Minn Dun Pawl Sciberras
It-tifħir lil Alla hu wieħed mill-forom tat-talb li nsibu fil-Bibbja, flimkien mat-talb propju (petizzjoni), ta’ tpattija jew ta’ ndiema, u ta’ radd il-ħajr. Ħafna drabi t-tifħir u r-radd il-ħajr insibuhom flimkien; fil-fatt, bħala forma letterarja jaqblu ħafna bejniethom bid-differenza li fit-tifħir infaħħru ’l Alla għal dak li hu fih innifsu, għas-setgħa, il-kobor u għall-attributi tiegħu kollha; fir-radd il-ħajr nagħrfu dak li għamel magħna u għalina u ta’ dan niżżuh ħajr. F’ħafna testi ż-żewġ sentimenti, tat-tifħir u r-radd il-ħajr, insibuhom flimkien bħala sinonimu (Salmi 35,18; 69,31; 109,30). It-tifħir hu l-isfog tal-qalb tal-bniedem li jagħraf lil Alla u l-kobor tiegħu. Jagħraf lil Alla fil-ħolqien. Hu u jħares lejn il-ħlejjaq ta’ madwaru u jara l-ġmiel u l-kobor tagħhom, jintrefa’ lejn Alla li għamilhom u jinfexx f’innijiet ta’ tifħir. “Mulej, Sid tagħna, kemm hu kbir ismek fl-art kollha! … Inħares lejn is-smewwiet, għemil subgħajk, il-qamar u l-kwiekeb li int qegħedt fihom!” (Salm 8,1.4).
Dan hu eżempju wieħed mill-ħafna Salmi ta’ tifħir. F’Salmi oħra bħal dan is-salmisti jfaħħru ’l Alla għall-attributi sbieħ tiegħu li jidhru fl-għemejjel tal-għaġeb tiegħu. Wara li jagħrfu l-kobor, is-setgħa, il-ġmiel, il-qdusija ta’ Alla u attributi oħra tiegħu fil-ħolqien, is-salmisti jinfexxu f’sentimenti ta’ tifħir, li bilkemm jitfisser bil-kliem (ara Salmi 104; 145). Ifaħħruh għal dak li għamel magħhom jew mal-poplu ta’ Iżrael, u dan ukoll b’sens ta’ radd il-ħajr (Salmi 103; 105; 106); u jistiednu lill-bnedmin oħra biex iroddulu ħajr u jfaħħruh (Salmi 100; 107; 136). Ir-radd il-ħajr mat-tifħir lil Alla jkollu miegħu sentimenti ta’ ferħ u jinfexx f’għajat ta’ ferħ u ta’ għana ferrieħi (Salm 47,2.6; 81,2; 95,1-7; 4-6). Tipiċi huma s-Salmi “hallelujatiċi”, li jibdew bl-istedina għat-tifħir ’l Alla bil-kelma: Hallelujah (ħallèlu – Jaħ, mill-verb ħillel,“tfaħħar” u Jaħwèh, imqassra; “faħħru lil Jaħwèh, faħħru l-Mulej”). Fil-Ktieb tas-Salmi għandna tliet gruppi ta’ Salmi ta’ din ix-xorta: “il-Ħallel iż-żgħir” (Salm 113– 118), “il-Ħallel il-kbir” (Salm 136), u “l-Ħallel tal-għeluq” (Salmi 146–150). Dawn is-Salmi kienu jingħadu u jitkantaw fil-liturġija tat-Tempju, f’laqgħat ta’ ferħ u ta’ ċelebrazzjonijiet kbar, b’tifkira tar-rebħiet ta’ Iżrael (ara 1 Kron 16,1-36; Esd 3,11; ara Salm 136,1ss) Mas-“sagrifiċċju ta’ radd il-ħajr” (todâh Lev 7,12; 22,29; Salm 49,14.23), waqt il-ferħ tal-ikla tas-sliem kienu jingħadu Salmi ta’ tifħir lil Alla.
Mit-Testment il-Qadim u mil-liturġija tal-Lhud is-sentiment sabiħ tat-tifħir u r-radd il-ħajr lil Alla għadda għall-ħajja tal-insara fit-Testment il-Ġdid. Fit-Testment il-Ġdid it-tifħir jitfisser bl-għana jew bil-kant tal-innijiet (Mt 26,30; Atti 16,25; 1 Kor 14,15; Ef 5,19-20). It-tifħir lil Alla fit-Testment il-Ġdid isir tassew “għanja ġdida” (Apok 5,9; 14,3; 15,3; ara Salm 98), għax fid-dawl tar-rivelazzjoni tal-misteru ta’ Ġesù Kristu jieħu karattru ġdid u sens ġdid. L-insara jfaħħru lil Alla u jroddulu ħajr l-iżjed għall-barkiet li tahom permezz ta’ Ibnu Ġesù Kristu (Ef 1,3-14). Dan hu l-aqwa oġġett u l-kawża tat-tifħir nisrani, kif jitfisser fil-bidu tal-Evanġelju bl-innu ta’ tifħir tal-anġli, u wkoll tar-rgħajja ta’ Betlehem (Lq 2,13-14.20) u fi tmiem il-ħajja ta’ Ġesù bit-tifħir tal-poplu hu u dieħel għall-aħħar darba f’Ġerusalemm (Mt 21,16). Hekk jixhdulna wkoll il-fdalijiet ta’ innijiet tal-ewwel komunitajiet insara, li jfaħħru lil Alla minħabba l-misteru ta’ Kristu (Kol 1,15ss; Fil 2,5; 1 Tim 3,16; 6,15-16). It-tifħir nisrani hu fuq kollox “għanja ġdida” għax isir fl-ispirtu ta’ Ġesù bħala l-Iben tal-Missier (Mt 11,25) u mill-insara bih u miegħu u fih, bħall-aħwa ma’ Ħuhom il-kbir (Ef 3,21), li jagħti lil Alla, il-Missier li jista’ kollox, kull ġieħ u glorja. Din hi l-halleluja tal-insara.