Allegat Miraklu Ewkaristiku, f’Naju, Korea-1995 (1)

Il-Mirakli Ewkaristiċi (91)
minn Manwel Cutajar

L-Allegat  Miraklu Ewkaristiku,  f’Naju, Korea-1995 (1) 

F’Naju, fil-Korea t’Isfel, Julia Kim, omm ta’ erbat itfal  ilha fl-aħbarijiet sa mill-1982. Inizjalment hija kienet irrappurtat dehra ta’ Ġesù b’qalbu mdemmija jitlobha tbati għaliH għall-konverzjoni tal-midinbin. Tliet snin wara, l-istatwa ta’ Julia tal-Madonna xerrdet dmugħ tad-demm,  li Julia interpretat bħala sinjal tal-uġigħ u n-niketta’ Marija Santissima għat-tfal Koreani sterminati fil-ġuf ta’ ommhom.

L-Allegat Miraklu Ewkaristiku:L-Ewkaristija li tinbidel f’laħam uman imdemmi f’ħalq Julia hija ġrajja oħra sopranaturali li  esperjenzat Julia u li rawha ħafna niesinkluż mexxejja tal-Knisja Kattolika,kemm isqfijiet lokali kif ukoll viżitaturi minn barra l-pajjiż. L-Isqof Roman Danylak, Amministratur Appostoliku tal-Eparkija ta’ Toronto għall-Kattoliċi Ukreni f’Toronto, il-Kanada ta xhieda bil-ġurament dwar dil-ġrajja, fejn qal li fit-22 ta’ Settembru,1995, fil-5 p.m. f’ċelebrazzjoni Ewkaristika f’post fil-beraħ fuq l-art tal-wied fejn kellha tinbena knisja ġdida, hu u żewġ saċerdoti oħra li kienu qed jiċċelebraw miegħu raw l-Ostja Sagra li rċeviet Julia Kim tinbidel f’Laħam u Demm ħaj. Dun Joseph Peter Finn, wieħed minn dawn is-saċerdoti, innota li ra t-tarf abjad tal-Ostja Sagra jegħeb, u jinbidel f’laħam ħaj.

Ix-Xhieda tal-Isqof Roman Danylak:

Jiena, l-Isqof Roman Danylak,Amministratur Appostoliku tal-Eparkija ta’ Toronto għall-Kattoliċi Ukreni f’Toronto, il-Kanada, u isqof titulari ta’ Nyssa, hawnhekk nixhed solennement li kkonċelebrajt il-Liturġija Divina, jew il-Quddiesa Mqaddsa, mar-Reverendi Patrijiet Aloysius Chang, kappillan tal-Arċidjoċesi ta’ Kwangju fil-Korea, mistieden minni biex jassisti matul iż-żjara tiegħi fil-Korea; u Joseph Peter Finn,saċerdot irtirat mid-Djoċesi ta’ Londra,il-Kanada,nhar il-Ġimgħa, 22 ta’ Settembru 1995, fil-5 pmf’ċelebrazzjoni fil-beraħ fuq l-art tal-wied fejn se tinbena knisja futura,  jekk Alla jrid, għall-unur tal-Imqaddsa Verġni Marija u Omm Alla.

Wara l-Liturġija tal-Kelma, għamilt omelija qasira għall-okkażjoni. Wara t-tqarbina tas-saċerdoti, jien u Fr. Chang amministrajna t-Tqarbina Mqaddsa taħt iż-żewġ speċi lil Julia Kim u lill-ħdax-il persuna oħra. Hekk kif komplejna nqassmu t-Tqarbin Mqaddes lill-oħrajn preżenti, smajna l-biki f’daqqa ta’ waħda min-nisa preżenti. L-OstjaMqaddsa li rċeviet Julia nbidlet f’laħam u demm ħaj. Dun Joseph Finn, li kien baqa’ fuq l-artal waqt it-tqarbina tal-fidili, kien qed josserva lil Julia; innota li fil-mument li dar biex josserva lil Julia, ra t-tarf abjad tal-Ostja jisparixxi u jinbidel f’sustanza ta’ laħam ħaj. Jiena u Fr. Chang morna lura ħdejn Julia. L-Ostja Mqaddsa kienet inbidlet għal laħam aħmar skur, Laħam ħaj u Demm ħiereġ minnha. Wara l-Quddiesa, Julia qasmet magħna li esperjenzat il-Laħam Divin bħala konsistenza ħoxna u tnixxija abbundanti ta’ demm, aktar milli fl-okkażjoni ta’ Mirakli preċedenti tal-bidla tal-Ostja Mqaddsa f’laħam ħaj, inixxi d-Demm. Bqajna fis-skiet u fit-talb;  dawk kollha preżenti kellhom l-opportunità li jaraw u jqimu l-Ostja Mirakoluża. Wara ftit mumenti tlabt lil Julia tibla’ u tikkonsma l-Ostja.  U wara l-Quddiesa Julia spjegat li l-Ostja kienet saret kbira u mlaħħma;u li kkonsmatha b’xi diffikultà. It-togħma tad-demm baqgħet f’ħalqha għal xi ħin. Imbagħad tlabt li tingħata tazza ilma,mis-sors mirakoluż tal-ilma fil-qrib. Hekk kif xorbot l-ilma, subgħajha mess xofftejha, u traċċa ta’ demm dehret fuq subgħajha. Hija daħlet subgħajha fl-ilma u xorbitu.

Bħala xhieda ta’ dan, qed niffirma flimkien mal-firem tax-xhieda kollha preżenti.

Iddatat f’Naju, dan it-22 ta’ Settembru, 1995

Roman Danylak, isqof  titulari  ta’ Nyssa.

Il-Bidu  tal-ġrajja  ta’ dal-allegat  Miraklu  Ewkaristiku

L-ewwel allegat Miraklu Ewkaristiku seħħ fil-knisja Parrokkjali ta’ Naju  fil-5 ta’Ġunju 1988waqt il-quddiesa li fiha Julia Kimirċeviet it-Tqarbina Mqaddsa, u l-Ostja Mqaddsa nbidlet f’Laħam u Demm f’ħalqha. Minn dakinhar ‘il quddiem Julia esperjenzat dal-allegat Miraklu Ewkaristiku għal tnax-il darba f’ħafna okkażjonijiet oħra, kemm f’Naju kif ukoll f’postijiet oħra. Ħafna nies kienu xhieda ta’ dan inkluż saċerdoti, ir-rappreżentanti tal-Papa u saħansitra anke l-Q.T. il-Papa Ġwanni Pawlu II nnifsu meta Julia żaret il-Vatikan fl-I995.

Waqt il-quddiesa fil-Kappella privata  tal-Papa

Fit-31 ta’Ottubru 1995 Fil-Vatikan waqt Quddiesa fil-Kappellaprivata  tal-Q.T.il-Papa Ġwanni Pawlu II iċċelebrata mill-Papa nnifsu, li fiha u qarben lil Julia u hekk kif rċeviet it-Tqarbina Mqaddsa seħħ l-allegat Miraklu Ewkaristiku mill-ġdid quddiem il-Papa nnifsu: l-Ostja Mqaddsa kibret f’ħalq Julia Kim u  nbidlet f’dak li ġie deskritt bħala Laħam u Demm fuq ilsien Julia. Dan ifisser li l-Ewkaristija li rċeviet Julia Kim dehret li ttrasformat ruħha f’Laħam u Demm.

Ir-Reazzjoni tal-Papa San Ġwanni Pawlu II:

Il-Papa  kien sorpriż ferm b’dil-ġrajja misterjuża u waqt li bierek lil Julia  għamel is-Sinjal tas-Salib fuq ġbinha.

Huwa estenda wkoll il-Barka tiegħu lill-familja tagħha fil-Korea.

Dikjarazzjonijiet tal-Papa dwar l-allegat Miraklu Ewkaristiku

Aktar tard, waqt it-talba tal-Angelus, il-Papa Ġwanni Pawlu II stqarr, “Jien ukoll rajt il-Miraklu Ewkaristiku”.

F’Marzu tal-1996,  waqt żjara Ad Limina,qal lill-Isqof Guglielmo: “Jien ukoll rajt il-Miraklu Ewkaristiku permezz ta’ oħtna Julia”.

Il-Pożizzjoni tal-Knisja Kattolika

Il-Knisja Kattolika għadha ma ħarġet l-ebda stqarrija uffiċjali dwar dal-allegat Miraklu Ewkaristiku, iżda l-Vatikan ħa passi biex juri r-rekords tal-Ġrajja u jxandarha.

Il-Knisja Kattolika tirrikonoxxi l-allegat Miraklu Ewkaristiku ta’ Naju iżda l-pożizzjoni uffiċjali tagħha hija waħda ta’ ġudizzju newtrali (“Non constat de supernaturalitate”) li tfisser li għadha ma ddikjaratx uffiċjalment dal-ġrajjiet bħala Sopranaturali.

(N.B. Dwar dan inkomplu nitkellmu fl-artiklu  li jmiss).

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading