Messaġġ tal-Papa Ljun XIV waqt l-Angelus fl-Ewwel tas-Sena 2026

SOLENNITÀ TA’ MARIJA SANTISSMA OMM ALLA
LIX JUM DINJI TAL-PAĊI
IL-PAPA LJUN XIV
ANGELUS
Pjazza San Pietru
Il-Ħamis, 1 ta’Jannar, 2026

Għeżież ħuti, is-sena t-tajba!

Filwaqt li x-xhur igerbu, il-Mulej jistedinna nġeddu ż-żmien tagħna u finalment ninawguraw epoka ta’ paċi u ħbiberija bejn il-popli kollha.  Mingħajr dix-xewqa ta’ risq, it-tidwir tal-paġni tal-kalendajru mimlijin appuntamenti jitlef is-sens tiegħu.

Il-Ġublew, li wasal biex jintemm, għallimna kif nikkultivaw it-tama għal dinja ġdida: nikkonvertu qlubna lejn Alla biex l-inġustizzji nibdluhom f’maħfra, in-niket f’faraġ, l-intenzjonijiet sbieħ f’opri tajba.  Infatti, Alla jgħammar fl-istorja tagħna u jsalvaha mit-telfien b’dan il-mod: billi lid-dinja taha r-rigal tar-redentur, lil Ġesù.  Hu l-Iben waħdieni li jsir ħuna, idawwal il-kuxjenzi bir-rieda tajba biex inkunu nistgħu nibnu ġejjieni li jkun dar li tilqa’ kull raġel u mara li jitwieldu.

A propożitu ta’ dan, il-festa tal-Milied illum iddawwar ħarsitna fuq Marija li kienEt l-ewwel li semgħet it-taħbit tal-qalb ta’ Kristu.  Fis-skiet tal-ġuf verġni tagħha, il-Verb tal-ħajja jħabbar lilu nnifsu bħal taħbita tal-qalb ta’ grazzja.

Alla, ħallieq tajjeb, minn dejjem jaf  x’hemm f’qalb Marija u fil-qalb tagħna.  Meta sar bniedem Hu għarrafna l-qalb tiegħu: għalhekk, il-qalb ta’ Ġesù tħabbat għal kull raġel u kull mara.  Għal min hu lest jilqgħu, bħalma għamlu l-pasturi, u għal min ma jridux, bħal Erodi.  Il-qalb tiegħu mhix indifferenti lejn min mhux ħanin mal-proxxmu: tħabbat għall-ġusti sabiex l-impenn tagħhom ma jnin qatt, u għall-inġusti biex jibdlu ħajjithom u jsibu, l-paċi.

Is-salvatur jiġi fid-dinja mwieled minn mara: ejjew nieqfu u nimmeditaw din il-ġrajja, li d-dawl tagħha jiddi f’Marija Sanitissma u jirrifletti bħal f’mera f’kull wild, biex jikxef ix-xbieha divina ttimbrata fil-ġisem tagħna.

Illum nitolbu flimkien għall-paċi: qabel kollox bejn in-nazzjonijiet imdemmija bil-kunflitti u l-miżerja, imma wkoll fi djarna, fil-familji miġrugħin minħabba l-vjolenza u n-niket.  Biċ-ċertezza li Kristu, it-tama tagħna, hu x-xemx tal-ġustizzja li qatt ma tiddallam, bil-fiduċja nitolbu l-interċessjoni ta’ Marija, Omm Alla u Omm il-Knisja.

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

b’għożża nsellem likom ilkoll miġburin fi Pjazza San Pietru f’dan l-ewwel jum tas-sena.  Awguri ta’ paċi u ta’ kull ġid!  B’apprezzament kbir irrodd l-awguri lill-President tar-Repubblika Taljana, Sergio Mattrella.

Mill-1 ta’ Jannar 1968 ‘l hawn, bir-rieda tal-Papa San Pawlu VI, illum niċċelebraw il-Jum Dinji tal-Paċi.  Fil-messaġġ tiegħi ridt inwassal mill-ġdid l-awgurju li nebbaħni bih il-Mulej meta sejjaħli għal dan is-servuzz: “Il-paċi tkun magħkom ilkoll!”  Paċi diżarmata u diżarmanti ġejja minn Alla, don tal-imħabba bla kundizzjonijiet tiegħu, afdata fir-responsabbltà tagħna.

Għeżież, bil-grazzja ta’ Kristu ejjew nibdew mil-lum nibnu sena ta’ paċi, niddiżarmaw qlubna u nastjenu minn kull għamla ta’ vjolenza.

Nesprimi l-apprezzament tiegħi għall-għadd kbir ta’ inizjattivi organizzati fid-dinja kollha għal din l-okkażjoni.  Infakkar b’mod partikolari l-Mixja Nazzjonali li saret ilbieraħ filgħaxija f’Catania u nsellem lill-parteċipanti tal-Mixja li organizzat illum il-Komunità ta’ Sant’Egidio.

Insellem ukoll lill-grupp ta’ studenti u għalliema minn Richland, New Jersey u lir-rumani u l-pellegrini li hawn preżenti.

Fil-bidu ta’ din is-sena, li fiha jaħbat it-tmien ċentinarju tal-mewt ta’ San Franġisk, nixtieq inwassal il-barka tiegħu lil kull persuna, barka meħudha mill-Iskrittura Mqaddsa: “Il-Mulej ibiekek u jħarsek; jurik wiċċu u jkollu ħniena minnek; idawwar ħarstu lejk u jtik il-paċi”.

Jalla l-Omm Qaddisa ta’ Alla tiggwidana fil-mixja tul din is-sena ġdida.  Awguri lil kulħadd!

Miġjub għall-Malti minn Joe Huber

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading