Is-suġġett tal-aħħar ħarġa ta’ Knisja Elfejn
Michael Caruana
Il-Paċi: Ħolma jew Realtà? hu s-suġġett tal-aħħar ħarġa tar-rivista Knisja Elfejn, pubblikazzjoni ta’ kull tliet xhur tal-Patrijiet Dumnikani. L-editorjal jitratta s-suġġett u jsostni li m’hemmx isbaħ u ta’ ġid li n-nazzjonijiet kollha jagħrfu jiżirgħu ambjenti sani li jħallu lil dawk li jgħixu fihom jiffjorixxu u jiżviluppaw il-kapaċitajiet tagħhom għall-ġid tal-umanità. Din hi responsabbiltà etika tal-komunità dinjija għax bħalma jrid ikun hemm responsabbiltà kollettiva li tevita l-gwerer, hekk ukoll hemm responsabbiltà kollettiva li trid tippromwovi l-iżvilupp integrali tal-popli kollha fil-mixja tagħhom lejn il-paċi vera.

L-editorjal jibda li kull bniedem ta’ rieda tajba jħoss il-bżonn tal-paċi ġewwinija minħabba li tqawwi fih is-saħħa mentali u emozzjonali, tnaqqas l-istress, turi paċenzja u tolleranza u ttih ħajja aktar trankwilla u kuntenta. Il-paċi ssaħħaħ ir-relazzjoniiet umani billi tippromwovi l-komunikazzjoni u l-għarfien bejn il-persuni b’mod speċjali fil-familji. Għalhekk, isostni l-editorjal ta’ Knisja Elfejn, hu siewi li tingħata edukazzjoni mmirata lejn il-paċi fil-livelli kollha tal-ħajja umana. Ibda miż-żgħir sax-xjuħija.
Il-paċi trid tkun mibnija fuq il-valuri li jibnu lill-bniedem fir-relazzjonijiet tiegħu mal-oħrajn. Ir-rispett lejn il-ħajja umana bid-drittijiet kollha tagħha trid tkun il-bażi biex b’hekk il-paċi tissaħħaħ fost il-bnedmin.
Fuq livell globali, l-editorjal isemmi li l-paċi hi essenzjali għall-progress soċjali u ekonomiku u hi tiggwida lis-soċjetajiet biex ifittxu soluzzjonijiet mingħajr vjolenza u aggressjoni quddiem il-kunflitti li jinbtu minn żmien għal żmien bejn il-ġnus. Hi meħtieġa d-diplomazija biex permezz tal-medjazzjoni, negozjati u djalogu jiġu megħluba l-gwerer u ssir ir-rikonċiljazzjoni. Il-paċi trid tkun mibnija fuq il-ġusitzzja. L-istituzzjonijiet li jaħdmu għall-għaqda fost il-ġnus flimkien mar-reliġjonijiet iridu jkunu l-katalisti biex il-paċi tirrienja f’kull rokna tad-dinja. Fuq kollox trid tkompli ssir ħidma fuq skala internazzjnali għad-diżarmament nukleari u tiġi dejjem iktar imsaħħa l-liġi internazzjonali fejn jidħol il-poter, l-ordni u l-ġustizzja.
Dwar is-suġġett Il-Paċi: Ħolma jew Realtà? huma diversi l-artikli fir-rivista minn kittieba li ntiżi fit-tema tal-paċi.