ID-DULURI TA’ MARIJA
TALB U KUMMENTARJU GĦAL WAQT
IL-PELLEGRINAĠĠ F’JUM ID-DULURI
Kitba ta’ Dun Hector Scerri
Kif nagħmlu ta’ kull sena nġbarna hawn flimkien biex nagħmlu din il-mixja ma’ Marija. Nimxu ma’ Marija fil-mumenti tad-dulur tagħha. Marija, Omm Alla, hija bniedma bħalna, u bħalna għaddiet minn bosta esperjenzi ta’ uġigħ, tbatija u ansjeta’. Din il-mixja tagħna ma’ Marija hija mixja ta’ fidi, kif ukoll mixja ta’ solidarjeta’. Illejla, aħna nħossu ma’ Marija fit-tbatijiet tagħha. Fl-istess ħin, aħna nafu, u konvinti li Marija hija preżenti magħna. Hi, fl-imħabba tagħha ta’ omm, takkumpanjana fl-uġigħ tagħna: il-mard li ngħaddu minnu aħna jew il-membri tal-familji tagħna, il-mewt tal-għeżież tagħna, l-inkwiet li ngħaddu minnu, l-ansjeta’ li tolqotna.
Marija tifhimna meta nduru lejha. Aħna spiss nersqu lejha fit-talba tar-Rużarju, jew fit-talba tal-Anġelus, fil-festi tagħha matul is-sena. Insellmu x-xbihat tagħha, u nitolbuha. Imma, llum, f’dan il-jum li jinsab fuq l-għatba ta’ Ħadd il-Palm u l-Ġimgħa Mqaddsa, nduru lejn Marija bħala poplu wieħed. Malta kollha u Għawdex kollu, bħalissa jinsabu fit-toroq tal-bliet u l-irħula biex jagħmlu din il-mixja ma’ Marija. Wieħed mill-poeti tagħna darba kiteb li dan tal-lum huwa l-akbar mass meeting ta’ Malta. Iva, Marija Addolorata tiġbidna għal warajha. Flimkien magħha nimxu din it-triq. Lilha nitolbu. Magħha nibku. Lilna hija ssabbar.
Ejjew, matul din il-mixja, inżommu l-ġabra billi nitolbu u nkantaw bil-ħeġġa. Ejjew inħallu din is-siegħa tkun siegħa ta’ talb, ta’ mħabba u ta’ interċessjoni.
Din is-sena, peress li qegħdin inħejju ruħna għall-miġja tal-Papa Benedittu XVI fostna, minn hawn u tliet ġimgħat oħra, se nkunu qed nisimgħu xi siltiet mit-tagħlim li hu wassal lill-Knisja. B’mod partikulari se nkunu qed nirriflettu dwar dak li qal il-Papa dwar il-Verġni Marija, dwar it-tbatija u temi oħra attwali.
Inkantaw l-innu (jew strofa mill-innu) ….
Fit-28 ta’ April 2009, il-Papa Benedittu għamel talba sabiħa lill-Verġni Marija fil-mument tat-tbatija. Din it-talba huwa għamilha meta żar lil dawk li ġew milquta mit-terremot ġewwa L’Aquila, fl-Italja. Nisimgħu bi spirtu ta’ ġabra din it-talba tal-Papa.
O Marija, Omm wisq maħbuba tagħna,
int li toqgħod qrib is-slaleb tagħna
bħalma bqajt ħdejn is-salib ta’ Ġesù,
qawwi l-fidi tagħna sabiex, anki jekk mifluġa bid-dulur,
inżommu fissa l-ħarsa tagħna fuq il-wiċċ ta’ Kristu
li fih, fit-tbatija estrema tas-salib,
dehret l-imħabba kbira u safja ta’ Alla.
Omm tat-tama tagħna, agħtina l-għajnejn tiegħek biex,
lil hinn mit-tbatija u l-mewt, naraw id-dawl tal-qawmien;
agħtina l-qalb tiegħek biex inkomplu,
anki fil-mument tal-prova, inħobbu u naqdu.
O Marija Santissima,
Sidtna tas-Salib, itlob għalina.
I
L-EWWEL DULUR TA’ MARIJA:
IL-PROFEZIJA TA’ XMUN FIL-PREŻENTAZZJONI TA’ ĠESÙ
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa (2:22-35)
Wara li għalqilhom iż-żmien għall-purifikazzjoni tagħhom skond il-Liġi ta’ Mosè, ħadu lil Gesu’ Ġerusalemm biex jippreżentawh lill-Mulej,kif hemm miktub fil-Liġi tal-Mulej, li ‘kull tifel li jitwieled l-ewwel, jiġi kkonsagrat lill-Mulej,’u biex joffru b’sagrifiċċju ‘par gamiem jew żewġ bċieċen,’ kif jingħad ukoll fil-Liġi tal-Mulej.F’Ġerusalemm kien hemm wieħed, jismu Xmun, raġel ġust u tajjeb, li kien jistenna l-faraġ ta’ Iżrael u li kellu l-Ispirtu s-Santu fuqu.L-Ispirtu s-Santu kien nebbħu li ma kienx se jara l-mewt qabel ma jara l-Messija tal-Mulej.Mar mela fit-tempju, mqanqal mill-Ispirtu, u xħin il-ġenituri daħlu bit-tarbija Ġesù biex jagħmlulu dak li kienet trid il-Liġi,huwa laqgħu fuq dirgħajh, bierek lil Alla u qal:”Issa, o Sid, tista’ tħalli l-qaddej tiegħek imur fis-sliem, skond kelmtek, għaliex għajnejja raw is-salvazzjoni tiegħekli int ħejjejt għall-popli kollha, dawl biex idawwal il-ġnus, u glorja tal-poplu tiegħek Iżrael.”Missieru u ommu baqgħu mistagħġba b’dak li kien qiegħed jingħad fuqu.Xmun berikhom, u qal lil ommu Marija: “Ara, dan se jġib il-waqgħa u l-qawmien ta’ ħafna f’Iżrael; se jkun sinjal li jmeruh, – u inti wkoll, sejf jinfidlek ruħek! – biex jinkixfu l-ħsibijiet moħbija fil-qlub ta’ ħafna.”
Riflessjoni tal-Papa Benedittu XVI mill-Enċiklika tiegħu dwar it-Tama, Spe Salvi (30 ta’ Novembru 2007):
“Għalhekk lejha nduru: Imqaddsa Marija, int kont tagħmel ma’ dawk l-erwieħ umli u kbar f’Israel li, bħal Xmun, kienu jistennew ‘il-faraġ ta’ Israel’ (Lq 2:25), u kienu jistennew, bħal Alla, ‘il-fidwa ta’ Ġerusalemm’ (Lq 2:38)… (Marija), ix-xwejjaħ Xmun kellmek fuq is-sejf li kien se jinfidlek qalbek (Lq 2:35), semmielek is-sinjal li jmeruh, kif kien se jkun Ibnek f’din id-dinja” (n.50).
Mill-enċiklika tal-Papa Benedittu XVI, Alla huwa Mħabba (25 ta’ Diċembru 2005):
Meta l-insara “jiġu maħkuma bħal kull bniedem ieħor fid-dubji drammatiċi tal-ġrajjiet storiċi, jistgħu jibqgħu żguri bla ma jitħarrku li Alla hu Missier tagħhom u jħobbhom, ukoll meta is-skiet tiegħu ma jifhmuhx” (n.31).
Litanija
Verġni Marija, li ppreżentajt lil Ibnek Ġesù fit-Tempju… idħol għalina.
Verġni Marija, li smajt il-profezija ta’ Xmun… idħol għalina.
Verġni Marija, li bqajt taħseb fuq dawn il-ġrajjiet u tikkontemplahom bejnek u bejn ruħek… idħol għalina.
Verġni Marija, li qdejt lil Ġesù fit-trobbija li tajtu… idħol għalina.
Missierna…
Sliem għalik Marija (x 10)
Glorja…
Innu
II
IT-TIENI DULUR TA’ MARIJA:
MARIJA, ĠUŻEPPI U T-TARBIJA ĠESÙ JAĦARBU LEJN L-EĠITTU
Qari mill-Evanġelju skont San Mattew (2:13-15)
Meta telqu l-Magi, deher anġlu tal-Mulej f”ħolma lil Ġużeppi u qallu: “Qum, ħu miegħek lit-tifel u ‘l ommu, u aħrab lejn l-Eġittu. Ibqa’ hemm sa ma ngħidlek jien, għax Erodi se jfittex lit-tifel biex joqtlu. “Ġużeppi qam, ħa miegħu lit-tifel u ‘l ommu billejl u telaq lejn l-Eġittu, u baqa’ hemmhekk sal-mewt ta’ Erodi, biex hekk iseħħ dak li kien qal il-Mulej permezz tal-profeta, meta qal, ‘Mill-Eġittu sejjaħt lil ibni.’
Flimkien ma’ Binha Ġesù Tarbija, Marija u żewġha San Ġużepp kellhom, għall-għarrieda, jaħarbu lejn l-Eġittu minħabba l-qilla u l-kefrija tas-Sultan Erodi. Il-Familja Mqaddsa tgħaddi mill-esperjenza ta’ refuġjati. Matul is-sekli, sal-ġurnata tal-lum, eluf ta’ eluf għaddew minn din l-esperjenza iebsa: li ma jkollokx saqaf fuq rasek, li tgħaddi mill-insigurta’ u l-perikli tal-vjaġġi, li taf li hemm min qed ifittixlek ħajtek, li trid iġġorr biss il-meħtieġ għall-ħajja, li tbati l-ġuħ u l-għatx, is-sħana u l-kesħa.
Il-Papa Benedittu XVI, kemm-il darba tkellem dwar l-immigrazzjoni u r-refuġjati. Nisimgħu lilu:
“Tassew ngħidilkom, kull ma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti għamiltuh miegħi.” (Mt 25:40,45). Kif nistgħu ma nagħtux kas tal-immigrant u tar-refuġjat minuri bħala dawk li huma fost ‘l-iżgħar’? Bħala tfajjel Ġesù stess għamel esperjenza ta’ refuġjat, skont il-Vanġelu, biex jeħles mit-tħeddid ta’ Erodi, hu kellu jaħrab lejn l-Eġittu ma Ġużeppi u Marija (Mt 2:14). (Messaġġ għall-94 Ġurnata Mondjali tal-Immigranti u Refuġjati, 18 ta’ Ottubru 2007)
Fl-istess Messaġġ, il-Papa kien qal ukoll:
“Jien nistieden l-komunitajiet ekklezjali tal-lokal biex jagħtu merħba u juru simpatija lejn (l-immigranti) zgħażagħ u tfal mal-ġenituri tagħhom, u jippruvaw jifhmu l-ħajja ħarxa tagħhom u jkunu favur l-inklużjoni tagħhom”. (18 ta’ Ottubru 2007)
F’Ottubru li għadda (2009), Benedittu XVI saħaq dwar id-dmir tagħna bħala nsara lejn l-immigranti:
“L-ospitalita’ u s-solidarjeta’ lill-barranin, speċjalment jekk ikunu tfal, hija tħabbira tal-Vangelu ta’ solidarjeta’”. (Messaġġ għall-96 Ġurnata Mondjali tal- Immigranti u Refuġjati, 16 ta’ Ottubru 2009)
Litanija
Verġni Marija, li għaddejt mill-esperjenza iebsa tal-ħarba lejn l-Eġittu… idħol għalina.
Verġni Marija, li batejt it-tbatija tal-eżilju, ‘il bogħod minn art twelidek… idħol għalina.
Verġni Marija, li adattajt ruħek għall-kultura tal-pajjiż li ta kenn lilek, lil Ġesù u lil San Ġużepp… idħol għalina.
Verġni Marija, kun kenn għar-rifuġjati tad-dinja kollha… idħol għalina.
Verġni Marija, miss il-qalb tagħna biex nuru ospitalita’ lil dawk kollha li jfittxu kenn fostna… idħol għalina.
Missierna…
Sliem għalik Marija (x 10)
Glorja…
Innu
III
IT-TIELET DULUR TA’ MARIJA:
META MARIJA TITLEF LIL BINHA ĠESÙ,
U WARA TLETT IJIEM TA’ DULUR, ISSIBU FIT-TEMPJU
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa (2:41-52)
Ta’ kull sena l-ġenituri ta’ Ġesù kienu jmorru Ġerusalemm għall-festa ta’ l-Għid.Meta kellu tnax-il sena telgħu wkoll, skond id-drawwa ta’ dik il-festa.Wara li għaddew dawk il-ġranet qabdu t-triq lura, imma t-tfajjel Ġesù baqa’ Ġerusalemm bla ma kienu jafu l-ġenituri tiegħu.Huma ħasbuh qiegħed ma’ xi wħud li kienu fit-triq magħhom; iżda meta wara jum mixi fittxewh fost qrabathom u n-nies li kienu jafuhom,ma sabuhx, u għalhekk reġgħu lura Ġerusalemm ifittxuh.Wara tlitt ijiem sabuh fit-tempju, bilqiegħda f’nofs l-għalliema, jismagħhom u jistaqsihom;u kull min semgħu baqa’ mistagħġeb bid-dehen u t-tweġibiet tiegħu.Kif rawh, nstamtu, u ommu qaltlu: “Ibni, dan għaliex għamiltilna hekk? Ara, missierek u jiena konna qegħdin infittxuk b’qalbna maqsuma?”U hu qalilhom: “U għaliex kontu qegħdin tfittxuni? Ma tafux li jiena għandi nkun f’dak li hu ta’ Missieri?”Iżda kliemu ma fehmuhx.Mbagħad niżel magħhom u raġa’ mar Nazaret; u kien jobdihom. U ommu kienet tgħożż f’qalbha dawn il-ħwejjeġ kollha.U hekk Ġesù baqa’ jikber fl-għerf, fis-snin u fil-grazzja, quddiem Alla u quddiem il-bnedmin.
Riflessjonijiet tal-Papa Benedittu XVI mill-enċiklika dwar it-tama, Spe Salvi (30 ta’ Novembru 2007):
“Nistgħu nippruvaw innaqqsu t-tbatija, niġġieldu kontriha, imma ma nistgħu qatt inwarrbuha għal kollox… Il-fejqan iseħħ “bil-ħila tagħna li naċċettaw it-tbatija, nimmaturaw permezz tagħha, u nfittxu sens fiha permezz tal-għaqda tagħna ma’ Kristu Ġesù, li bata b’imħabba bla qjies għalina” (n.37).
Fl-istess enċiklika, il-Papa jgħid ukoll:
“Soċjetà li ma għandhiex il-ħila taċċetta lill-membri tagħha li qegħdin ibatu u li ma tistax taqsam fl-uġigħ tagħhom u ġġorru minn ġewwa magħhom b’sens ta’ ‘kompassjoni’ hija soċjetà krudila u inumana”. (Spe Salvi, n.38)
Litanija
Verġni Marija, qawwi qalb dawk l-ommijiet li qed ibatu minħabba wliedhom… idħol għalina.
Verġni Marija, idħol għal dawk il-ġenituri inkwetati minħabba l-imġieba tat-tfal tagħhom… idħol għalina.
Verġni Marija, kun l-għajnuna u t-tama tal-familji li għaddejjin minn problemi u firda… idħol għalina.
Verġni Marija, wassal għand Ibnek Ġesù lil dawk li tilfu t-triq u jinsabu jgħixu fid-dnub… idħol għalina.
Missierna…
Sliem għalik Marija (x 10)
Glorja…
Innu
IV
IR-RABA’ DULUR TA’ MARIJA:
META HIJA TILTAQA’ MA’ BINHA ĠESÙ JĠORR IS-SALIB
FIT-TRIQ LEJN IL-KALVARJU
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa (23:26-31)
Huma u sejrin b’Gesu’ lejn il-Kalvarju, qabdu wieħed, jismu Xmun, minn Ċireni, li kien ġej lura mir-raba’, u għabbewh bis-salib biex iġorru wara Ġesù.Kotra kbira ta’ nies kienet miexja warajh; fosthom kien hemm xi nisa li bdew iħabbtu fuq sidirhom u jibkuh.Imma Ġesù dar lejhom u qalilhom: “Nisa ta’ Ġerusalemm, mhux lili ibku, iżda ibku lilkom infuskom u lil uliedkom.Għax, araw, għad jiġi żmien meta jgħidu, ‘Hienja dik li ma għandhiex tfal, hieni l-ġuf li qatt ma wiled u s-sider li qatt ma redda’!Mbagħad jibdew jgħidu lill-muntanji, ‘Aqgħu fuqna!’, u lill-għoljiet, ‘Ordmuna!’Għax jekk dan kollu qegħdin jagħmluh liz-zokk meta għadu aħdar, mela xi jsir minnu meta jinxef?”
Il-Papa Benedittu XVI jfakkarna li l-Fidi nisranija wrietna dejjem li “Alla – Verità u Mħabba nfushom – ried li jbati għalina u magħna … Hu nnifsu sar bniedem biex ikun jista’ jbati tassew mal-bnedmin, billi jbati fil-ġisem magħhom, bħalma jixhdu r-rakkonti tal-Passjoni ta’ Ġesù… Fit-tbatija umana kollha li ngħaddu minnha jingħaqad magħna Wieħed li jgħaddi mit-tbatija huwa stess u jġorr dik it-tbatija magħna. F’kull tbatija hemm ukoll il-konsolazzjoni tal-imħabba ta’ Alla li jħoss mal-bniedem” (Mill-enċiklika dwar it-tama, Spe Salvi, n.39).
Fl-ewwel enċiklika tiegħu dwar l-imħabba ta’ Alla, il-Papa li “l-għajta (il-karba) tagħna lil Alla fit-tbatija, bħalma kienet għal Ġesù nnifsu fuq is-salib, hija l-mod l-aktar profond u qawwi li bih nistqarru l-fidi tagħna fil-qawwa sovrana ta’ Alla”. Meta l-insara “jiġu maħkuma bħal kull bniedem ieħor fid-dubji drammatiċi tal-ġrajjiet storiċi, jistgħu jibqgħu żguri bla ma jitħarrku li Alla hu Missier tagħhom u jħobbhom, ukoll meta is-skiet tiegħu ma jifhmuhx”. (Enċiklika Deus Caritas Est, n.31).
Litanija
Verġni Marija, għin lil dawk l-ommijiet li qed iduru b’uliedhom morda… idħol għalina.
Verġni Marija, qawwi qalb dawk l-ommijiet li ta’ kuljum jżuru ‘l uliedhom fl-isparijiet jew f’postijiet oħra ta’ kura… idħol għalina.
Verġni Marija, sabbar dawk l-ommijiet li jakkumpanjaw lil uliedhom fit-triq tal-Kalvarju llum, minħabba l-vizzji tax-xorb, tad-droga u dnubiet oħra li jmorru kontra d-dinjita’ tal-bniedem… idħol għalina.
Missierna…
Sliem għalik Marija (x 10)
Glorja…
Innu
V
IL-ĦAMES DULUR TA’ MARIJA:
MARIJA TARA LIL BINHA ĠESÙ JIĠI MSALLAB MAS-SALIB
U WARA TLIET SIGĦAT TA’ AGUNIJA JMUT
Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann (19:25-27)
Kien hemm wieqfa ħdejn is-salib ta’ Ġesù ommu, oħt ommu, Marija ta’ Kleofa, u Marija ta’ Magdala.Mela kif Ġesù lemaħ lil ommu u lid-dixxiplu li kien iħobb wieqaf ħdejha, qal lil ommu: “Mara, hawn hu ibnek.”Mbagħad qal lid-dixxiplu: “Hawn hi ommok.” U minn dak il-ħin id-dixxiplu ħadha għandu.
F’wieħed mid-diskorsi li jagħmel kull nhar ta’ Ħadd qabel it-talba tal-Anġelus, il-Papa Benedittu qal dan il-kliem dwar it-tbatija:
“Ġesù bata u miet fuq is-salib bi mħabba kbira għalina. B’hekk, jekk nifhmu dan il-misteru sewwa, huwa ta sens lit-tbatija tagħna, sens li rġiel u nisa ta’ kull żmien fehmuh u għamluh tagħhom, u b’hekk ġarrbu paċi kbira ukoll fid-djieqa ta’ provi ħarxa kemm fiżiċi u kemm morali… Nistgħu nibqgħu żguri minn dan: l-ebda demgħa, la ta’ dawk li jbatu u lanqas ta’ dawk qrib tagħhom, ma hi mitlufa għal Alla”. (Diskors ta’ qabel l-Angelus, 1 ta’ Frar 2009)
F’okkażjoni oħra, il-Papa qalilna li Marija turina li “id-dawl, it-talb, it-tama u l-konverżjoni, huma msejsa fuq il-blata tal-imħabba ta’ Alla, li laħqet il-qofol tar-rivelazzjoni tagħha fis-salib glorjuż ta’ Kristu.” Is-skiet quddiem it-tbatija “mhuwiex skiet vojt, imma wieħed mimli bit-talba u l-għarfien tal-preżenza tal-Mulej, li ħabbna sal-punt li jiġi merfugħ fuq is-salib għalina”. (Udjenza Ġenerali, 17 ta’ Settembru 2008)
Fl-enċiklika tiegħu dwar it-tama, il-Papa Benedittu għandu silta mill-isbaħ dwar dak li Marija għaddiet minnu meta kienet qed tassisti lil Binha Ġesù fl-aħħar mumenti tiegħu:
“Marija, kellek tara s-Salvatur tad-dinja, il-werriet ta’ David, l-Iben ta’ Alla jmut bħal wieħed fallut, espost għaż-żebliħ, bejn id-delinkwenti. Imbagħad ilqajt il-kelma: ‘Mara, hawn hu ibnek!’ (Ġw 19:26). Mis-salib irċevejt missjoni ġdida. Mis-salib int sirt omm b’mod ġdid: omm dawk kollha li jridu jemmnu f’Ibnek Ġesù u jimxu warajh. Sejf in-niket nifidlek qalbek. Imma t-tama mietet? Id-dinja baqgħet għal dejjem bla dawl, il-ħajja bla għan? F’dik is-siegħa aktarx li fik innifsek erġajt smajt il-kelma tal-anġlu, li biha kien wieġeb għall-biża’ tiegħek fil-waqt tat-tħabbira: ‘La tibżax, Marija!’ (Lq 1:30)
Litanija
Verġni Marija, idħol għalina meta fit-tbatija naqtgħu qalbna… idħol għalina.
Verġni Marija, sabbarna meta t-tbatija nsibuha wisq tqila u nogħtru taħtha… idħol għalina.
Verġni Marija, ieqaf magħna fil-Kalvarju tagħna llum… idħol għalina.
Verġni Marija, meta maħkuma mit-toqol tal-mard u l-problemi tagħna… idħol għalina.
Missierna…
Sliem għalik Marija (x 10)
Glorja…
Innu
VI
IS-SITT DULUR TA’ MARIJA:
MARIJA TIRĊIEVI L-ĠISEM MEJJET TA’ BINHA ĠESÙ
Qari mill-Evanġelju skont San Mattew (27:50-58)
Ġesù reġa’ għajjat għajta kbira u radd ruħu. U ara, il-purtiera tas-santwarju ċċarrtet fi tnejn minn fuq s’isfel; l-art theżhżet, il-blat inqasam, u l-oqbra nfetħu, u qamu ħafna iġsma ta’ qaddisin li kienu mietu, li ħarġu mill-oqbra u wara l-qawmien tiegħu daħlu fil-Belt imqaddsa u dehru lil bosta nies. Iċ-ċenturjun u dawk li kienu miegħu għassa ta’ Ġesù, kif raw l-art titheżheż u jiġri dak kollu, mtlew b’biża’ li ma bħalu u qalu: “Dan kien tassew Bin Alla!” Hemmhekk kien hemm ħafna nisa jħarsu mill-bogħod, dawk stess li kienu mxew wara Ġesù biex jaqduh sa minn meta kien għadu fil-Galilija: fosthom kien hemm Marija ta’ Magdala, Marija omm Ġakbu u Ġużeppi u omm ulied Żebedew. Xħin sar fil-għaxija, ġie raġel għani, minn Arimatija, jismu Ġużeppi, li hu wkoll kien sar dixxiplu ta’ Ġesù; mar għand Pilatu u talbu l-ġisem ta’ Ġesù. Mbagħad Pilatu ordna li jingħatalu.
Ipprova immaġina minn liema tbatija bla tarf għaddiet Marija fuq l-għolja tal-Kalvarju. Immaġinaw il-kobor tad-dulur li hija ġarrbet meta rat lil Binha Ġesù jbati tant ħruxija. Immaġinaha tara lil Ġesù jieħu l-aħħar nifs tiegħu. Min jaf x’ħasset meta Nikodemu u Ġużeppi minn Arimatea niżżlu b’devozzjoni l-ġisem mejjet ta’ Ġesù minn fuq is-salib! Min jaf kemm bkiet, kemm dmugħ jaħraq ġelben ma’ ħaddejha! Qalbha maqsuma, hija tara lil Binha mejjet.
Fil-Messaġġ għall-Jum il-Morda ta’ din is-sena, il-Papa Benedittu XVI kiteb hekk: “Fil-misteru tal-passjoni, il-mewt u l-qawmien ta’ Kristu, it-tbatija tal-bniedem issib is-sens tagħha u l-milja tad-dawl. Fl-Aħħar Ċena, qabel ma reġa’ lura għand il-Missier, il-Mulej Ġesù tbaxxa biex jaħsel saqajn l-Appostli biex idewwaqhom minn qabel mill-att kbir ta’ mħabba li kellu jagħmel fuq is-salib. B’dan il-ġest, hu stieden lid-dixxipli biex jimxu wara dan il-mod ta’ ħsieb ta’ mħabba li tagħti lilha nnifisha għal dawk l-aktar dgħajfa u fil-bżonn”. (Messaġġ għal Jum il-Morda, 11 ta’ Frar 2010)
Litanija
Verġni Marija, imsaħ id-dmugħ tal-ommijiet li tilfu ‘l uliedhom bil-mard jew b’disgrazzja għall-għarrieda… idħol għalina.
Verġni Marija, għinna meta ngħaddu mill-esperjenza tal-mewt ta’ xi ħadd għażiż… idħol għalina.
Verġni Marija, kun magħna fis-siegħa tal-mewt tagħna… idħol għalina.
Verġni Marija, wassalna għand Ibnek Ġesù, u idħol għalina biex huwa jkun imħallef ħanin tagħna… idħol għalina.
Missierna…
Sliem għalik Marija (x 10)
Glorja…
Innu
VII
IS-SEBA’ DULUR TA’ MARIJA:
MARIJA TASSISTI GĦAD-DIFNA TA’ BINHA ĠESÙ
Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann (19:38-42)
Wara l-mewt ta’ Gesu’, Ġużeppi minn Arimatija, li kien dixxiplu ta’ Ġesù bil-moħbi għax kien jibża’ mil-Lhud, mar u talab lil Pilatu biex jieħu l-ġisem ta’ Ġesù. Pilatu ħallieh, u hu ġie u ħa l-ġisem tiegħu.Ġie wkoll Nikodemu, dak li qabel kien mar għand Ġesù billejl, u ġieb miegħu taħlita ta’ morr u sabbara, tiżen xi mitt libbra.Dawn it-tnejn ħadu l-ġisem ta’ Ġesù u kebbewh bil-faxex ta’ l-għażel bil-fwejjaħ, kif soltu jagħmlu l-Lhud qabel id-difna.Fejn kienu sallbu lil Ġesù kien hemm ġnien, u f’dan il-ġnien kien hemm qabar ġdid li fih kienu għadhom ma difnu lil ħadd.Hemm qiegħdu lil Ġesù, għax kien Jum it-Tħejjija għal-Lhud, u għax il-qabar kien fil-qrib.
Il-Papa Benedittu XVI jirrifletti dwar dak li Marija Addolorata għaddiet minnu fuq il-Golgota u fid-difna ta’ Ġesù. Fl-enċiklika tiegħu dwar it-tama, huwa jistqarr:
“’La tibżax, Marija!’ (Lq 1:30). Kemm drabi l-Mulej, Ibnek, qal l-istess ħaġa lid-dixxipli tiegħu: La tibżgħux! Fil-lejl tal-Golgota, int erġajt smajt din il-kelma. Lid-dixxipli tiegħu, qabel is-siegħa tat-tradiment, hu qalilhom: ‘Agħmlu l-qalb: jiena rbaħt id-dinja!’ (Ġw 16:33) ‘Tħallux qalbkom titħawwad u anqas titbeżża’’ (Ġw 14:27). ‘La tibżax, Marija!’ Fis-siegħa ta’ Nazaret l-anġlu kien qallek ukoll: ‘Is-saltna tiegħu ma jkollhiex tmiem’ (Lq 1:33). Kienet forsi mitmuma qabel bdiet? Le, ħdejn is-salib, fuq il-kelma nfisha ta’ Ġesù, int sirt omm dawk li jemmnu. F’din il-fidi, li anki fid-dlam tas-Sibt Qaddis tal-Għid kienet ċertezza tat-tama, int mort tilqa’ l-għodwa tal-Għid” (Spe Salvi, n.50).
Waqt il-vjaġġ pastorali tiegħu ġewwa l-Afrika, is-sena li għaddiet, il-Papa Benedittu kien żar sptar fil-Kamerun. Dakinhar huwa qal dan il-kliem lill-morda, kliem li huwa qiegħed jgħid lil kull wieħed u waħda minnha: “M’intomx waħidkom fit-tbatija tagħkom, għax Kristu nnifsu huwa qrib ħafna ta’ dawk li jbatu … Quddiem tant uġigħ, inħossuna bla ħila u aktarx ma nsibux il-kliem li jixirqu. Quddiem ħuna jew oħtna fil-misteru tat-tbatija, is-skiet rispettuż u ta’ kompassjoni, il-preżenza fit-talb, ġest li jħenn u jsabbar, ħarsa mimlija tjieba, tbissima, ħafna drabi huma aktar milqugħa minn kull kliem ieħor”. (Diskors fiċ-Ċentru Kardinal Paul-Emile Léger, f’Yaoundé, Kamerun, 19 ta’ Marzu 2009)
Litanija
Verġni Marija, kun magħna fit-toroq tal-ħajja… idħol għalina.
Verġni Marija, tħalliniex waħedna meta t-tbatija taħkimna… idħol għalina.
Verġni Marija, sabbarna f’dan il-wied ta’ dmugħ … idħol għalina.
Verġni Marija, urina lil Ibnek Ġesu, il-frott tal-ġuf tiegħek… idħol għalina.
Missierna…
Sliem għalik Marija (x 10)
Glorja…
Innu
Nagħlqu din il-mixja bit-talba li biha bdejna din is-siegħa ta’ talb. Huwa l-kliem tal-Papa Benedittu lill-Verġni Marija meta sena ilu żar lil dawk milquta minn terremot qawwi ġewwa l-Italja:
O Marija, Omm wisq maħbuba tagħna,
int li toqgħod qrib is-slaleb tagħna
bħalma bqajt ħdejn is-salib ta’ Ġesù,
qawwi l-fidi tagħna sabiex, anki jekk mifluġa bid-dulur,
inżommu fissa l-ħarsa tagħna fuq il-wiċċ ta’ Kristu
li fih, fit-tbatija estrema tas-salib,
dehret l-imħabba kbira u safja ta’ Alla.
Omm tat-tama tagħna, agħtina l-għajnejn tiegħek biex,
lil hinn mit-tbatija u l-mewt, naraw id-dawl tal-qawmien;
agħtina l-qalb tiegħek biex inkomplu,
anki fil-mument tal-prova, inħobbu u naqdu.
O Marija Santissima,
Sidtna tas-Salib, itlob għalina.
Inkantaw flimkien is-Salve Regina.
dhs/18.3.2010
