VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV
FIT-TURKIJA U L-LIBANU
U PELLEGRINAĠĠ F’IZNIK (IT-TURKIJA)
FL-OKKAŻJONI TAL-1700 SENA MILL-EWWEL KONĊILJU EKUMENIKU F’NIĊEA
(27 ta’ Novembru – 2 ta’ Diċembru, 2025)
LAQGĦA MAL-AWTORITAJIET, MAR-RAPPREŻENTANTI TAS-SOĊJETÀ ĊIVILI U MAL-KORP DIPLOMATIKU
DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU
Palazz PresidenzjalI (Beirut)
Il-Ħadd, 30 ta’ Nvembru, 2025
Sur President tar-Repubblika,
distinti Awtoritajiet ċivili u reliġjużi,
membri tal-Korp Diplomatiku,
Sinjuri!
Henjin dawk li jġibu l-paċi!!
Hu ta’ ferħ kbir għalija li qed niltaqa’ magħkom, u li qed inżur din l-art fejn “il-paċi” mhix sempliċi kelma għax hawnhekk il-paċi hi xewqa u vokazzjoni; hi rigal u ħidma għaddejja. Intom għandkom l-awtorità f’dal-pajjiż, kulħadd fil-qasam u l-irwol speċifiku tiegħu. Fid-dawl ta’ din l-awtorità jien nixtieq nindirizzakom bi kliem Ġesù li ntgħażel bħala tema ċentrali tal-vjaġġ tiegħi: “Henjin dawk li jġibu l-paċi” (Mt 5,9). Ċertament hemm miljuni ta’ Lebaniżi li kuljum, hawnhekk u madwar id-dinja, huma qaddejja silenzjużi tal-paċi. Madankollu lilkom, li għandkom responsabbiltà istituzzjonali importanti fi ħdan dan-nazzjon, tmisskom beatitudni speċjali jekk il-paċi hi l-għan ewlieni tagħkom qabel kull ħaġa oħra. F’dil-laqgħa, nixtieq nirrifletti ftit magħkom dwar xi jfisser li tkun persuna li ġġib il-paċi f’ċirkustanzi kumplikati ħafna, konflittwali u inċerti.
Minbarra s-sbuħija naturali u l-għana kulturali tal-Libanu, li kienu mfaħħra mill-predeċessuri tiegħi li żaru dal-pajjiż, tispikka karatteristika li tiddisdigwi lill-Lebaniżi: intom poplu li ma jaqtax qalbu u quddiem il-provi dejjem għaraf jerġa’ jerfa’ rasu bil-kuraġġ. Ir-reżiljenza tagħkom hi karatteristika essenzajli ta’ min awtentikament irid il-paċi, għax il-ħidma għall-paċi hi lant miftuħ li dejjem għadu fil-bidu. Aktar minn hekk, l-impenn u l-imħabba tal-paċi m’għandhomx biża’ minn telfiet apparenti, ma jinħakmux mid-diżappunt iżda b’ħarsithom ‘il quddiem dejjem jilqgħu u jħaddnu bit-tama kull sitwazzjoni. Il-paċi tinbena bir-rieda ta’ blat samm; biex titħares u titmantna l-ħajja hemm bżonn il-perseveranza.
Eżaminaw l-istorja tagħkom u saqsu lilkom infuskom: mnejn ġejja din l-enerġija formidabbli li lill-poplu tagħkom qatt ma ħallietu mirfus jew bla tama? Intom pajjiż differenti, komunità ta’ komunitajiet, magħqudin permezz ta’ lingwa komuni. Minix nirreferi sempliċiment għall-Għarbi Levantin, li minnu l-passat glorjuż tagħkom irċieva teżori inestimabbli. Fuq kollox qed nitkellem dwar il-lingwaġġ tat-tama, li dejjem għenkom terġgħu tibdew mill-ġdid. Id-dinja ta’ madwarna tidher maħkuma kważi kullimkien minn speċi ta’ pessimiżmu u sens ta’ impotenza fejn il-bniedem tilef il-ħila li jsaqsi lilu nnifsu x’jista’ jagħmel biex jibdel il-kors tal-istorja. Id-deċiżjonijiet l-aktar importanti donnhom qed jittieħdu mill-ftit u spiss għad-dannu tal-ġid komuni, qiesu li dan hu proċess ta’ destin inevitabbli. Intom sofrejtu ħafna minn ekonomija li toqtol (cf. Eż. App. Il-Ferħ tal-Vanġelu, 53), minn instabbiltà globali li għandha riperkussjonijiet devastanti fil-Lvant ukoll, u mir-radikalizzazzjoni tal-identitajiet u l-kunflitti. Iżda intom dejjem ridtu, u tafu kif, terġgħu tibdew mill-ġdid.
