Il-Ġiżimin ta’ Ġona u stejjer oħra. Ktieb ġdid ta’ Monsinjur Professur Hector Scerri

Kitba ta’ Michael Caruana

Meta wasalli l-ktieb ta’ Monsinjur Professur Hector Scerri ma ridtx nemmen l-għajnejja. Għall-ewwel ħsibt li se nsib xi ktieb ieħor tiegħu dwar it-teoloġija, dwar l-ispiritwalità Nisranija, dwar il-Missirijiet tal-Knisja jew dwar l-ekumeniżmu. Kollha suġġetti li Monsinjur Scerri jispeċjalizza dwarhom.

Hu fil-fatt professur tat-teoloġija fl-Università ta’ Malta u fis-Seminarju t’Għawdex u impenjat fil-ħidma tad-djalogu bejn il-knejjes kemm lokalment kif ukoll barra minn xtutna. Dwar dawn is-suġġetti hu l-awtur ta’ tnax-il ktieb ieħor u editur ta’ ħames kotba oħra, minbarra l-mijiet ta’ artikli li kiteb f’rivisti u gazzetti Maltin u barranin.

Ma ridtx nemmen l-għajnejja għax din id-darba Monsinjur Professur Hector Scerri tana ktieb ta’ stejjer varji, frott l-immaġinazzjoni fertili tiegħu, Il-Ġiżimin ta’ Ġona u Stejjer Oħra. Ħmistax-il rakkont li joħduna f’kuntesti differenti. Qawsalla ta’ lwien u ħsus mill-ġiżimin ta’ Ġona, l-esperjenza tal-Filflin, il-qerda tal-Bajja tal-Fenek, il-kmajra msakkra fil-garigor u l-misteru wara l-misluta tal-pittura. Kollha rakkonti u ħsibijiet ta’ kull żmien li jisfidaw il-qarrej tas-seklu 21.

Hu ktieb miktub b’Malti u stil mexxej ħafna tant li minn rakkont tkun trid tmur għal ieħor. Darba tibda taqrah ma tkunx trid titilqu minn idejk. Fih rakkonti li jħallu lill-qarrej b’kurżità ta’ kif fil-fatt intemmet il-ġrajja filwaqt li oħrajn jagħtuk it-tmiem tagħha.

Kull rakkont hu akkumpanjat minn disinn ta’ Annmarie Scerri.

Il-ktieb Il-Ġiżimin ta’ Ġona u Stejjer Oħra, pubblikazzjoni ta’ Kit Group li Monsinjur Professur Hector Scerri qed jiddedikah lil ommu u lil missieru, l-ewwel persuni li saħħruh bl-istejjer li rrakkontawlu fi ċkunitu, qed jinbiegħ mil-librara ewlenin.         

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading