Kitba ta’ Joe Galea
Meta Isqof jew Arċisqof kien jasal fil-knisja għall-Griżma tal-Isqof jew għal xi ċelebrazzjoni oħra, kienet titkanta t-tislima ‘Saċerdos et Pontifex’. Fi żmien ir-Rumani, kien l-Imperatur li jingħata dan it-titlu ta’ ‘Pontifex’, li mbagħad ġie mogħti lill-Papa. Fiż-żjara tal-Papa Ljun XIV, fit-Turkija mis-27 sat-30 ta’ Novembru u fil-Libanu mit-30 ta’ Novembru sat-2 ta’ Diċembru, deher l-entużjażmu tiegħu biex jibni pontijiet ta’ għaqda, hekk li jixraqlu li nqisuh bħala l-‘Pontifex’ ta’ żmienna, il-bennej tal-pontijiet.
Messaġġier tal-paċi
F’laqgħa mal-ġurnalisti fil-vjaġġ lura lejn Ruma, il-Papa Ljun semma li l-folol inġabru biex jarawh matul il-vjaġġi tiegħu, u wkoll fil-Vatikan, “għax iridu jaraw lil Ġesù Kristu, u jridu jaraw messaġġier tal-paċi.” Il-Papa kien dan il-messaġġier, f’reġjun imkisser mill-gwerra. Fiż-żjara tiegħu, il-Papa Ljun stieden lill-mexxejja tad-dinja biex ikunu awtorità morali, vuċi ta’ fidi, ta’ raġuni u ta’ rikonċiljazzjoni. Meta indirizza uffiċjali Torok, inklużi dawk ewlenin għall-isforzi ta’ paċi Iżraeljani-Palestinjani, wissa: “Il-futur tal-umanità jinsab f’riskju.”
Fit-Turkija, fil-preżenza ta’ mexxejja tal-gvern u diplomatiċi, il-Papa qal: “Illum, aktar minn qatt qabel, neħtieġu nies li jippromwovu d-djalogu u jipprattikawh b’rieda soda u b’riżoluzzjoni ta’ paċenzja.” Il-Papa ħeġġeġ lill-komunità żgħira Kattolika t’hemmhekk biex tgħix fil-paċi u t-tolleranza f’dinja “fejn ir-reliġjon tintuża wisq drabi biex tiġġustifika gwerer u atroċitajiet.”
Fil-Libanu, waqt li indirizza nazzjon eżawrit mill-kunflitt, huwa talab: “Kunu ħaddiema tal-paċi, xhieda tal-paċi!” Insista li l-Lvant Nofsani għandu “jirrifjuta l-mentalità ta’ vendetta u vjolenza, jegħleb id-diviżjonijiet tiegħu, u jiftaħ kapitli ġodda f’isem ir-rikonċiljazzjoni u l-paċi,” filwaqt li ħeġġeġ ukoll għal “bidla fir-rotta.”
Il-Papa qal: “Irridu nedukaw qlubna għall-paċi,” kliem li kkumplementa l-messaġġ tiegħu mit-Turkija, fejn qal li l-paċi “mhijiex biss il-frott tal-isforz uman, iżda hija rigal mingħand Alla.” Il-paċi vera, enfasizza l-Papa, trid titfittex permezz tat-“talb, il-penitenza, il-kontemplazzjoni u t-trawwim ta’ relazzjoni ħajja mal-Mulej.”
Passi lejn l-għaqda
Il-motto episkopali tal-Papa Ljun, “In Illo uno unum,” dehret il-ħidma tiegħu għall-għaqda Nisranija. F’mument impressjonanti fit-28 ta’ Novembru, il-Papa Ljun, il-Patrijarka Ekumeniku Bartilmew I, u mexxejja Kristjani oħra qagħdu fuq il-fdalijiet arkeoloġiċi tal-knisja fejn iltaqa’ l-Konċilju ta’ Niċea u rreċitaw il-Kredu ta’ Niċea flimkien.
Il-Papa qal: “Illum, l-umanità kollha milquta mill-vjolenza u l-kunflitt qed tgħajjat għar-rikonċiljazzjoni. Ix-xewqa għal komunjoni sħiħa fost dawk kollha li jemmnu f’Ġesù Kristu hija dejjem akkumpanjata mit-tfittxija għall-fraternità fost il-bnedmin kollha.” Fakkar lill-mexxejja Kristjani li l-Kredu huwa “ta’ importanza fundamentali fil-vjaġġ li l-Kristjani qed jagħmlu lejn komunjoni sħiħa,” u esprima t-tama li jistgħu jiċċelebraw flimkien il-Ġublew tal-2033.
Messaġġ universali
Lura f’Ruma, il-messaġġ tal-Papa Ljun baqa’ universali: “Jekk inħallu fil-ġenb in-nuqqas ta’ fiduċja, il-mibegħda u l-ostilità li tant drabi nbniet, se nsibu modi kif ningħaqdu flimkien u nkunu nistgħu nippromwovu paċi u ġustizzja awtentiċi.”
Fl-ewwel vjaġġ barra minn Ruma, il-Papa Ljun enfasizza li mhux biss nitkellmu dwar pontijiet, imma nibnuhom. Dan għamlu b’ġesti bħal meta ħaddan familji li għadhom qed ifittxu ġustizzja wara l-isplużjoni fil-port ta’ Beirut tal-2020, u żamm id tifel żgħir f’siġġu tar-roti waqt it-talb fit-Turkija.
Għal dan il-vjaġġ pastorali tiegħu, il-Papa Ljun XIV għażel reġjun ikkumplikat, minflok ritorn entużjast fl-Istati Uniti jew fl-Amerika t’Isfel. F’reġjun li hu għatxan għar-rikonċiljazzjoni, il-Papa Ljun ħalla warajh pedamenti sodi li fuqhom jista’ jinbena futur aktar paċifiku, billi stieden lil oħrajn ħalli jibnu dan il-pont miegħu.