Il-Libanu għandu l-unur li s-soċjetà tiegħu għandha livell ta’ edukazzjoni tajjeb, għanja b’żgħażagħ li jesprimu l-ħolm tagħhom u tan-nazzjon kollu. Inħeġġiġkom għalhekk, biex qatt ma tinqatgħu minn mal-poplu tagħkom u b’impenn u dedikazzjoni tibqgħu tkunu dejjem ta’ servizz għall-poplu tagħkom tant għani fil-varjetà. Jalla titkellmu lingwa waħda, jiġifieri l-lingwa tat-tama li kull darba li tiġġedded tgħaqqad lil kulħadd flimkien. Jalla x-xewqa li tgħixu u tisseddqu fl-għaqda bħala poplu toħloq leħen polifoniku bejn kull grupp. Jalla wkoll issibu għajnuna fir-rabtiet profondi ta’ għożża li jorbtu l-Lebaniżi kollha li jgħixu madwar id-dinja, ma’ pajjiżhom. Huma jħobbu l-oriġini tagħhom u jitolbu għall-poplu li għadhom iħossuhom parti minnu. Jissapportjawhom ukoll b’kotra ta’ esperjenzi u ħiliet u b’hekk isibu apprezzament kullimkien.
Dan iwassalna għat-tieni karatteristika tal-bnedmin tal-paċi. Mhux biss jafu kif jerġgħu jibdew mill-ġdid, talli qabel kollox dan jagħmluh permezz tal-mixja mimlija tlajja tar-rikonċiljazzjoni. Fil-fatt hemm ġrieħi personali u kollettivi li jridu jgħaddu s-snin, kultant ġenerazzjonijiet sħaħ, biex jitfejqu. Mingħajr trattament, mingħajr ħidma, per eżempju, biex jitfejqu l-memorji ħalli dawk li sofrew inġustizzji jerġgħu jingħaqdu, it-tfittxija tal-paċi tkun diffiċli. Nibqgħu mwaħħlin, kulħadd priġunier tal-weġgħat tiegħu u tal-mod kif jaħseb. Min-naħa l-oħra, il-verità nservuha biss billi nilqgħu lill xulxin. Kull parti tara biċċa mill-verità, taf aspett wieħed tagħha, imma ma nistgħux ninnegaw il-biċċa li jaf ħaddieħor, il-biċċa li jara l-ieħor. Il-verità u r-rikonċiljazzjoni jikbru dejjem flimkien kemm fil-familja, bejn komunitajiet differenti u bejn in-nies differenti f’xi pajjiż inkella bejn in-nazzjonijiet.
Fl-istess ħin, ebda rikonċiljazzjoni dejjiema ma tista’ sseħħ jekk mhemmx għan komuni, inkella jekk nieqsa minn ftuħ lejn il-ġejjieni fejn ikun isaltan ir-risq fuq l-inġustizzji sofruti jew ikkawżati fl-imgħoddi jew fil-preżent. Kultura ta’ rikonċiljazzjoni, għalhekk, ma tiġix biss minn isfel, mir-rieda u l-kuraġġ tal-ftit. Teħtieġ ukoll awtoritajiet li għalihom il-ġid komuni hu superjuri għall-interessi partikolari. Il-ġid komuni hu xi ħaġa aktar mis-somma ta’ ħafna interessi, għax jgħaqqad flimkien kemm jista’ jkun, il-miri ta’ kulħadd u jmexxihom b’mod li kulħadd jikseb aktar milli kieku jibqa’ għaddej għal rasu. Fil-fatt, il-paċi mhix sempliċi bilanċ – li dejjem hu prekarju – bejn dawk li jgħixu separatament taħt l-istess saqaf. Il-paċi hi l-għarfien ta’ kif ngħixu flimkien, f’komunjoni, bħala poplu rikonċiljat. Rikonċiljazzjoni illi, minbarra li tippermettielna naġixxu flimkien, tgħallimna naħdmu flimkien għall-futur spalla ma’ spalla. Hekk, il-paċi ssir abbundanza li tissorprendina meta l-oriżżonti tagħna jitwessgħu u jimirħu lil hinn minn kull ħajt u ostaklu. Kultant naħsbu li qabel ma mmiddu xi pass ikun hemm bżonn niċċaraw u nsolvu kollox. Iżda d-djalogu, anki fejn hemm nuqqas ta’ qbil, hu t-triq li ġġib ir-rikonċiljazzjoni. L-akbar verità hi li nsibu ruħna magħqudin bħala parti mill-pjan li ħejja Alla biex inkunu lkoll familja waħda.
Fl-aħħar nixtieq nitkellem dwar it-tielet karatteristika ta’ min jistinka għall-paċi. Anki fejn ikun meħtieġ is-sagrifiċċju, min irid il-paċi jieħu r-riskju li jippersevera. Ikun hemm mumenti fejn ikun eħfef taħrab jew ikun aktar konvenjenti tħares band’oħra. Hemm bżonn kuraġġ veru u viżjoni biex wieħed jibqa’ jew jerġa’ lura lejn pajjiżu u jqis li ta’ min iħobb u jiddedika ruħu f’sitwazzjonijiet ftit jew wisq diffiċli. Nafu li hawn, bħal f’partijiet oħra tad-dinja, il-vjolenza, il-faqar u theddid ieħor qed iwassal biex ħafna żgħażagħ u familji jfittxu futur ximkien ieħor minkejja l-weġgħa li jħoss min jitlaq minn art twelidu. Importanti tagħrfu li l-Lebaniżi mxerrdin madwar id-dinja għalikom hu ta’ siwi kbir. Madankollu ma nistgħux ninsew li dejjem jibqa’ valur kbir il-fatt li bniedem jibqa’ f’art twelidu jaħdem kuljum biex jiżviluppa ċiviltà ta’ mħabba u paċi.
Il-Knisja ma jimpurtahiex biss mid-dinjità ta’ min iħalli pajjiżu. Trid li ħadd ma jkun imġiegħel jitlaq minn artu. Aktar minn hekk, il-Knisja trid li min ikun irid jerġa’ lura jkollu s-serħan il-moħħ li mhux se jiltaqa’ ma’ nkwiet. Filwaqt li l-mobbiltà umana hi opportunità kbira għal-laqgħa u għall-arrikkiment reċiproku, xorta waħda ma tħassarx ir-rabtiet speċjali li lill-bniedem jorbtuh ma’ ċerti postijiet li b’mod speċjali fihom jagħraf l-identità tiegħu. Imbagħad, il-paċi dejjem tisseddaq f’kuntest konkret u vitali tal-ħajja magħmul minn rabtiet ġjografiċi, storiċi u spiritwali. Hemm bżonn nagħmlu kuraġġ lil dawk li għandhom dan għal qalbhom u jrawmuh bla ma jaqgħu fis-settorjali u n-nazzjonaliżmu. Fl-Enċiklika Fratelli tutti, Il-Papa Franġisku wera liema hi t-triq ‘il quddiem: “Hemm bżonn naraw l-affarijiet b’mod globali, u dan jeħlisna mill-moħħ magħluq ta’ min hu dejjem imsakkar id-dar. Meta d-dar ma tibqax familja, imma ssir ħajt magħluq, ċella, il-globali jeħlisna għax hu bħall-kawża finali li tiġbidna lejn is-sħiħ. Fl-istess waqt, irridu nagħmlu tagħna wkoll b’rispett id-dimensjoni lokali, għax din fiha xi ħaġa li l-globali m’għandux: hi l-ħmira, li tagħni, tniedi mixjiet ta’ sussidjarjetà. Għalhekk, il-fraternità universali u l-ħbiberija soċjali fi ħdan kull soċjetà huma żewġt itruf li ma jistgħux jinfirdu minn xulxin u huma essenzjali flimkien. Jekk nifirduhom inkunu ngħawġu r-realtà u noħolqu polarizzazzjoni li ħsara tagħmel” (142).
X’jista’ jsir biex niżguraw li ż-żgħażagħ ma jħossux li jkollhom bilfors iħallu art twelidhom u jemigraw? Din hi sfida mhux għal-Libanu biss imma għal-Lvant kollu. Kif nistgħu nikoraġġuhom biex ma jmorrux ifittxu l-paċi ximkien ieħor, imma jkollhom garanzija ta’ paċi biex ikunu protagonisti f’art twelidhom? Rigward dan, Insara u Musulmani flimkien, u kull reliġjon u l-komponent ċivili tas-soċjeta Leabaniża, għandhom jagħtu sehemhom u jimpenjaw ruħhom biex titqajjem kuxjenza dwar dil-kwistjoni fi ħdan il-komunità internazzjonali.
F’dal-kuntest, nixtieq nefasizza l-irwol essenzjali tal-mara fl-impenn iebes u paċenzjuz tal-ħarsien u l-bini tal-paċi. Ma ninsewx li n-nisa għandhom ħila speċjali biex iġibu l-paċi għax jafu kif jgħożżu u jsaħħu r-rabtiet profondi mal-ħajja, man-nies u mal-postijiet. Is-sehem tagħhom fil-ħajja soċjali u politika kif ukoll fi ħdan il-komunitajiet reliġjużi tagħhom, hu fattur ta’ tiġdid awtentiku madwar id-dinja kollha u flimkien mal-enerġija li tiġi miż-żgħażagħ, huma fattur ta’ tiġdid veru fid-dinja kollha. Imberkin dawk li jġibu l-paċi u mberkin iż-żgħażagħ li jibqgħu jew jiġu lura biex il-Libanu jerġa’ jieħu l-ħajja mill-ġdid.
Intemm b’ispirazzjoni li nislet minn karatteristika prezzjuża tat-tradizzjoni tagħkom, li tmur lura eluf ta’ snin. Intom poplu li tħobbu l-mużika. Fil-festi tagħkom din issir żfin, lingwa ta’ ferħ u komunjoni. Dan l-aspett tal-kultura tagħkom jgħinna nifhmu li l-paċi mhix biss riżultat tal-isforzi umani, minkejja li huma neċessarji. Fil-fatt, il-paċi hi rigal minn Alla u fuq kollox, tgħammar fi qlubna. Tixbaħ moviment interjuri li jgħafas ‘il barra u jtina mbuttatura biex inħallu tmexxina melodija akbar minna, il-melodija tal-imħabba divina. L-istess il-paċi, li hi vjaġġ imnebbaħ mill-Ispirtu s-Santu, iġġiegħel lil qlubna jisimgħu, tagħmilhom aktar attenti u rispettużi lejn l-oħrajn. Jalla dix-xewqa tal-paċi, li tiġi minn Alla, tisseddaq fostkom; għax illum ukoll il-paċi taf tittrasforma l-mod kif tħarsu lejn l-oħrajn u l-mod kif tgħixu flimkien f’din l-art, art li Alla jħobb b’imħabba kbira u jibqa’ jberikha.
Sur President, Awtoritajiet Distinti, irroddilkom ħajr mill-ġdid għall-merħba li tajtuni. Ibqgħu ċerti li flimkien mal-Knisja kollha jien nitlob għas-servizz delikat tagħkom għall-ġid komuni.
Miġjub għall-Malti minn Joe Huber