Bniedem ħieles. Niċċelebraw l-Evanġelju tat-tielet Ħadd tal-Avvent.

Kitba ta’ Fr Jimmy Bonnici

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu

Ejja, Mulej, ħa ssalvana.

  1. Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

F’dak iż-żmien, Ġwanni, li kien fil-ħabs, sama’ bl-għemejjel tal-Messija, u bagħat għandu tnejn mid-dixxipli tiegħu u qallu: “Inti huwa dak li għandu jiġi, jew nistennew lil ħaddieħor?”.

Ġesù wieġeb u qalilhom: “Morru agħtu lil Ġwanni l-aħbar ta’ dak li qegħdin tisimgħu u taraw: l-għomja jaraw, iz-zopop jimxu, il-lebbrużi jfiqu, it-torox jisimgħu, il-mejtin iqumu, l-Evanġelju jixxandar lill-foqra. Hieni hu min ma jitfixkilx minħabba fija”.

Meta dawk telqu, Ġesù qabad ikellem lin-nies fuq Ġwanni: “Xi ħriġtu taraw fid-deżert? Qasba tixxejjer mar-riħ? Xi ħriġtu taraw? Raġel liebes fin? Dawk li jilbsu fin fil-palazzi tas-slaten issibhom. Mela xi ħriġtu taraw? Profeta? Iva, ngħidilkom, anzi xi ħaġa iżjed minn profeta. Dan hu li fuqu hemm miktub: ‘Ara, jiena nibgħat qablek il-ħabbâr tiegħi biex iħejji triqtek quddiemek’. Tassew, ngħidilkom, li fost ulied in-nisa ħadd ma qam akbar minn Ġwanni l-Battista. U b’danakollu l-iżgħar wieħed fis-Saltna tas-Smewwiet hu akbar minnu”.Mt 11:2-11.

  1. Riflessjoni/talba:

i. Ġwanni, li kien fil-ħabs, sama’ bl-għemejjel tal-Messija, u bagħat għandu tnejn mid-dixxipli tiegħu u qallu: “Inti huwa dak li għandu jiġi, jew nistennew lil ħaddieħor?”.

Mill-ftuħ tad-deżert
għall-egħluq tal-ħabs
il-qalb ta’ Ġwanni tibqa’ ħielsa
biex issaqsi
biex tfittex
biex tistenna.

Ma jiddisprax
għax jaf li l-Messija jiġi
anke jekk s’issa mhux jagħarfu.

Irrifletti:
• Liema hu l-punt ċentrali ta’ ħajtek?

ii. Ġesù wieġeb u qalilhom: “Morru agħtu lil Ġwanni l-aħbar ta’ dak li qegħdin tisimgħu u taraw: l-għomja jaraw, iz-zopop jimxu, il-lebbrużi jfiqu, it-torox jisimgħu, il-mejtin iqumu, l-Evanġelju jixxandar lill-foqra. Hieni hu min ma jitfixkilx minħabba fija”.

Il-Messija ma jiġix f’azzjonijiet vjolenti
jew soluzzjonijiet maġiċi
imma f’ġesti sempliċi,
konkreti
li jagħtu ħajja lil min jiltaqa’ miegħu.

Hieni min iħalli lil Alla jissorprendih!

Irrifletti
• Fejn esperjenzajt lil Alla differenti milli stennejtu?

iii. Meta dawk telqu, Ġesù qabad ikellem lin-nies fuq Ġwanni: “Xi ħriġtu taraw fid-deżert? Qasba tixxejjer mar-riħ? Xi ħriġtu taraw? Raġel liebes fin? Dawk li jilbsu fin fil-palazzi tas-slaten issibhom. Mela xi ħriġtu taraw? Profeta?

X’inhu li jċaqilqek minn ġewwa
biex tiċċaqlaq minn fejn int
biex issib dak li jiswa’?

Żgur li mhux is-superfiċjalità
ta’ persuni bla sinsla.
Żgur mhux l-apparenza
li tlellex imma tiddiżappunta.

Mela xi ħriġtu taraw?

Irrifletti

• X’inhu dak li bħalissa qed jgħinek tfittex aktar fil-fond?

  1. Missierna

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading