VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-PAPA LJUN XIV
FL-ALĠERIJA, FIL-CAMEROON, F’ANGOLA U FIL-GUINEA EKWATORJALI
(13–23 ta’ April, 2026)
IL-PAPA JSELLEM LILL-ĠURNALISTI WAQT IT-TITJIRA LEJN YAOUNDÉ
L-Erbgħa, 15 ta’ April, 2026
L-għodwa t-tajba. Nittama li mistriħin u lesti għat-tappa li jmiss fil-vjaġġ tagħna.

Jien kuntent li qed insellmilkom ilkoll dalgħodu, wara dak li personalment nikkunsidra bħala vjaġġ u żjara fl-Alġerija mimlija barkiet. Nixtieq nibda b’kelma ta’ gratitudni lill-awtoritajiet kolla tal-Alġerija, li għamlu diż-żjara possibbli. Kif qegħdin taraw tawna wkoll l-unur li jkollna skorta aħna u ntiru fuq l-ispazju tal-ajru tal-Alġerija. Hu sinjal ta’ tjubija, ġenerożità u rispett li l-poplu Alġerin u l-gvern Alġerin riedu juru lejn is-Santa Sede u lejja personalment. Irrid ngħid grazzi lilhom kif ukoll lill-preżenza żgħira imma sinifikanti tal-Knisja Kattolika fl-Alġerija.
Kif tafu, kellna żjarat verament speċjali kemm fil-Bażilika tal-Madonna tal-Afrika u wkoll fil-Bażilika ta’ Santu Wistin li tinsab fuq l-għolja mperrċa fuq il-belt moderna ta’ Annaba kif ukoll fuq il-fdalijiet tal-belt Rumana ta’ Ippona. Nista’ ngħid li fiha nfisha din kienet ta’ tifsir kbir għax Santu Wistin, li kien Isqof ta’ Ippona għal aktar minn tletin sena, hu figura mill-qedem li tkellimna dwar it-tradizzjoni u dwar il-ħajja tal-Knisja kif kienet qed tiżviluppa fl-ewwel sekli. Madankollu, illum hu għadu figura importanti ħafna bil-kitbiet tiegħu, bit-tagħlim tiegħu, l-ispiritwalità, l-istedin biex infittxu ‘l Alla u l-verità. Dan kollu meħtieġ ħafna llum; hu messaġġ reali ħafna għalina lkoll illum bħala persuni li nemmnu f’Ġesù Kristu, iżda jgħodd ukoll għall-bnedmin kollha.
Kif rajtu, anki l-poplu tal-Alġerija, li l-maġġoranza l-kbira nett tiegħu mhumiex Insara, jagħti ġieħ u jirrispetta l-memorja ta’ Santu Wistin bħala wieħed mill-ulied il-kbar ta’ dik l-art. Kienet barka speċjali għalija personalment, li lbieraħ erġajt mort mill-ġdid Annaba, iżda kienet ukoll okkażjoni biex noffri lill-Knisja u lid-dinja l-viżjoni li joffrilna Santu Wistin, f’termini ta’ tifttxija għal Alla u għat-taqbida biex nibnu l-komunità, biex infittxu l-għaqda fost il-popli kollha u r-rispett minkejja d-differenzi.
F’dal-jumejn fl-Alġerija, jidhrili li kellna opportunità ferm sabiħa li nkomplu nibnu pontijiet u nippromwovu d-djalogu. Naħseb li ż-żjara fil-Moskeja kienet ta’ tifsir kbir fejn għidt li għalkemm għandna twemmin differenti, nesprimu l-qima tagħna b’modi differenti, hemm differenza fil-mod kif ngħixu, xorta nistgħu ngħixu flimkien fil-paċi. U għalhekk naħseb li l-promozzjoni ta’ dan it-tip ta’ immaġni hija xi ħaġa li d-dinja teħtieġ tisma’ llum, u li flimkien nistgħu nkomplu noffruha permezz tax-xhieda tagħna hekk kif nissuktaw dan il-vjaġġ appostoliku.
Il-vjaġġ it-tajjeb. Sewwa li ltqajna. Mill-ġdid grazzi tas-servizz tagħkom. Grazzi!
Miġjub għall-Malti minn Joe Huber