Adorazzjoni. Epifanija tal-Mulej

Intom li qed tfittxu ‘l Kristu,

għollu ‘l fuq il-ħarsa tagħkom:

hemm, taraw biċ-ċar sinjali

ta’ sebħ kbir li qatt ma jonqos.

Missierna, Sliema, Glorja.

Hemm hi l-kewkba, lid-dawl tagħha

jegħleb sa lix-xemx fil-qawwa;

hi qed tħabbar li fid-dinja

niżel Alla bħala bniedem.

Missierna, Sliema, Glorja.

Minn fejn tibda x-xemx il-ġirja,

tliet għorrief tal-Persja jfissru

x’inhi l-kewkba: fiha jilmħu

xhieda tas-sultan li wasal.

Missierna, Sliema, Glorja.

Min hu dan – jistaqsu w jgħidu –

dan li jordna sa lill-kwiekeb,

li quddiemu s-sema jibża’,

dwal u x-xemx qaddejja tiegħu?.

Missierna, Sliema, Glorja.

Dan tassew xi ħadd bla bidu,

mingħajr tmiem, tal-għaġeb, għoli,

li bla tar fil-kobor tiegħu,

li kien qabel l-art u s-sema.

Missierna, Sliema, Glorja.

Ġnus, dan huwa s-sultan tagħkom

u s-sultan tal-poplu Lhudi,

li għal dejjem kien imwiegħed

lil Abraham missierna w nislu.

Missierna, Sliema, Glorja.

Silenzju/background music      2 min           Innu: ____________

Qari mill-Evanġelju skond San Mattew                                   Mt 2,1-12

Meta twieled Ġesù f’Betlehem tal-Lhudija, fi żmien is-sultan Erodi, xi maġi mil-Lvant ġew Ġerusalemm jistaqsu: “Fejn hu dak li twieled sultan tal-Lhud? Għax rajna l-kewkba tiegħu tielgħa, u ġejna nqimuh”. Is-sultan Erodi sama’ bihom, u tħawwad hu u Ġerusalemm kollha miegħu. Ġabar flimkien il-qassisin il-kbar u l-kittieba kollha tal-poplu, u ried jaf mingħandhom fejn kellu jitwieled il-Messija. U huma qalulu: “F’Betlehem tal-Lhudija, għax hekk inkiteb mill-profeta: “U int, Betlehem, art ta’ Ġuda, le, m’intix l-iżgħar fost il-bliet il-kbar ta’ Ġuda, għax minnek joħroġ mexxej li jirgħa l-poplu tiegħi Iżrael”.

Erodi mbagħad sejjaħ lill-maġi bil-moħbi, u tkixxef bir-reqqa kollha mingħandhom iż-żmien li fih dehritilhom il-kewkba; bagħathom Betlehem u qalilhom: “Morru, staqsu sewwa għat-tifel, u meta ssibuh ejjew għiduli, ħalli jien ukoll niġi nqimu”.

Dawk, wara li semgħu lis-sultan, telqu, u ara, il-kewkba li kienu raw tielgħa bdiet miexja quddiemhom sakemm waslet u waqfet fuq il-post fejn kien hemm it-tifel. Kif raw il-kewkba mtlew b’ferħ kbir tassew. Meta mbagħad daħlu d-dar u raw lit-tifel ma’ ommu Marija, inxteħtu fl-art iqimuh; fetħu t-teżori tagħhom u offrewlu rigali: deheb, inċens u mirra. Imbagħad, billi kienu mwissijin f’ħolma biex ma jerġgħux imorru għand Erodi, telqu lura lejn arthom minn triq oħra.

Il-Kelma tal-Mulej

Inroddu ħajr lil Alla

Silenzju/ soft background music         1min

L-istorja tal-Maġi jfittxu lil Ġesù mhix storja qadima, mhix storja ta’ darba. Hija l-istorja tagħna lkoll u ta’ kuljum. Kulħadd għandu xewqa naturali li f’ħajtu jsib il-verità, t-tjubija, s-sbuħija, l-għaqda, l-imħabba u l-ħajja bla tmiem. Kulħadd taħt sura jew oħra jfittex dawn il-valuri… ħwejjeġ li jixirqu ‘l bniedem. Biex aħna mhux biss infittxu, imma nsibu wkoll, Alla bagħat lil Ibnu, Ġesù Kristu, biex Fih u fit-tagħlim tiegħu, insibu l-milja ta’ dawn il-valuri.

Ġesù qalilna, “Min ifittex isib”. Il-Maġi fittxewh u sabuh. L-Epifanija huwa aħna li rridu niċċaqalqu biex infittxuh. Kemm hemm bżonn li aħna nagħmlu esperjenza vera ta’ Ġesù f’ħajjitna. Meta tassew niltaqgħu ma’ Ġesù, huwa jibdilna. L-Maġi marru pagani u telqu nsara. Huma offrewlu rigali materjali, Hu offrilhom Lilu nnifsu. L-istorja tal-Maġi, hija l-istorja ta’ kull wieħed u kull waħda minna. Kemm hemm bżonn li nħallu lil Ġesù jagħmel id-differenza fil-ħajja tagħna. Jien qed inħalli lil Ġesù fl-Ewkaristija, u fl-Iskrittura Mqaddsa jmiss l-qalb tiegħi?       

Silenzju/ soft background music                 3 min

Kull esperjenza ta’ laqgħa ma’ Ġesù ġġagħalna naqbdu toroq differenti, għax minnu tiġi qawwa pożittiva li tfejjaq il-qalb u tbegħedna mill-ħażen. Il-Maġi marru lura lejn arthom minn triq oħra. Dan jurina li huwa dmir tagħna li ninbidlu, li nibdlu l-mod ta’ kif ngħixu, li nibdlu l-kriterji tal-ġudizzju tagħna dwar ir-realtà li għandna madwarna. Din hi l-vera differenza bejn Alla veru u l-idoli tad-dinja, bħalma huma l-flus, il-poter, is-suċċess…; bejn Alla u dawk li jwegħdu li jtuk dawn l-idoli, bħalma huma dawk li jaqraw ix-xorti, dawk li jagħmlu l-maġija. Id-differenza hi li l-idoli jorbtuna magħhom, jagħmluna dipendenti minnhom, u li ma noqgħodux mingħajrhom. Il-veru Alla, la jżommna u lanqas iridna nżommuh għalina: jiftħilna toroq ġodda, u ta’ libertà, għaliex hu Missier li Hu dejjem magħna biex jgħinna nikbru.

Jekk niltaqgħu ma’ Ġesù, jekk nagħmlu laqgħa spiritwali miegħu, niftakru: li rridu nerġgħu lura lejn l-imkejjen tas-soltu, imma minn triq oħra, bi stil ieħor ta’ ħajja. U b’hekk ikun l-Ispirtu s-Santu, li jagħtina Ġesù, li jibdel il-qalb tagħna.                 

Silenzju/ soft background music                 4 min

Kant: ________________

Talbiet tal-Komunitá

Id-dinja kollha hi msejħa biex tagħraf li Ġesù hu l-Mulej. Ejjew induru lejn il-Mulej Alla Missierna, fiduċjużi li se jisma’ u jwieġeb għat-talb tagħna:

Nitolbu għall-Knisja, biex bla heda ma tieqaf qatt turi l-glorja ta’ Kristu lill-bnedmin kollha. Nitolbu.

Nitolbu għall-paċi fid-dinja, biex dik il-paċi li jagħtina Kristu ssir realtà għan-nazzjonijiet kollha. Nitolbu.

Nitolbu għal dawk kollha li qed ifittxu t-tifsira tal-iskop f’ħajjithom, li fit-tfittxija tagħhom, jaslu biex jagħrfu lil Kristu bħala sors tal-għerf u dawl tad-dinja. Nitolbu.

Għal dawk kollha li huma morda, jew qegħdin ibatu, għall-imwarrba, u għall-imnikkta, ħalli d-dawl ta’ Kristu joħroġhom mid-dlam tal-qrusa tal-ħajja. Nitolbu.

Nitolbu għall-parroċċa tagħna, ħalli tkun komunità b’saħħitha, mibnija fuq l-imħabba, x-xhieda qawwija tal-preżenza ta’ Alla. Nitolbu.

Għalina lkoll, biex niskopru aktar fil-fond il-misteru tal-Ewkaristija, u nqimu lill-Mulej bħalma għamlu l-Maġi. Nitolbu.    

Ejjew issa nagħmlu t-talba personali tagħna.

Tingħata l-Barka Sagramentali:

Kant: Dal Misteru

3 thoughts on “Adorazzjoni. Epifanija tal-Mulej”

  1. Jien għadni kemm indunajt bihom din il-ġimgħa u għoġbuni l-ħsibijiet li hemm fl-adorazzjoni tal-Epifanija għax rajthom tajbin biex nużawhoml-knisja. Imma naturalment, kieku rridu narawhom fil-bidu tal-ġimgħa, it-Tlieta per eżempju biex nilħqu nipprintjaw eċċ. Grazzi ħafna

  2. Grazzi għal dawn il-ħsibijiet għal waqt adorazzjoni. Nixtieq inkun naf meta nkun nista’ nara l-ħsibijiet għall-Ħadd li jkun ġej għax nhar ta’ Ħamis nagħmlu adorazzjoni fil-parroċċa, u allura tkun ta’ għajnuna kbira li nkunu nistgħu nirreferu għall-adorazzjoni li intom toffrulna.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading