VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV
FIT-TURKIJA U L-LIBANU
B’PELLEGRINAĠĠ F’İZNIK (IT-TURKIJA)
FL-OKKAŻJONI TAL-1,700 ANNIVERSARJU TAL-EWWEL KONĊILJU TA’ NICEA
(27 ta’ Novembru – 2 ta’ Diċembru 2025)
LAQGĦA EKUMENIKA U INTERRELIĠJUŻA
DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA
Pjazza tal-Martri (Bejrut)
It-Tnejn 1 ta’ Diċembru 2025
Għeżież ħuti,
Inħossni profondament kommoss u immensament grat li ninsab magħkom illum, f’din l-art imbierka: art imfaħħra mill-profeti tat-Testment il-Qadim, li fiċ-ċedri imponenti tagħha kkontemplaw emblemi tar-ruħ twajba li twarrad taħt il-ħarsa attenta tas-sema; art fejn l-eku tal-Logos qatt ma waqa’ fil-muta, imma jkompli jsejjaħ, seklu fuq ieħor, lil dawk li jixtiequ jiftħu qalbhom għal Alla l-ħaj.
Fl-Eżortazzjoni Appostolika Postsinodali tiegħu Ecclesia in Medio Oriente, iffirmata hawn f’Bejrut fl-2012, il-Papa Benedittu XVI fakkar li “n-natura u l-vokazzjoni universali tal-Knisja jesiġu li hi tkun fi djalogu mal-membri tar-reliġjonijiet l-oħra. Dan id-djalogu fil-Lvant Nofsani hu msejjes fuq ir-rabtiet spiritwali u storiċi li jorbtu flimkien lill-Insara mal-Lhud u mal-Musulmani. Dan id-djalogu, li mhuwiex prinċipalment iddettat minn kunsiderazzjonijiet pragmatiċi ta’ ordni politiku jew soċjali, iserraħ qabelxejn fuq bażijiet teoloġiċi li jinterpellaw il-fidi” (n. 19).
Għeżież ħbieb, il-preżenza tagħkom hawn illum, f’dan il-post straordinarju fejn minnareti u kampnari jinsabu biswit xulxin, imma t-tnejn jogħlew lejn is-sema, hi xhieda tal-fidi fit-tul ta’ din l-art u d-dedikazzjoni persistenti tal-poplu tagħha lejn Alla wieħed. F’din l-art maħbuba jistgħu jdoqqu flimkien kull qanpiena u kull adhān: jalla kull sejħa għat-talb tinħall f’innu wieħed, li jogħla mhux biss biex jigglorifika lill-Ħallieq ħanin tas-sema u tal-art, imma anki biex jittallab tassew mill-qalb id-don divin tal-paċi.
Għal ħafna snin, u fuq kollox fl-aħħar żminijiet, l-għajnejn tad-dinja kienu ppuntati fuq il-Lvant Nofsani, il-benniena tar-reliġjonijiet Abramitiċi, fl-osservanza tal-mixja iebsa u t-tiftix bla heda tad-don prezzjuż tal-paċi. Xi drabi l-umanità tħares lejn il-Lvant Nofsani b’sens ta’ biża’ u skuraġġiment, quddiem kunflitti hekk kumplessi u fit-tul. Imma, qalb dan il-ġlied, nistgħu nsibu tama u inkuraġġiment meta nikkonċentraw fuq dak li jgħaqqadna: l-umanità komuni tagħna u l-fidi tagħna f’Alla ta’ mħabba u ħniena. Matul epoka li fiha l-konvivenza tista’ tidher ħolma mbiegħda, il-poplu tal-Libanu, imqar jekk ħaddan reliġjonijiet differenti, jirrappreżenta eżempju qawwi: biża’, taqtigħ il-qalb u preġudizzju hawnhekk ma għandhomx l-aħħar kelma, waqt li l-għaqda, ir-rikonċiljazzjoni u l-paċi dejjem huma possibbli. Hawn hi, allura, il-missjoni li tibqa’ ma tinbidilx fl-istorja ta’ din l-art maħbuba: ix-xhieda tal-verità li tibqa’, li Nsara, Musulmani, Drusi u għadd bla qies ta’ oħrajn jistgħu jgħixu flimkien, u jibnu pajjiż magħqud mir-rispett u mid-djalogu.
Sittin sena ilu, bil-promulgazzjoni tad-Dikjarazzjoni Nostra ætate, il-Konċilju Vatikan II fetaħ xefaq ġdid għal-laqgħa u r-rispett reċiproku bejn Kattoliċi u persuni ta’ diversi reliġjonijiet, b’enfasi li d-djalogu veru u l-kollaborazzjoni għandhom għeruqhom fl-imħabba, l-unika bażi għall-paċi, il-ġustizzja u r-rikonċiljazzjoni. Dan id-djalogu, imnebbaħ mill-imħabba divina, iħaddan lill-persuni kollha ta’ rieda tajba, u jiċħad kull preġudizzju, diskriminazzjoni, persekuzzjoni waqt li jafferma d-dinjità ugwali ta’ kull bniedem.
Imqar jekk il-ministeru pubbliku ta’ Ġesù seħħ l-aktar fil-Galilija u fil-Lhudija, il-Vanġelu jġibu wkoll episodji li fihom hu żar ir-reġjun tad-Dekapoli – kif ukoll l-inħawi ta’ Tir u Sidon –, fejn iltaqa’ mal-mara Siro-Feniċja, li l-fidi tagħha li ma tiġġarrafx waslet biex fejqet lil bintha (ara Mk 7:24-30). Għalhekk, din l-art tfisser iżjed minn sempliċi post ta’ laqgħa bejn Ġesù u omm tittallab: issir il-post li fih l-umiltà, il-fiduċja u l-perseveranza jegħlbu kull ħajt u jiltaqgħu mal-imħabba bla qies ta’ Alla, li tħaddan kull qalb umana. Fil-fatt, dan hu “l-essenza nfisha tad-djalogu interreliġjuż: l-iskoperta tal-preżenza ta’ Alla lil hemm minn kull konfini u l-istedina biex infittxuh flimkien b’qima u umiltà”.[1] Jekk il-Libanu hu rinomat għaċ-ċedri maestużi tiegħu, anki ż-żebbuġ jirrappreżenta aspett importanti tal-wirt tiegħu. Iż-żebbuġ mhux biss isebbaħ l-ispazju li fih ninsabu miġbura llum, imma hu wkoll imfaħħar fit-testi sagri tal-Kristjaneżmu, tal-Ebrajiżmu u tal-Iżlam, u jservi bħala simbolu bla żmien ta’ rikonċiljazzjoni u paċi. Il-ħajja twila tiegħu u l-ħila straordinarja li jikber imqar fl-ambjenti l-aktar diffiċli jissimbolizzaw reżistenza u tama, kif ukoll dak l-impenn reżistenti, li hu meħtieġ biex wieħed jikkultiva konvivenza paċifika.
Minn din is-siġra jiġi ż-żejt li jfejjaq – balzmu għall-ġrieħi fiżiċi u spiritwali – li juri l-mogħdrija bla qies ta’ Alla għal dawk kollha li qed ibatu. Barra minn dan, iż-żejt iforni wkoll dawl, ifakkar fis-sejħa biex indawlu l-qlub tagħna bil-fidi, il-karità u l-umiltà.
Bħalma l-għeruq taċ-ċedri u tad-dwieli jinfdu fil-fond u jinfirxu fil-wisa’ fuq l-art, hekk ukoll il-poplu Libaniż hu mifrux mad-dinja kollha, imma magħqud mill-qawwa fit-tul u mill-wirt bla żmien ta’ art twelidkom. Il-preżenza tagħkom hawn u fid-dinja tagħni l-art bil-wirt millenarju tagħkom, imma tirrappreżenta wkoll vokazzjoni. Fi globalità dejjem iżjed interkonnessa, intom imsejħin tkunu bennejja tal-paċi: biex teħduha kontra l-intolleranza, tegħlbu l-vjolenza u twarrbu l-esklużjoni, u ddawlu l-mixja lejn il-ġustizzja u l-ftehim bejn kulħadd, permezz tax-xhieda tal-fidi tagħkom.
Għeżież ħuti, il-25 ta’ Marzu ta’ kull sena, iċċelebrat bħala festa nazzjonali f’pajjiżkom, intom tinġabru biex tweġġħu lil Marija, Sidtna tal-Libanu, meqjuma fis-santwarju tagħhom f’Harissa, li hu msebbaħ minn statwa imponenti tal-Verġni b’dirgħajha miftuħa, biex tħaddan lill-poplu kollu Libaniż. Ħalli din it-tħaddina ta’ mħabba materna tal-Verġni Marija, Omm Ġesù u Sultana tal-Paċi, tmexxi lil kull wieħed u waħda minnkom, biex f’pajjiżkom, fil-Lvant Nofsani kollu u fid-dinja kollha, id-don tar-rikonċiljazzjoni u tal-konvivenza paċifika tnixxi “bħal ġiebja t’ilma ġieri, nieżel mil-Libanu!” (ara Għan 4:15). Ħa jġibu tama u għaqda lil kulħadd. Grazzi!
Miġjub għall-Malti minn Francesco Pio Attard
[1] Udjenza ġenerali, Katekeżi fl-okkażjoni tas-60 anniversarju mid-Dikjarazzjoni Konċiljari Nostra ætate, 29 ta’ Ottubru 2025.