2 Ħadd Matul is-Sena “A”

Ħsieb ta’ D. Edward Vella

Waħda mill-kelmiet li sikwit nisimgħu meta nkunu l-knisja u li forsi ftit nifhmuha hija l-kelma ‘salvazzjoni’. Xi tfisser din il-kelma u xi jfisser meta ngħidu Alla jrid isalva lill-bniedem? Is-salvazzjoni tfisser li Alla jrid jagħtina dak kollu li hu verament ta’ ġid għalina; għalhekk mhux biss is-salvazzjoni tar-ruħ, iżda salvazzjoni tal-bniedem sħiħ. Alla jrid l-akbar ġid tal-bniedem u għalhekk irid isalvah. Però minn xiex?

Meta Alla ħalaq il-bniedem ħalqu biex ikun il-ħabib tiegħu, jiġifieri li l-bniedem kellu relazzjoni speċjali u profonda ma’ Alla; din ir-relazzjoni ma kienetx bħal kull relazzjoni oħra  iżda kienet l-essenza tad-dinjità tal-bniedem, biex ngħidu hekk il-bniedem mingħajrha ma jagħrafx min hu u d-dinjità tiegħu u jispiċċa biex ikisser lilu nnifsu u d-dinja ta’ madwaru. Mhux hekk qed jiġri fid-dinja tal-lum x’ħin inħarsu madwarna u naraw x’jasal li jagħmel il-bniedem li jabbanduna lil Alla. Mhux hekk turina qalbna li għad li tixtieq u tfittex il-ħwejjeġ tad-dinja iżda bihom hi qatt ma timtela u qatt ma ssib is-sens tagħha. Għalhekk meta l-bniedem infired minn Alla bid-dnub Alla ried isalvah; jiġifieri ried jeħilsu mis-sitwazzjoni miskina li kien poġġa lilu nnifsu fiha meta nfired minnU. Mela s-salvazzjoni tfisser Alla li jerġa jersaq lejna biex jagħtina dak li d-dinja ma tistax tagħtina jiġifieri l-possibiltà li nerġgħu nibnu ħajjitna mill-ġdid f’għaqda sħiħa miegħu permezz ta’ Ġesù.

Fl-ewwel qari tal-lum smajna dan il-kliem, ‘Tkun ħaġa żgħira wisq għalik,
li inti tkun il-qaddej tiegħi,
Jien nagħmel minnek dawl għall-ġnus,
biex is-salvazzjoni tiegħi sa truf l-art tinfirex
’. Dan il-kliem Alla qiegħed jgħidu għall-poplu tiegħu, iżda fuq kollox japplika għal Ġesù li kellu jitwieled u jiżvolġi l-missjoni tiegħu qalb dan il-poplu. Alla jrid jurina min hu Ġesù, bħal qed jgħidilna, ‘dan huwa dak li għandu l-kwalifiċi kollha biex isalvakom’.

Is-Salm tal-lum jesprimi l-karba tal-poplu t’Alla li jixxennaq għas-salvazzjoni: ‘Ittamajt b’tama qawwija fil-Mulej; hu niżel ħdejja u sama’ l-għajta tiegħi.It-tweġiba Alla jagħtihielna kollha kemm hi permezz ta’ Ġesù Ibnu, il-Kelma t’Alla magħmula laħam. Infatti Alla ma jridx iżjed sagrifiċċji ta’ annimali iżda ‘widnejja inti ftaħtliu jekk nisma l-Kelma u ngħixha ‘imbagħad jien għedt: “Hawn jien, ġej”’, nkun nista’ bil-ferħ ta’ qalbi nagħmel ir-rieda tiegħu u nxandar il-ġustizzja tal-Mulej.

Fl-Evanġelju tal-lum Ġwanni l-Battista jkompli jurina min hu Ġesù, ‘Ġwanni, ra lil Ġesù riesaq lejh, u qal: “Araw il-Ħaruf ta’ Alla, li jneħħi d-dnub tad-dinja.Għax id-dnub hu l-akbar għadu tagħna, id-dnub jifridna minn Alla u bejnietna, joħloq firda ġo qalbna u saħansitra joħloq firda bejn il-bniedem u l-ħolqien li tana Alla. Ġwanni qieghed jixhed lill-poplu ta’ żmienu u lid-dinja ta’ żmienna li wieħed biss huwa dak li għandu s-soluzzjoni quddiem il-problemi tad-dinja u dan hu Ġesù. Huwa jkompli jgħidilna li l-bażi ta’ din ix-xhieda tiegħu dwar Ġesù ma huwiex xi bniedem li jista’ jiżbalja iżda l-Ispirtu s-Santu. “Jiena rajt l-Ispirtu nieżel mis-sema bħal ħamiema u joqgħod fuqudak li bagħatni ngħammed bl-ilma, hu stess qalli:Fuq min tara l-Ispirtu jinżel u joqgħod, dak hu li jgħammed bl-Ispirtu s-Santu”. Dan rajtu b’għajnejja, u għalhekk xhedt, dan hu l-Iben ta’ Alla”. Int u jien fejn qed infittxu is-salvazzjoni, min naħseb li jista’ jsalvani? Ġesù jew xi lotterija, jew xi ħadd ieħor?

Mulej Ġesù minn qalbna nitolbuk la tħarisx lejn il-miżerja tagħna li sikwit infittxu biss dak li tista’ tagħtina id-dinja ta’ madwarna, iżda għinna nagħrfu tassew min int u kemm tħobbna biex hekk inpoġġu l-fiduċja tagħna biss fik. Ammen.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading