Il-Knisja Lhudija (3)

Mill-istorja tal-Knisja Nisranija

F’din il-parti tal-istorja tal-Knisja naraw kif twieldet il-komunita’ Nisranija f’Ġerusalemm u kif minn din il-belt din il-Fidi Nisranija nfirxet mal-kumplament tal-Imperu waqt li fl-istess ħin bdiet tinqata’ mill-benniena Ġudajka li fiha twieldet.

L-ewwel Insara f’Ġerusalemm kienu Lhud li ħajjithom kienet għadha iddur mal-Liġi Ebrajka, mal-Liġi ta’ Mosè u t-Tempju. Madanakollu għall-kuntrarju tas-setet l-oħra li kien hemm fost il-Lhud, huma kienu jqisu lil Ġesù bħala l-Messija mwiegħed li qam mill-mewt. Barra minn hekk huma kienu jfakkru l-aħħar ikla tal-Mulej bil-qsim tal-ħobż ġo darhom.

Mill-Atti ta’ l-Appostli nafu li din il-komunità kienet immexxija mill-appostli u li kien hemm qsim komuni f’dak li huwa ġid. L-istampa murija hija waħda ta’ mħabba u armonija hekk kif ried Kristu. Iżda jidher li f’dan l-ambjent kien hemm xi tensjonijiet ukoll.

Xi storiċi fosthom Dwyer huma tal-fehma illi f’din il-komunità, kien hemm xi firdiet bejn dawk il-Lhud tal-post u l-Ellenisti. Dan jidher mill-fatt li fl-Atti tal-Appostli kienu minn fost l-Ellenisti li r-romol talbu min jieħu ħsiebhom u minħabba f’hekk intgħażlu s-seba’ djakni li minn isimhom juru influwenza Griega (fosthom Stiefnu).

Id-djaknu Stiefnu, l-ewwel marti tal-Knisja Nisranija

X’aktarx illi kien dan il-grupp li kien fil-mira tal-persekuzzjoni li fiha nqatel Stiefnu u li wasslet biex numru ta’ nsara jaħarbu minn Ġerusalemm u jifirxu l-fidi fil-Palestina kollha, inkluż is-Sammarija, u saħansitra waslu sa Antijokja fejn bdew jissejħu Nsara għall-ewwel darba.

Nafu mill-Atti li wara xi żmien kien hemm ukoll element Ġentili (mhux Lhudi) li beda jsir parti mill-Knisja. Fost il-bosta setet jew partiti Lhud dan ma kien fih xejn ġdid. Dawn l-hekk imsejħa proseliti, kienu jridu joqogħdu taħt il-Liġi ta’ Mosè. Iżda għall-Insara dan kellu jkun għajn ta’ firda u diskussjoni, għaliex biex Pagan isir Nisrani, kellu bilfors isir Lhudi. Kienet din id-diskussjoni li fiha kellu jħalli sinjal dak illi forsi wara kellu jħalli l-akbar impronta fir-reliġjon Nisranija, Sawlu minn Tarsu jew aħjar San Pawl.

Pawlu kien Lhudi Fariżew kollu ħeġġa lejn il-Ligi ta’ Mosè. Kienet din il-ħeġġa li waslitu biex jippersegwita lill-Insara. Iżda l-konverżjoni tiegħu waslitu biex jibdel din il-ħeġġa għall-oħra akbar lejn Kristu. Għal Pawlu kull min jissieħeb ma’ Kristu għandu libertà li tisboq lil kull Liġi. Dan għaliex in-Nisrani hu bniedem ġdid mifdi li neża’ l-bniedem il-qadim għax mifdi mit-Tieni Adam. Kien dan il-messaġġ li Pawlu wassal fil-vjaġġi missjunarji tiegħu, hekk kif xandar l-Aħbar it-Tajba sew lil-Lhud kif ukoll lill-Pagani.

Il-ħidma ta’ Pawlu qajmet oppożizzjoni minn dawk l-Insara Lhud li ppruvaw idaħħlu l-osservanza tal-Ligi fost l-Insara Pagani. Din it-tensjoni li tidher hekk ċara f’uħud mill-ittri ta’ Pawlu wasslet biex jissejjaħ l-ewwel “Konċilju” tal-Knisja, dak ta’ Ġerusalemm (c.49 AD). Ir-riżultat kien li l-Pagani ġew eżentati mil-Liġi Możajka, deċiżjoni li kellha tgħin mhux biss fil-firxa tal-Kristjaneżmu imma fid-direzzjoni li din ir-reliġjon kellha tieħu.

Il-fatt li l-Kristjaneżmu kompla jinfirex indipendentament mil-liġi wassal biex il-Komunità Nisranija/Lhudija saret iżolata, maqtugħa mill-kumplament tal-Knisja. Din il-Knisja kellha tbati persekuzzjonijiet fosthom il-mewt ta’ l-ewwel Isqof tagħha Ġakbu l-Kbir (44 AD), kif ukoll tat-Tieni wieħed Ġakbu ż-Żgħir (62AD). Iżda l-akbar daqqa ħaditha mal-qawmien tal-Poplu Lhudi u l-waqgħa ta’ Ġerusalemm (70 AD). L-Insara ma kinux ħadu sehem f’dan l-irvell iżda kienu qasmu l-Ġordan u sabu kenn f’ Pella. Dan wassal biex aktar ma beda jgħaddi ż-żmien aktar l-Insara bdew jiġu mwarrba mil-Lhud sakemm fis-sena 91 AD waqt laqgħa f’Ġamnija, l-ogħla awtoritajiet Lhud keċċew formalment lill-Insara mis-Sinagogi.

Il-Kristjaneżmu Lhudi kien wasal fi tmiemu iżda hu żgur li sar-raba’ seklu kien għad fadal xi traċċi fil-Lvant Nofsani (għalkemm x’aktarx maqtugħin mill-Knisja Universali minħabba l-ereżija) u sallum fil-Knejjes Kopti Ortodossi ta’ l-Eġittu u l-Etjopja, wieħed jistà jara drawwiet u riti li jmorru lura għall-bidu Lhudi tal-fidi.

Tajjeb li nifhmu li l-għażla li l-Knisja timxi ‘l barra mil-Liġi ta’ Mosè fissret aktar ftuħ lejn il-popli Ġentili. Min-naħa l-oħra, kienu bosta l-Insara li ħasbu li dan kien ifisser stmellija lejn dawn in-nies li l-Knisja llum tgħallimna li huma l-aħwa l-kbar tagħna u għalhekk jistħoqqilhom kull rispett.

Ftakar:

  1. L-Insara ta’ Ġerusalemm kienu Lhud taħt il-Liġi ta’ Mosè.
  2. Il-firda bejn l-Ellenisti u l-oħrajn.
  3. Is-sehem ta’ Pawlu u l-ħelsien mil-Liġi
  4. It-tmiem tal-Kommunità Nisranija/Lhudija.

Aktar kitbiet minn Joe Galea dwar l-Istorja tal-Knisja … https://laikosblog.org/jb_storja_knisja_kristjanezmu/

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading