex jitilgħu lejn l-għolja tal-Mulej (ara v. 3), post ta’ dawl u ta’ paċi. Nixtieq allura li nimmeditaw fuq il-mod kif aħna Knisja, billi nieqfu fuq xi xbihat li nsibu f’dan it-test.

L-ewwel waħda hi dik tal-“għolja li togħla ’l fuq mill-qċaċet tal-muntanji” (ara Iż 2:2). Din tfakkarna li l-frott tal-mod kif iġib ruħu Alla fil-ħajja tagħna mhuwiex don għalina biss, imma għal kulħadd. Il-ġmiel ta’ Sijon, belt fuq l-għolja, simbolu ta’ komunità li terġa’ titwieled fil-fedeltà li ssir sinjal ta’ dawl għall-bnedmin ta’ kull provenjenza, tfakkarna li l-ferħ ta’ dak li hu tajjeb jittieħed. Insibu konferma ta’ dan fil-ħajja ta’ ħafna qaddisin. San Pietru jiltaqa’ ma’ Ġesù grazzi għall-entużjażmu ta’ ħuh Indrì (ara Ġw 1:40-42), li min-naħa tiegħu, flimkien ma’ Ġwanni l-Appostlu, jasal għand il-Mulej grazzi għaż-żelu ta’ Ġwanni l-Battista. Santu Wistin, sekli wara, jasal għand Kristu grazzi għall-predikazzjoni ta’ Sant’Ambroġ, u hekk ħafna oħrajn.

F’dan kollu hemm stedina, anki għalina, biex inġeddu fil-fidi l-qawwa tax-xhieda tagħna. San Ġwann Kriżostmu, Ragħaj kbir ta’ din il-Knisja, tkellem fuq is-seħer tal-qdusija bħala sinjal elokwenti ħafna iktar minn tant mirakli. Qal: “Il-miraklu jiġi u jgħaddi, imma l-ħajja Nisranija tibqa’ u kontinwament tibni” (Kummentarju għall-Vanġelu ta’ San Mattew, 43, 5), u kkonkluda: “Mela ejjew ngħassu fuqna nfusna, biex nagħmlu l-ġid ukoll lill-oħrajn” (ibid.). Għeżież, jekk irridu tabilħaqq inkunu ta’ għajnuna għall-persuni li magħhom niltaqgħu, ejjew nishru fuqna nfusna, kif jirrakkomandalna l-Vanġelu (ara Mt 24:42): nikkultivaw il-fidi tagħna bit-talb, bis-Sagramenti, ngħixu b’mod koerenti fil-karità, inwarrbu – kif qalilna San Pawl fit-Tieni Qari – l-opri tad-dlam u nilbsu l-armi tad-dawl (ara Rum 13:12). Il-Mulej, li qed nistennewh glorjuż fl-aħħar taż-żmien, jiġi ta’ kuljum iħabbat fuq il-bieb tagħna. Inkunu lesti (ara Mt 24:44) bl-impenn sinċier ta’ ħajja tajba, kif jgħallmuna l-għadd ta’ mudelli ta’ qdusija li bihom hi għanja l-istorja ta’ din l-art.

It-tieni xbieha li tiġina mingħand il-profeta Iżaija hi dik ta’ dinja li fiha ssaltan il-paċi. Hu jfissirha hekk: “Huma jibdlu x-xwabel tagħhom f’sikek tal-moħriet, u l-lanez tagħhom fi mnieġel. Ebda ġens ma jerfa’ x-xabla kontra ġens ieħor, u s-sengħa tal-gwerra ma jitgħallmuhiex iżjed” (Iż 2:4). Kemm inħossuha urġenti, illum, din is-sejħa! Kemm bżonn għandna ta’ paċi, ta’ għaqda u ta’ rikonċiljazzjoni madwarna, u anki fina u bejnietna! Kif nistgħu noffru sehemna biex inwieġbu għal din il-mistoqsija?

Biex nifhmu dan, inħallu jgħinna l-“logo” ta’ dan il-vjaġġ, fejn wieħed mis-simboli magħżula hu dak tal-pont. Din ix-xbieha tista’ tgħinna naħsbu anki fil-pont kbir famuż li f’din il-belt, huwa u jaqsam l-istrett tal-Bosfru, jgħaqqad flimkien żewġ kontinenti: l-Asja u l-Ewropa. Miegħu, maż-żmien, żdiedu żewġ passaġġi oħra, biex hekk attwalment il-punti li jgħaqqdu flimkien iż-żewġ ixtut huma tlieta. Tliet strutturi kbar ta’ komunikazzjoni, ta’ skambju, ta’ laqgħa: imponenti meta tħares lejhom, imma tant ċkejkna u dgħajfa, meta pparagunati mat-territorji immensi li jikkollegaw.

Il-firxa triplika tagħhom mill-Istrett iġġagħalna naħsbu fl-importanza tal-isforzi komuni tagħna għall-għaqda fuq tliet livelli: fil-komunità, fir-relazzjonijiet ekumeniċi mal-membri tal-Konfessjonijiet Insara l-oħra, u fil-laqgħa mal-aħwa ġejjin minn reliġjonijiet oħra. Li nieħdu ħsieb ta’ dawn it-tliet pontijiet, u nsaħħuhom u nwessgħuhom b’kull mod possibbli, hu parti mill-vokazzjoni tagħna li nkunu belt mibnija fuq il-muntanja (ara Mt 5:14-16).

Qabelxejn, kif kont qed ngħid, fi ħdan din il-Knisja hemm preżenti erba’ tradizzjonijiet liturġiċi differenti – Latina, Armena, Kaldea u Sirijaka –, kull waħda ġġorr magħha l-għana tagħha fuq livell spiritwali, storiku u ta’ ħajja ekkleżjali. Il-qsim ta’ dawn id-differenzi jista’ juri b’mod eminenti waħda mill-isbaħ karatteristiċi tal-wiċċ tal-Għarusa ta’ Kristu: dak tal-kattoliċità li tgħaqqad. L-għaqda li tinbena madwar l-Altar hija don ta’ Alla, u bħala tali hi b’saħħitha u invinċibbli, għax hi opra tal-grazzja tiegħu. Fl-istess waqt, imma, it-twettiq tagħha fl-istorja hu fdat lilna, lill-isforzi tagħna. Għalhekk, bħall-pontijiet fuq il-Bosfru, għandha bżonn ta’ kura, ta’ attenzjoni, ta’ “manutenzjoni”, biex iż-żmien u l-ġrajjiet imqallba ma jdagħajfux l-istrutturi tagħha u biex il-pedamenti jibqgħu sħaħ. B’għajnejna fuq il-muntanja tal-wegħda, xbieha ta’ Ġerusalemm tas-Sema, li hi d-destinazzjoni u l-omm tagħna (ara Gal 4:26), ejjew mela nħabirku b’kull mod biex intejbu u nsaħħu r-rabtiet li jgħaqqduna, biex nistagħnew reċiprokament u nkunu quddiem id-dinja sinjal kredibbli tal-imħabba universali u infinita tal-Mulej.

It-tieni rabta ta’ komunjoni li din il-liturġija tissuġġerilmna hi dik ekumenika. Dan tixhdu wkoll il-parteċipazzjoni tar-Rappreżentanti ta’ Konfessjonijiet oħra, li nsellmilhom b’rikonoxxenza kbira. Fil-fatt, l-istess fidi fis-Salvatur tgħaqqadna mhux biss bejnietna, imma mal-aħwa kollha ġejjin minn Knejjes u Komunitajiet Insara oħra. Dan rajnieh ilbieraħ, fit-talba f’İznik. Anki din hija triq li fiha ilna żmien mexjin flimkien, u li tagħha kien promutur u xhud kbir San Ġwanni XXIII, marbut ma’ din l-art b’rabtiet qawwija ta’ mħabba reċiproka. Għalhekk, waqt li nitolbu, bi kliem il-Papa Ġwanni, li “jseħħ il-misteru kbir ta’ dik l-għaqda li Kristu Ġesù b’talbiet l-aktar ħerqana talab lill-Missier tas-Sema qabel is-sagrifiċċju tiegħu” (Diskors tal-ftuħ tal-Konċilju Ekumeniku Vatikan II, 11 ta’ Ottubru 1962, 8.2), inġeddu llum l-“iva” tagħna għall-għaqda, “biex ikunu lkoll ħaġa waħda” (Ġw 17:21), “ut unum sint”.

It-tielet rabta li għaliha ssejħilna l-Kelma ta’ Alla hi dik ma’ dawk li ġejjin minn komunitajiet mhumiex Insara. Qed ngħixu f’dinja fejn spiss ir-reliġjon tintuża biex tiġġustifika gwerer u attroċitajiet. Imma aħna nafu li, kif jafferma l-Konċilju Vatikan II, “l-imġiba tal-bnedmin lejn Alla Missier u lejn ħuthom il-bnedmin l-oħra huma hekk marbutin ma’ xulxin illi l-Iskrittura tgħid: ‘Dak li ma jħobbx ma għarafx lil Alla’ (1 Ġw 4:8)” (Dikjarazzjoni Nostra ætate, 5). Għalhekk irridu nimxu flimkien, u nagħtu valur lil dak li jgħaqqadna, inġarrfu l-ħitan tal-prekunċett u tal-isfiduċja, ngħinu għall-għarfien u l-istima reċiproka, biex nibagħtu lil kulħadd messaġġ qawwi ta’ tama u stedina biex insiru “bennejja tal-paċi” (Mt 5:9).

Għeżież, ejjew nagħmlu minn dawn il-valuri l-fehmiet tagħna għal żmien l-Avvent u iktar u iktar għal ħajjitna, kemm personali u kemm komunitarja. Il-passi tagħna jimxu bħal fuq pont li jgħaqqad l-art mas-Sema u li l-Mulej firex għalina. Inżommu dejjem għajnejna msammra fuq it-truf tiegħu, biex inħobbu b’qalbna kollha lil Alla u lil ħutna, biex nimxu flimkien u biex nistgħu nerġgħu nsibu ruħna, jum wieħed, ilkoll, fid-dar tal-Missier.

Miġjub għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading