MIN JAF IL-MULEJ HUX QED JITLOB XI ĦAĠA IKTAR MINN GĦANDI?
Ħa nibda l-omelija tal-lum billi naqralkom siltiet minn esperjenza spiritwali ta’ mara miżżewġa omm ta’ żewġt itfal, sibtha f’magazine li wasalli d-dar. Mela dil-mara kitbet xi ħaġa hekk: “Bdejt inħoss serħan kbir fil-ftit ħin li kont nagħmel wara l-quddiesa nitkellem mal-Mulej fit-talb…Biż-żmien sibtni aħjar niċċaħħad mit-television, mit-tpaċpiċ fil-vojt, mill-frugħa, u ngħaddi iktar ħin insegwi xi programm reliġjuż, naqra l-ħajjiet tal-qaddisin u mmur sal-knisja nagħmel ftit adorazzjoni…kont inħoss konsolazzjoni, ferħ, serħan, ħlewwa u paċi…Iktar minn hekk, kont nisma’ l-Mulej jgħidli fis-skiet ta’ qalbi: “Jien nixtieq xi ħaġa iktar minn għandek, għandi bżonnok…! U f’dawn il-mumenti ta’ talb kont spiss inwieġbu: ‘Imma, Mulej, jien il-vokazzjoni tiegħi diġa’ għażiltha: jiena mara miżżewġa b’żewġt it-tfal: ħini kollu okkupat bil-familja; kif nista’ nagħmel xi ħaġa oħra?’
Iż-żmien baqa’ għaddej u ġietni x-xewqa li nagħmel xi xogħol ta’ volontarjat…imma fejn? Ma’ min? Mela jum fost l-oħrajn, waqt adorazzjoni, żewġ nisa ġew fuqi u staqsewni jekk ridtx ningħaqad magħhom fil-grupp li jieħu ħsieb l-attivitajiet tal-karita’ fil-parroċċa. It-tweġiba tiegħi kienet ‘iva’ kbira! Qed ikolli ħafna esperjenzi sbieħ. Meta mmur niltaqa’ mal-anzjani fi djarhom, inkun qegħda niltaqa’ mal-Mulej f’dik it-tbissima, dik it-tgħanniqa, dik il-bewsa, dik il-qatra dmugħ ta’ mħabba jew ta’ niket ġejja mis-solitudni jew mill-mard… ”
Bdejt b’din l-esperjenza għax illum xtaqt nasal għal domanda ta’ min jaħseb fuqha bis-serjeta’ u jipprova jwieġeb għaliha.
Aħna mgħammdin, aħna niġu l-knisja, aħna nqerru ta’ spiss, aħna nitqarbnu…Min jaf il-Mulej hux qed jitlob xi ħaġa iktar minn għandi bħala membru tal-Knisja li Hu waqqaf ftit iktar minn elfejn sena ilu? Nafu kif elfejn sena ilu, Ġesu’ ġie fid-dinja, għamel tletin sena moħbi ġewwa Nazaret u mbagħad ħareġ fil-beraħ iħabbar u jibda jwaqqaf proġett jew pjan għas-salvazzjoni tal-bniedem sħiħ, allura mhux pjan għas-salvazzjoni ta’ ruħu biss, imma ta’ ġismu wkoll, tal-emozzjonijiet li jħoss, tas-sitwazzjoni soċjali li fiha qed jgħix, tal-ħajja tiegħu f’relazzjoni mal-oħrajn…Fil-fatt nista’ nibda bl-aħħar kelmiet li qalilna San Mattew fil-vanġelu tal-lum: “Ġesu’ dar il-Galilija kollha, jgħallem fis-sinagogi tagħhom, ixandar il-Vanġelu tas-Saltna u jfejjaq kull xorta ta’ mard u d-dgħufija fost il-poplu.”
Naturalment, biex iwettaq dal-pjan ta’ mħabba favur il-bniedem sħiħ, Ġesu’ kellu bżonn nies li jgħinuh. Għalhekk f’dan il-vanġelu narawh idur ma’ xatt il-baħar tal-Galilija u jibda jsejjaħ għal warajh l-ewwel dixxipli tiegħu. Dawn l-ewwel dixxipli tiegħu kienu rġiel komuni, sempliċi, mingħajr skola…imma mħarrġin sewwa fis-sengħa tas-sajd. Ninnotaw li Ġesu’ ma jisirqilhomx din is-sengħa tas-sajd imma jibdililhom f’kariżma jew f’don biex iħaddmuh favur ħuthom il-bnedmin. Nistħajluh jgħidilhom: “S’issa kontu taqbdu l-ħut…mil-lum ‘il quddiem se taqbdu l-bnedmin.”
Nistgħu ngħidu li dal-vanġelu huwa vanġelu vokazzjonali: Ġesu’ kien, għadu u se jibqa’ jsejjaħ żgħażagħ (ġuvintur u tfajliet) biex iħallu kollox u jimxu warajh għax għandu bżonnhom biex ikompli jwaqqaf is-Saltna tiegħu. X’ imkien fil-vanġelu, Ġesu’ jgħidilna: “Il-ħsad huwa kbir, imma l-ħaddiema huma ftit…għalhekk itolbu lil Sid il-ħsad biex jibgħat iktar ħaddiema fil-ħsad tiegħu.” Qegħdin nitolbu xejn għal iktar vokazzjonijiet? Qegħdin naħdmu xejn għal iktar vokazzjonijiet? Tgħid aħna s-saċerdoti u r-reliġjużi qegħdin inkunu xhieda ta’ dak li suppost aħna?
Konna qegħdin nitkellmu fuq dawk is-sajjieda li ħallew kollox u marru wara Ġesu’…Imma rridu ngħidu wkoll li biex fehmu sewwa min kien Ġesu’ u biex daħlu fil-mentalita’ tiegħu, ried jgħaddi ż-żmien għax ilkoll kellhom id-difetti u l-iżbalji tagħhom. Hekk pereżempju, dawn is-sajjieda kienu nies ambizzjużi (kienu jistaqsu bejniethom min minnhom kien l-akbar), fis-siegħa tal-prova Pietru ċaħdu għal tliet darbiet u Ġuda l-iskarjota ittradieh u biegħu għal tletin biċċa tal-fidda. Kif qegħdin naraw, ilkoll kemm huma kellhom id-difetti u l-iżbalji tagħhom. Ngħid biss li dik il-kelma “indmu”, qabel kien jgħidha Ġwanni l-Battista, issa qed jgħidha Ġesu’, kienet tgħodd għalihom u tgħodd għalina wkoll.
Meta ngħid li l-kelma “indmu” tgħodd għalina wkoll, irrid inżomm f’moħħi li minn meta ntqalet, għaddew iktar minn elfejn sena. Nistaqsi lili nnifsi: “Jien naf min hu Ġesu’?” Nagħmel din id-domanda għax x’aktarx naf fuq Ġesu’ (smajna bih, qrajna fuqu, qalulna fuqu) imma ma nafux min hu Ġesu’. Jiġifieri, ibda minni, m’aħniex familjari miegħu, m’għandniex relazzjoni intima miegħu. Minn fejn tiġi dil-familjarita’ u dir-relazzjoni intima miegħu? Kittieb Ingliż jgħid hekk: “Insiru familjari ma’ Ġesu’ u nibnu relazzjoni intima miegħu jekk inkellmuh fis-skiet ta’ qalbna. Importanti li nieħdu parir minn għandu meta l-ilma tal-baħar imqalleb jipprova jkissirna.”
Xi ħadd ieħor qal: “Insiru familjari miegħu meta ninżgħu l-gosti tagħna u nilbsu l-gosti tiegħu għax Hu jaf x’inhu l-aħjar għalina. Il-pjan tiegħu għalina, forsi ma naqblux miegħu għax narawh sewdieni, pero’ jgħaddi ż-żmien u nindunaw li alla ħares ma kienx dak il-pjan: kif iħobbu jgħidu: “Alla kapaċi jikteb dritt fuq versi mgħawġin!”
Nikkonkludi. Ħafna jgħidu li llum waslet is-siegħa tal-lajċi! L-Ispirtu s-Santu qed iqajjem fil-Knisja gruppi ta’ lajċi li f’kollaborazzjoni mas-saċerdoti, jidħlu għal inizjattivi varji ta’ apostolat. Min jaf il-Mulej hux qed jitlob minnek xi ħaġa iktar mill-quddiesa tal-Ħadd?