Messaġġ tal-Papa Ljun XIV waqt l-Angelus fil-festa tal-Magħmudija tal-Mulej

FESTA TAL-MAGĦMUDIJA TAL-MULEJ
IL-PAPA LJUN XIV
ANGELUS
Pjazza San Pietru
Il-Ħadd 11 ta’ Jannar, 2026

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Il-festa tal-Magħmudija ta’ Ġesù li qed niċċelebraw illum tagħti bidu għaż-Żmien Ordinarju: dal-perjodu tas-sena liturġika li jistedinna biex nimxu wara l-Mulej, nisimgħu Kelmtu u nimitaw il-ġesti tiegħu ta’ mħabba lejn il-proxxmu.

Infatti, hu b’hekk li nikkonfermaw u nġeddu l-Magħmudija tagħna, jiġfieri s-Sagrament li jagħmilna nsara, jeħlisna mid-dnub u jibdilna f’ulied Alla, bil-qawwa tal-Ispirtu tiegħu li jagħti l-ħajja.

L-Evanġelju li smajna, jirrakkonta kif tnissel das-sinjal effikaċi tal-grazzja.  Meta talab lil Ġwanni jgħammdu fix-xmara Ġordan, Ġesù “ra l-Ispirtu ta’ Alla nieżel qisu ħamiema u ġej għal fuqu. U mis-smewwiet instama’ leħen il-Missier jgħid: “Dan hu Ibni l-għażiż” (v. 17).  Dak il-ħin it-Trinita’ daħlet fl-istorja: bħalma l-Iben niżel fl-ilma tal-Ġordan, l-Ispirtu niżel fuqu u permezz tiegħu ingħata lilna bħala qawwa ta’ salvazzjoni..

Għeżież, Alla ma jogħqodx iħares lejn id-dinja mill-bogħod, bla ma jmiss ħajjtina, il-gwaj tagħna u l-istennija tagħna!  Hu jiġi fostna bl-għerf tal-Verb tiegħu magħmul bniedem, u jwaħħadna ma’ proġett sorprendenti ta’ mħabba għall-umanità kollha kemm hi.

Għalhekk Ġwanni mistagħġeb isaqsi lil Ġesù: “Int tiġi għandi?” (v. 14)  Iva, bil-qdusija tiegħu il-Mulej jitgħammed bħall-midinbin kollha biex jurina l-ħniena bla tarf ta’ Alla.  L-Iben il-Waħdieni, li fih aħna lkoll aħwa, infatti, jiġi biex jaqdi mhux biex jiddomina, biex isalva mhux biex jikkundanna.  Hu il-Kristu Redentur: jieħu fuqu dak kollu li hu tagħna, inkluz id-dnub, u jtina dak li hu tiegħu, jiġifieri l-grazzja ta’ ħajja ġdida u eterna.

Is-Sagrament tal-Magħmudija jikkonkretizza dil-ġrajja f’kull żmien u f’kull imkien, fina jintroduċi l-Knisja, li hi l-poplu t’Alla, magħmul minn irġiel u nisa minn kull nazzjon u kultura, imweldin mill-ġdid mill-Ispirtu tiegħu.

Għalhekk, niddedikaw dan il-jum biex inġeddu l-memorja ta’ dan id-don kbir li rċevejna, nimpenjaw ruħna li nkunu xhieda tiegħu bil-ferħ u l-koerenza.  Propju llum għammidt xi trabi li saru ħutna ġodda fil-fidi: kemm hu sabiħ tiċċelebra l-imħabba t’Alla, li jsejħilna b’isimna u jeħlisna mid-deni, ilkoll flimkien, bħal familja waħda! L-ewwel wieħed fost is-Sagramenti hu sinjal sagru, li jakkumpanjana tul ħajjitna kollha.  Fis-siegħat tad-dlam, il-Magħmudija hi dawl; fil-kunflitti tal-ħajja, il-Magħmudija hi rikonċiljazzjoni; fil-waqt tal-mewt, il-Magħmudija hi l-bieb tas-sema.

Nitolbu flimkien lill-Verġni Marija u nitolbuha twieżen kuljum il-fidi tagħna u l-missjoni tal-Knisja.

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

kif diġà għidt, dalgħodu – skont drawwa fil-festa tal-Magħmudija ta’ Ġesù – għammidt xi trabi, ulied xi dipendenti tas-Santa Sede.  Issa rrid inbierek ukoll lit-tfal kollha li dal-ġranet irċevew jew se jirċievu l-Magħmudija, f’Ruma u fid-dinja kollha, u nqegħedhom taħt il-protezzjoni materna tal-Verġni Marija.  Nitlob b’mod partikolari għal dawk it-tfal li twieldu f’kundizzjonijiet diffiċli, kemm minħabba raġunijiet ta’ saħħa kif ukoll minħabba perikli esterni.  Jalla l-grazzja tal-Magħmudija, li tgħaqqadhom ilkoll mal-misteru paskwali ta’ Kristu, taħdem fihom u fil-familji tagħhom, b’mod effikaċi.

Ħsiebi jdur lejn dak li qed jiġri f’dal-ġranet fil-Lvant Nofsani, partikolarment fl-Iran u fis-Sirja, fejn tensjonijiet persistenti qed iġibu l-mewt ta’ ħafna persuni.  Nawgura u nitlob li, bil-paċenjza tidħol il-kultura tad-djalogu u l-paċi fit-tfittxija għall-ġid komuni tas-soċjetà kollha kemm hi.

Fl-Ukrajna għadhom għaddejjin attakki partikolarment gravi fuq l-infrastrutturi tal-enerġija li qed jolqtu ħażin għall-aħħar lill-popolazzjoni ċivili, issa li qed tagħfas il-kesħa.  Nitlob għal min qed isofri u nġedded l-appell biex tieqaf il-vjolenza u jkunu intensifikati l-isforzi biex tinġieb il-paċi.

U issa nsellem lilkom ilkoll, rumani u pellegrini preżenti llum fi Pjazza San Pietru.  Grazzi, thank you, muchas gracias!

Insellem b’mod partikolari lill-grupp tal-iskola Everest, minn Madrid u l-assoċjazzjoni “Bambini Fratelli” minn Guadalajara, fil-Messiku: “Dejemos que los niños sueñen” (Ħallu lit-tfal jħolmu).

Nawguralkom ilkoll il-Ħadd it-tajjeb!

Miġjub għall-Malti minn Joe Huber

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading