Dossoloġija. Tislima tal-Papa Ljun XIV fil-Knisja Patrijarkali ta’ San Ġorġ, Istanbul

VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV
FIT-TURKIJA U L-LIBANU
B’PELLEGRINAĠĠ F’İZNIK (IT-TURKIJA)
FL-OKKAŻJONI TAL-1,700 ANNIVERSARJU MILL-EWWEL KONĊILJU TA’ NICEA
(27 ta’ Novembru – 2 ta’ Diċembru 2025)

DOSSOLOĠIJA

TISLIMA TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA
Knisja Patrijarkali ta’ San Ġorġ (Istanbul)
Is-Sibt 29 ta’ Novembru 2025

Santità, maħbub ħija fi Kristu,

Ippermettili nibda billi nesprimi l-gratitudni l-aktar profonda tiegħi għall-merħba mill-isbaħ u l-kliem ġentili ta’ tislima tiegħek. Bl-istess mod nirringrazzja lill-Membri tas-Sinodu Mqaddes, flimkien mal-kleru u l-fidili, li magħhom qed naqsmu din it-talba ta’ filgħaxija.

Jiena u dieħel f’din il-knisja, ħassejt emozzjoni kbira, għax naf li kont miexi fuq il-passi tal-Papa Pawlu VI, il-Papa Ġwanni Pawlu II, il-Papa Benedittu XVI u l-Papa Franġisku. Naf ukoll li int, Santità, kellek l-opportunità li tiltaqa’ personalment mal-Predeċessuri meqjuma tiegħi u tiżviluppa magħhom ħbiberija sinċiera u fraterna, imsejsa fuq il-fidi maqsuma bejnietna u fuq viżjoni komuni ta’ bosta mill-isfidi prinċipali li l-Knisja u d-dinja jkollhom jaffrontaw. Jiena ċert li din il-laqgħa tikkontribwixxi wkoll biex issaħħaħ ir-rabtiet tal-ħbiberija tagħna, li diġà bdew isiru aktar profondi meta ltqajna, għall-ewwel darba, fil-bidu tal-Ministeru tiegħi bħala Isqof ta’ Ruma, speċjalment waqt iċ-ċelebrazzjoni solenni tal-Ewkaristija Mqaddsa, li għaliha int ġentilment għoġbok tattendi.

Ilbieraħ, u mill-ġdid dalgħodu, għexna mumenti straordinarji ta’ grazzja meta fakkarna, flimkien ma’ ħutna fil-fidi, l-1,700 anniversarju mill-Ewwel Konċilju Ekumeniku ta’ Nicea. Aħna u nfakkru din il-ġrajja hekk sinifikattiva u mnebbħin mit-talba ta’ Ġesù biex id-dixxipli tiegħu kollha jkunu ħaġa waħda (ara Ġw 17:21), inħossuna mħeġġa fl-impenn tagħna li nfittxu mill-ġdid il-komunjoni sħiħa bejn l-Insara kollha, ħidma li qed inwettqu bl-għajnuna ta’ Alla. Imqanqla minn din ix-xewqa għall-għaqda, inħejju ruħna wkoll biex niċċelebraw it-Tifkira tal-Appostlu Andrija, Patrun tal-Patrijarkat Ekumeniku. Fit-talba tal-lejla, id-djaknu għamel lil Alla s-supplika “għall-istabbiltà tal-Knejjes Imqaddsa u għall-għaqda ta’ kulħadd”. Din l-istess invokazzjoni se tidwi wkoll fil-Liturġija Divina ta’ għada. Ħa jkollu Alla, Missier Sidna Ġesù Kristu, ħniena minna u jagħti widen għal din it-talba.

Waqt li nirringrazzjak mill-ġdid għall-akkoljenza fraterna, nixtieq nagħti lilek, Santità, u lil dawk kollha preżenti l-awguri ħerqana tiegħi għall-Festa tal-Qaddis Patrun tagħkom.

Miġjub għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading