VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV
FIT-TURKIJA U L-LIBANU
B’PELLEGRINAĠĠ F’İZNIK (IT-TURKIJA)
FL-OKKAŻJONI TAL-1,700 ANNIVERSARJU TAL-EWWEL KONĊILJU TA’ NICEA
(27 ta’ Novembru – 2 ta’ Diċembru 2025)
ŻJARA U TALBA FUQ IL-QABAR TA’ SAN CHARBEL MAKLŪF
TISLIMA TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA
Monasteru ta’ San Maroun (Annaya)
It-Tnejn 1 ta’ Diċembru 2025
Għeżież ħuti!
Nirringrazzja lis-Superjur Ġenerali tal-kelmtejn tiegħu u tal-akkoljenza f’dan il-Monasteru sabiħ ta’ Annaya. Anki n-natura ta’ madwar din id-dar ta’ talb tiġbidna bil-ġmiel awster tagħha.
Nirringrazzja lil Alla li tani li niġi pellegrin fuq il-qabar ta’ San Charbel. Il-Predeċessuri tiegħi – qed naħseb b’mod speċjali f’San Pawlu VI, li bbeatifikah u kkanonizzah – xtaquh ħafna dan.
Għeżież, x’jgħallimna llum San Charbel? Liema hu l-wirt ta’ dan il-bniedem li ma kiteb xejn, li għex moħbi u sieket, imma li l-fama tiegħu xterdet mad-dinja kollha?
Nixtieq niġbru hekk: l-Ispirtu s-Santu għaġnu, biex lil min jgħix mingħajr Alla jgħallmu t-talb, li min jgħix fl-istorbju jgħallmu s-skiet, lil min jgħix biex jidher jgħallmu l-modestja, lil min ifittex l-għana jgħallmu l-faqar. Kollha huma mġibiet kontra l-kurrent, imma proprju għalhekk aħna ninġibdu minnhom, bħall-ilma frisk u safi għal min miexi f’deżert.
B’mod partikulari, lilna l-isqfijiet u ministri ordnati, San Charbel ifakkarna fl-esiġenzi evanġeliċi tal-vokazzjoni tagħna. Imma l-koerenza tiegħu, tant radikali daqskemm umli, hija messaġġ għall-Insara kollha.
U mbagħad hemm aspett ieħor li hu deċiżiv: San Charbel qatt ma waqaf jinterċedi għalina quddiem il-Missier tas-Sema, għajn ta’ kull ġid u ta’ kull grazzja. Diġà matul il-ħajja tiegħu fuq din l-art ħafna kienu jmorru għandu biex jirċievu mingħand il-Mulej faraġ, maħfra, u pariri. Wara l-mewt tiegħu dan kollu tkattar u sar bħal xmara ta’ ħniena. Għal dan ukoll, kull 22 tax-xahar, eluf ta’ pellegrini jiġu hawn minn diversi pajjiżi biex jgħaddu ġurnata ta’ talb u ta’ serħan tar-ruħ u tal-ġisem.
Ħuti, illum nixtieq nafdaw fl-interċessjoni ta’ San Charbel il-bżonnijiet tal-Knisja, tal-Libanu u tad-dinja. Għall-Knisja nitolbu komunjoni, għaqda: ibda mill-familji, knejjes ċkejknin tad-dar, u mbagħad fil-komunitajiet parrokkjali u djoċesani, sal-Knisja universali. Komunjoni, għaqda. U għad-dinja nitolbu l-paċi. Nitolbuha speċjalment għal-Libanu u għal-Lvant kollu. Imma nafu tajjeb – u l-qaddisin dan ifakkruhulna – li ma hemmx paċi mingħajr konverżjoni tal-qlub. Għalhekk San Charbel jgħinna nduru lejn Alla u nitolbu d-don tal-konverżjoni għalina lkoll.
Għeżież, bħala simbolu tad-dawl li hawn Alla kebbes permezz ta’ San Charbel, ġibt b’don dan il-musbieħ. Bl-offerta ta’ dan il-musbieħ nafda fil-ħarsien ta’ San Charbel il-Libanu u l-poplu tiegħu, biex jimxi dejjem fid-dawl ta’ Kristu. Grazzi lil Alla għad-don ta’ San Charbel! Grazzi lilkom, li tħarsu l-memorja tiegħu. Imxu fid-dawl tal-Mulej!
Miġjub għall-Malti minn Francesco Pio Attard